Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġirolmu Emiliani

Print Friendly, PDF & Email

Fit-8 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Ġirolmu Emiliani, Saċerdot li għex bejn is-snin 1481 sa 1537.

San Ġirolmu twieled f’Venezja, l-Italja, fl-1481. Meta kien għadu tifel, tilef lil missieru. Ommu rabbietu fil-biża’ t’Alla; iżda l-passjonijiet ħżiena fgaw iż-żerriegħa tajba. Ta’ ħmistax il-sena telaq mid-dar, u ma damx ma daħal suldat, fejn ittraskura u sar indifferenti għar-Reliġjon.

Ħa sehem fid-difiża ta’ Castelnuovo kontra l-lega ta’ Cambraj u waqa’ priġunier (1508). Fil-ħabs kienet tistennieh il-grazzja t’Alla; daħal fih innifsu u beda jaħseb fuq l-istat infeliċi ta’ ruħu. Malli ħeles mill-ħabs mar għamel pellegrinaġġ lill-Madonna ta’ Treviso, bi twettieq ta’ wegħda li kien għamel. Xi għaxar snin wara, meta kellu 25 sena, waqa’ priġunier.

Fil-fatt ħarab mill-ħabs, u tassew biddel ħajtu, u xtaq isir qassis. Waqt li kien jistudja kien ukoll isib ħin iżur il-morda, u jgħallem ir-reliġjon lit-tfal iltiema.

Fl-1518, meta kellu 37 sena sar qassis, u ntefa’ b’ruħu u b’ġismu biex jieħu ħsieb it-tfal u jedukahom speċjalment lil dawk li kienu orfni jew ittraskurati mill-ġenituri tagħhom. Meta fl-1528 faqqgħet l-epidemija tal-pesta f’Venezja, ħa f’idejh l-isptar li kien twaqqaf minn San Gejtanu, u kont issibu kullimkien jgħin u jfarraġ.

Iżda l-iltiema kienu saru l-mimmi t’għajnejh. Kera dar għalihom u bl-għajnuna ta’ xi sekulari kien jieħu ħsiebhom għal kollox u jrabbihom hu. Fl-1531, mar Verona u hemmhekk bena sptar ieħor. Mar Brescia u bena orfanatrofju. Minn hemm mar Bergamo fejn bena żewġt orfanatrofji, wieħed għas-subien u l-ieħor għall-bniet, u hawn fetaħ ukoll dar għan-nisa u x-xebbiet li jkunu għaddejjin minn perjodu ħażin f’ħajjithom.

Żewġ qassisin oħra ngħaqdu miegħu għal dan ix-xogħol, Alessandro Besuzio u Agostino Bariso. Fl-1532, waqqaf Kongregazzjoni li l-għan ewlieni tagħha kien li tieħu ħsieb l-iltiema, il-morda u l-foqra. Il-membri tagħha kienu saċerdoti, li ġew imsejħin Somaski għax id-dar ċentrali tal-Kongregazzjoni kienet f’raħal żgħir, qrib Milan, jismu Somaska. Skont ir-regola tal-kongregazzjoni x-xogħol ewlieni tal-membri għandu jkun it-trobbija tal-iltiema u l-ħsieb tal-fqar u l-morda.

San Ġirolmu kien l-ewwel wieħed li beda jgħallem ir-Reliġjon lit-tfal bil-Katekiżmu, f’forma ta’ mistoqsija u tweġiba.

Il-qaddis miet ta’ 56 sena fit-8 ta’ Frar tal-1537, martri taż-żelu tiegħu: ittieħed Bergamo waqt li kien idur bil-morda u miet Somaska. San Ġirolmu ġie kanonizzat fl-1767 u għamluh Patrun tal-orfni u tat-tfal abbandunati fl-1928.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading