Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Adeodata Pisani


Fil-25 ta’ Frar l-Knisja f’Malta tfakkar lil Beata Adeodata Pisani, Verġni u Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1806 sa 1855.

Twieldet Napli fid-29 ta’ Diċembru 1806 u ngħatat l-isem ta’ Marija Tereża. Missierha kien mogħti għax-xorb u l-ġenituri tagħha kellhom jinfirdu meta l-beata kienet tarbija, u hi trabbiet minn omm missierha, iżda din mietet meta l-beata kellha għaxar snin. Hi ntbagħtet f’kulleġġ tal-bniet f’Napli sakemm għalqet 17-il sena.

Sentejn wara, ġiet Malta għal kollox flimkien ma’ ommha u marru joqogħdu r-Rabat. Ommha kemm-il darba ppruvat issibilha għarus biex tiżżewweġ, iżda Marija Tereża qatt ma riedet. Ma’ missierha ltaqgħet bosta drabi u dejjem ġabitlu rispett. Ħafna kienu jammiraw il-ħajja eżemplari tagħha u ċerta qdusija diġà kienet bdiet tidher fiha.

Marija Tereża kienet issib l-għaxqa tagħha titlob fil-knisja ta’ San Mark, li l-Agostinjani għandhom fir-Rabat. Kien proprju f’dil-knisja quddiem ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, li ħasset is-sejħa li tidħol soru. Marija Tereża daħlet fil-monasteru ta’ San Pietru fl-Imdina nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-1828 meta kellha 22 sena. Hawn ingħatat l-isem ta’ Marija Adeodata u fit-8 ta’ Marzu 1830 hi għamlet il-professjoni reliġjuża solenni.

Fl-1851 intgħażlet bħala Badessa u fi żmienha mexxiet riforma fil-ħajja komunitarja b’ħarsien aktar bir-reqqa tar-regola. Dak li setgħet tiddisponi minnu qassmitu lill-foqra li kienu jħabbtu l-bieb tal-monasteru. Il-beata baqgħet imsemmija għall-ispirtu ta’ talb u sagrifiċċju. Mietet fil-25 ta’ Frar 1855 fil-għomor ta’ 49 sena.

Hija ġiet ibbeatifikata nhar id-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, flimkien ma’ Dun Ġorġ Preca u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com