Mgħallem tal-ħsieb u eżempju tal-veru teologu

Wieħed mix-xmux tal-għerf li qatt rat id-dinja kien, mingħajr dubju, il-Patri Dumnikan, il-filosfu u t-teologu mill-iprem, San Tumas t’Akwinu (1225-1274). Minħabba li ċċelebrajna l-festa tiegħu nhar it-Tlieta 28 ta’ Jannar ikun bix-xieraq li nfakkru lil dan il-bniedem għaref, umli u qaddis li ħalla l-impronta tiegħu kemm fil-Knisja u anki fis-soċjetà ċivili.

Fl-enċiklika tiegħu dwar ir-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-Fidi u r-Raġuni, Fides Et Ratio, li ġġib id-data tal-14 ta’ Settembru 1998, San Ġwann Pawlu II jgħid hekk: “San Tumas tqies mill-Knisja mgħallem tal-ħsieb u eżempju ta’ kif għandha tiġi żviluppata t-teoloġija” (nru.43). Fl-istess paragrafu l-Papa jfisser l-għaliex San Tumas hu mgħallem tal-ħsieb u kif ukoll eżempju ta’ kif għandha tkun żviluppata t-teoloġija.

“Hemm riservat post speċjali għal San Tumas b’din il-mixja twila, mhux biss imħabba dak li hemm fit-tagħlim tiegħu, imma wkoll minħabba d-djalogu li għaraf jagħmel mat-tagħlim Għarbi u Lhudi ta’ żmienu. F’dak iż-żmien li fih l-istudjużi nsara kienu qed jiskopru t-teżori tal-filosofija antika, u l-aktar tal-filosofija ta’ Aristotele, San Tumas kiseb mertu kbir meta wera l-armonija li hemm bejn ir-raġuni u l-Fidi. Id-dawl, kemm tal-Fidi u kemm tar-raġuni, ġejjin minn għand Alla, jargumenta San Tumas, mela ma jistgħux ikunu kontra xulxin.

San Tumas b’mod l-aktar radikali għaraf li n-natura, l-oġġett proprju tal-filosofija, tista’ tgħin biex wieħed jifhem ir-Rivelazzjoni ta’ Alla. Il-fidi għalhekk ma tibżax mir-raġuni imma tfittixha u tafda fiha. Kif il-grazzja tibni fuq in-natura u twassalha għall-perfezzjoni, hekk il-fidi ssostni r-raġuni u twassalha għall-perfezzjoni. Ir-raġuni, imdawla mill-fidi, teħles mid-dgħufija u l-limiti tagħha, li ġejjin mid-diżubbidjenza tad-dnub, issib il-qawwa meħtieġa biex togħla lejn l-għarfien tal-Misteru ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni. Waqt li bil-qawwa kollha San Tumas wera n-natura soprannaturali tal-fidi, ma nesiex il-valur tar-raġuni, anzi għaraf jinżel fil-fond u jfisser u wera sa fejn jasal l-għerf li twassal għalih ir-raġuni. Il-fidi b’xi mod hi ‘eżerċizzju ta’ ħsieb’; ir-raġuni tal-bniedem ma titwarrabx, ma tiddgħajjifx, meta taċċetta l-veritajiet tal-fidi; iżda dawn il-veritajiet naslu għalihom permezz ta’ għażla ħielsa u konxja” (n.43).

Sant Tumas hu kbir l-għaliex għaraf jiddjaloga ma nies ta’ tagħlim differenti minn tiegħu. Qatt ma ngħalaq fih innifsu. U qatt ma kien il-bniedem estremist li jara kollox abjad jew iswed iżda fittex li jressaq, kemm jista’ ikun, ir-raġuni mal-fidi u l-fidi mar-raġuni. Wara kollox kemm moħħna u anki ruħna, it-tnejn ġejjin mill-Mulej. Mela, jekk dan hu minnu, kif inġellduhom qishom kienu klieb u qtates kontra xulxin?

San Tumas hu kbir l-għaliex wera li anki moħħna, meta mgħejjun mill-grazzja tal-Mulej, jistgħu jagħrfu bil-ħsieb. Għalhekk, ir-ruħ, meta tħares lejn il-moħħ, ma titwerwirx minnu iżda tara li jista’ jasal għand il-Mulej ukoll. San Tumas fakkarna li l-għajnuna tal-Mulej issib l-għaxqa tagħha meta tarana qed nagħmlu ħilitna biex nagħmlu dak li hu tajjeb quddiemu. Għalhekk, mgħejjuna mill-grazzja tal-Mulej, aħna nkunu bnedmin sħaħ. Minn naħa l-oħra, il-fidi tgħin lil moħħna tant li ġġibu jirraġuna tajjeb u kif suppost.

