Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Reġinaldu ta’ Orleans


Fit-12 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil Beatu Reġinaldu ta’ Orleans, Presbiteru li għex bejn is-snin 1183 sa 1220.

Dan kien l-ewwel fost il-qaddisin u l-beati Dumnikani. Twieled fid-djoċesi ta’ Orleans fi Franza. Sar duttur tal-liġi u għallem id-dritt kanoniku fl-Akkademja ta’ Pariġi. Waqt li kien iżur il-postijiet imqaddsa f’Ruma, laqtu ħafna l-kliem ta’ San Duminku u baqa’ impressjonat bil-faqar evanġeliku tal-ordni tal-Predikaturi u l-ħeġġa tiegħu għall-appostolat.

Ġiet fuqu marda, imma reġa’ ħa saħħtu bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka u mbagħad ngħaqad mal-ordni ta’ San Dumniku kif kienet indikatlu l-Madonna.

Bl-eżempju t-tajjeb u l-kelma mħeġġa tiegħu ħafna żgħażagħ u nies magħrufa daħlu fl-ordni, l-ewwel f’Bolonja u mbagħad f’Pariġi. Billi kien professur tal-liġi kanonika fl-Università ta’ Pariġi, Reġinaldu kien ta’ għajnuna kbira għal San Duminku fl-għoti ta’ għamla definittiva lill-ordni tiegħu.

B’għaqal kbir Reġinaldu organizza u mexxa ’l quddiem il-ħajja tal-komunità, u tkebbes bil-ħeġġa tal-appostli għat-tiġdid tas-saltna ta’ Kristu.

Skont tradizzjoni fl-Ordni Dumnikan, il-Madonna għarrfet lil Reġinaldu li kienet tixtieq li l-patrijiet predikaturi jilbsu l-labtu abjad flok ir-rukkett li San Duminku kien jilbes bħala kanonku.

Il-beatu miet f’Pariġi fl-1220 meta kellu inqas minn 40 sena u kien midfun fil-knisja ta’ Notre Dame des Champs. Il-Papa Piju IX, fit-8 ta’ Lulju 1875, ikkonferma l-qima lejh li kienet ilha mogħtija lilu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com