Id-Djoċesi ta’ Għawdex, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Arka, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Għarfien dwar l-Awtiżmu, u fid-dawl tal-ħtieġa dejjem tikber għal aktar servizzi speċjalizzati, qed tniedi proġett ġdid ta’ ġid kbir għall-komunità Għawdxija.
Dan il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ residenza ddedikata esklussivament għal persuni bl-awtiżmu, fil-lokalità tax-Xagħra. L-art ġiet mgħoddija lid-Djoċesi minn benefattur. Il-faċilità se tkun mifruxa fuq tliet sulari li testendi fuq area totali ta’ madwar 424m2.
Din ir-residenza se tkun mgħammra b’infrastruttura moderna u adattata biex tilqa’ għall-bżonnijiet differenti ta’ dawn il-persuni.
Ir-residenza se toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi, fosthom:
• servizzi ta’ matul il-jum (day centre),
• servizz ta’ respite,
• akkomodazzjoni residenzjali għal kura fit-tul.
Barra minn hekk, il-binja se tinkludi diversi spazji terapewtiċi speċjalizzati, bħal:
• multi-sensory room,
• calming rooms,
• swali multi-purpose, flimkien ma’ faċilitajiet oħra meħtieġa biex jappoġġjaw kemm l-iżvilupp personali u kemm il-benessri ta’ dawk li se jagħmlu użu minn din id-dar.
It-tmexxija u l-operat ta’ din ir-residenza se jkunu taħt ir-responsabbiltà tal-Fondazzjoni Arka, li matul l-aħħar 25 sena tat kontribut sinifikanti fil-qasam tad-diżabbiltà f’Għawdex. Is-servizzi tagħha jinkludu l-operat ta’ Dar l-Arka f’Għajnsielem, kif ukoll żewġ appartamenti fil-komunità li joffru għajxien assistit lil persuni li jistgħu jgħixu b’mod relattivament indipendenti b’appoġġ minimu.
Barra minn hekk, fix-xhur li ġejjin huwa ppjanat li jinfetaħ it-tielet appartament ibbażat fuq l-istess mudell ta’ ‘supported independent living’, li se jkun jista’ jilqa’ sitt persuni oħra.
Id-Djoċesi ta’ Għawdex, flimkien mal-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni Arka, tinsab impenjata bis-sħiħ li tibda l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett fl-iqsar żmien possibbli, sabiex dawk li għandhom bżonn dawn is-servizzi jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom b’mod effettiv, dinjituż u sostenibbli.

