It-Tlieta, 25 ta’ Frar 2020: Ma nistgħux ngħixu l-Evanġelju bil-kompromessi inkella nkunu waqajna fl-ispirtu tad-dinja li jimmira biex jiddomina fuq l-oħrajn u huwa ‘għadu ta’ Alla’. Għandna nagħżlu t-triq tas-servizz. Ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku fl-omelija tal-lum fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kienet dwar l-Evanġelju meħud minn San Mark, Kapitlu 9, versi 30 sa 37, li fih Ġesù jgħid lit-tnax li min irid ikun l-ewwel għandu jkun tal-aħħar u qaddej ta’ kulħadd.
Ġesù kien jaf li mat-triq id-dixxipli kienu qed jiddiskutu bejniethom min kien l-akbar fosthom, ‘għall-ambizzjoni’. Dan it-tilwim aħna u ngħidu, ‘irrid nilħaq, irrid nibqa’ miexi,’ spjega l-Papa, huwa l-ispirtu tad-dinja.
Imma l-ewwel qari tal-ġurnata, meħud minn San Ġakbu, ukoll jimxi fuq dan l-aspett, meta l-Appostlu jfakkarna li l-imħabba tad-dinja hi għadu ta’ Alla.
Aħna mimlijin ansjetà biex inkunu l-aktar importanti u ngħidu lilna nfusna: ‘Dan jistħoqq lili mhux lil dak jew lill-ieħor.’ Din hi mondanità, dan hu l-ispirtu tad-dinja, u min jimtela b’dan l-ispirtu jkun qed isir għadu ta’ Alla.
F’pass ieħor, Ġesù jgħid lid-dixxipli: ‘Jew intom miegħi jew kontra tiegħi.’ Fl-Evanġelju m’hemmx kompromessi. Meta xi ħadd jipprova jgħix l-Evanġelju bil-kompromessi, fl-aħħar jispiċċa maħkum minn spirtu tad-dinja li jfittex dejjem il-kompromess biex jixxabbat aktar, biex jiddomina, biex ikun akbar.
Ħafna gwerer u ħafna tilwim jinbtu proprju mix-xewqat tad-dinja, mill-passjonijiet. Hu minnu, qal il-Papa, li llum fid-dinja hemm miżrugħa l-gwerra kullimkien. Imma fostna liema huma l-gwerer? Bħal dik tal-Appostli: min hu l-aktar importanti.
‘Ara x’karriera għamilt: issa ma nistax immur lura!’ Dan hu l-ispirtu tad-dinja, u dan mhux nisrani. ‘Le, issa jmiss lili! Irrid naqla’ aktar biex ikolli aktar flus u aktar setgħa.’ Dan hu l-ispirtu tad-dinja. Imbagħad… il-kattiverja tat-tqassis: il-pettegolezzi. Mnejn jinbtu? Mill-għira. L-akbar għajjur hu x-xitan, nafuha. Dan tgħidulna l-Bibbja. Hu minħabba x-xitan li daħal il-ħażen fid-dinja. L-għira hi s-susa li timbuttak biex teqred, biex tqassas, biex ixxejjen lill-ieħor.
Fid-djalogu ta’ bejn id-dixxipli kienu preżenti dawn il-passjonijiet kollha u kien għalhekk li Ġesù jċanfarhom u jħeġġiġhom biex ikunu qaddejja, u jmorru fl-aħħar post.
Min hu l-aktar importanti fil-Knisja? Il-Papa, l-isqfijiet, il-monsinjuri, il-kardinali, il-kappillani tal-isbaħ parroċċi, il-presidenti tal-assoċjazzjonijiet tal-lajċi? Le. L-akbar fil-Knisja hu dak li jsir qaddej ta’ kulħadd, mhux dak li għandu l-akbar għadd ta’ titli.
Biex ifiehem dan, Ġesù ġibed tifel lejh, qiegħdu fin-nofs, u filwaqt li ħaddnu miegħu bit-tenerezza – għax Ġesù kien jitkellem bit-tenerezza, kellu ħafna tenerezza – qalilhom: ‘Min jilqa’ lilu, jilqa’ lili,’ jiġifieri jilqa’ lill-aktar umli, lill-aktar wieħed li jaqdi. Din hi t-triq. It-triq kontra l-ispirtu tad-dinja hi waħda: l-umiltà.
Għalhekk ma nistgħux noqogħdu ninnegozjaw mal-ispirtu tad-dinja. M’għandniex ngħidu: ‘Għandi dritt għal dal-post, għax għandi karriera kbira wara spallejja.’ Infatti, il-mondanità hi għadu ta’ Alla.
Minflok, jeħtieġ nisimgħu dil-kelma ‘tant għaqlija’ u inkoraġġanti li jgħid Ġesù fl-Evanġelju: ‘Jekk wieħed irid ikun tal-ewwel, għandu jkun tal-aħħar, ikun il-qaddej ta’ kulħadd.’
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.