San Tumas qawwilna qalbna l-għaliex uriena kif, meta lil moħħna niftuħ għall-għajnuna tal-Mulej għax nibdew nafdaw fiH u nintelqu f’idejH, aħna nibdew nintebħu kemm ninħelsu mill-limiti u d-dgħjufija tagħna. Dan l-għaliex moħħna jsib l-għaxqa tiegħu fit-Trinità Qaddisa, il-Misteru ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni. Ara kemm hi qawwija l-fidi ħbieb! B’daqshekk iżda irridu napprezzaw ukoll kemm moħħna l-Mulej ħalqu tajjeb! Dan l-għaliex moħħna jista’ jasal għal għerf tassew kbir.

Is-sabiħa hi li l-kobor ta’ ruħna u dik ta’ moħħna lkoll jduru fuq ħaġa tabilħaqq importanti: jekk niftħuhomx għall-Mulej jew le! L-għażla aħna rridu nagħmluha! Anki jekk, b’ħafna u ħafna modi, il-Mulej aqta’ kemm jibgħatilna sms biex ruħna u moħħna nagħtuhomlu f’idejH. Madankollu, huwa int u jien li rridu, tabilħaqq, niddeċiedu li nagħmlu dan. U ħadd iżjed!

Ejjew issa nduqu ftit mill-benna tat-tagħlim ta’ dan il-Patri Dumnikan. Kulħadd jixtieq li jkun ferħan u ferħana. Veru? Jgħidilna San Tumas: Il-ferħ hu l-perfezzjoni aħħarija tal-bniedem … Għalhekk il-perfezzjoni aħħarija tal-bniedem u t-tajjeb aħħari qiegħed fl-għaqda ma’ Alla, kif jgħid Salm 73:28: ‘Iżda jiena l-hena tiegħi li nkun qrib Alla.’ Imma, din il-viċinanza mal-Mulej, x’iġġib? Jissokta jgħallimna San Tumas: Min jaqdi lill-Mulej għandu jkun mimli kunfidenza. Mingħajr dubju, dik il-kunfidenza li mhux biss nafdaw lill-Mulej għalih innifsu iżda li, bil-għajnuna tiegħu, nħobbuH f’xulxin.

U hawn San Tumas jgħallimna tabilħaqq x’inhi l-imħabba lejn il-proxxmu. Ifakkarna: Il-bniedem joffendi malajr bil-kliem. Għalhekk mela s-salmista jitlob bl-akbar ħerqa lill-Mulej meta jgħidlu: Qegħedli, Mulej, lġiem fuq fommi,
agħmilli l-għassa ma’ bieb xufftejja (S 141:3). Dan l-għaliex, u minn natura tiegħu, il-bniedem kien maħluq li jħenn. Jgħidilna: Il-bniedem hu mmexxi biex ikun ħanin mill-eżempju tal-Ħniena Divina. Min hu normali jħenn! Għax Dak li ħalqu hu Ħanin! Imma min hu aħdar mhux normali għax mhux qed jiġi mmexxi minn Dak li ħalqu u fdieh. X’messaġġ f’waqtu għal żminijietna hu dan!

San Tumas kien jemmen fil-qawwa kbira li għandu l-eżempju tajjeb. Jikteb: Hu possibbli, bl-għemejjel tal-virtujiet morali kollha, li wieħed imexxi lill-proxxmu tiegħu għat-tajjeb bl-eżempju. Ta’ bniedem qaddis li kien San Tumas kien jagħti mportanza kbira lill-maħfra. Jgħidilna: Xejn ma jxebbħek mal-Mulej għajr meta taħfer lil dak li weġġgħek. Din hi l-imħabba tassew! Bħalma jgħid f’parti oħra minn kitbietu: Min iħobb joħroġ minnu nnifsu daqskemm irid il-ġid ta’ ħabibu u jaħdem għalih.

Ngħid għalija San Tumas ifakkarni f’żewġ ħwejjeġ importanti: Oqgħod attent mill-bniedem ta’ ktieb wieħed. U, għal min jemmen l-ebda spjegazzjoni m’hi neċessarja. Għal min ma jemminx l-ebda spjegazzjoni m’hi possibbli. M’hawnx agħar minn bniedem moħħu magħluq u rasu iebsa! Minn din il-pesta, bit-talb ta’ San Tumas t’Akwinu, eħlisna nitolbuk Mulej!

Patri Mario Attard OFM Cap

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading