Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex


Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex: ktieb ġdid ta’ Fr Martin Micallef.

Capture

Il-ktieb Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex, ta’ Patri Martin Micallef O. Cap, jinseġ tapizzerija rikka ta’ ħajja Kapuċċina f’dawn il-gżejjer madwar il-leit motif tal-istorja tal-kurċifiss li hemm fil-knisja u l-kunvent tal-Ordni f’Għawdex.

Fuq l-isfond ta’ kif żviluppa l-kult tal-kurċifiss sa mill-ewwel sekli tal-era Kristjana, kemm fid-dinja Kattolika kif ukoll f’dawn il-gżejjer, l-awtur ilaqqam il-ġrajja ta’ kif dan il-kurċifiss, li nħadem fi Sqallija fl-1683 minn artist tajjeb u li s’issa għadu mhux magħruf, inġieb f’dawn il-gżejjer mill-Kommendatur Miceli, l-ewwel f’Malta u aktar tard, bil-ħidma tal-Għawdxi de Soldanis, għadda f’idejn il-Kapuċċini li kienu għadhom kemm fetħu l-kunvent tagħhom, tefgħa ta’ ġebla bogħod miċ-Ċittadella, f’Forn il-Ġir.

Dan ir-rakkont – iz-zokk tas-siġra narrattiva – jinfirex fuq sitt kapitli li minnhom, bħal fi friegħi tqal bil-frott li l-awtur jgħammidhom Excursus, wara kull kapitlu jislet għana ta’ dettalji dwar l-elf u mitt ħaġa ta’ interess li jkunu ssemmew fil-kapitlu rispettiv. Kollox huwa mirfud, sal-inqas dettall, minn dokumentazzjoni sħiħa kif tixhed il-biblijografija voluminuża fi tmiem din l-opra.

Il-ktieb hu mnisseġ b’rakkonti sfiqa mal-ħajja fl-ambjent Għawdxi u l-implikazzjonijiet soċjali li tista’ tislet minnha. Il-ktieb hu rakkomandat lil kull min għandu għal qalbu l-ħajja Nisranija u l-istorja ta’ pajjiżna, mhux biss għall-ispeċjalista li jogħxa jgħum fil-baħar ta’ referenzi, imma għal kull dar li tgħid li hi Maltija.

It-tnedija tal-ktieb saret it-Tlieta 25 ta’ Frar fil-Palazz tal-President, f’Ħ’Attard.