Missierek li jara dak li hu fil-moħbi …


L-Erbgħa, 26 ta’ Frar 2020: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li għamel f’Ras ir-Randan fil-Kamra tal-Avukati, Qrati tal-Ġustizzja, Valletta.

Capture

L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Nixtieq li nagħmel riflessjoni qasira fuq il-kelma li qal Ġesù, ripetuta kemm-il darba fl-Evanġelju llum: “Missierek li jara dak li hu fil-moħbi…”

Waħda mid-differenzi kbar li hemm bejn ħajja Nisranija li ngħixuha bis-serjetà u ħajja Nisranija tal-isem biss hi l-konvinzjoni li hemm Alla Missierna li jara dak li hu fil-moħbi. Din tgħodd kemm għat-tajjeb li nagħmlu u kemm għall-ħażin li ma nagħmlux.

It-tajjeb li nagħmlu

Ġesù jsemmi l-karità, it-talb u s-sawm. Int tista’ tagħmel dawn għal wiċċ in-nies, imma jekk tagħmel hekk, ma temminx li hemm Missier li jara dak li hu fil-moħbi. Hu jara l-qalb mhux biss il-faċċata. Jekk int it-talb tagħmlu għal wiċċ in-nies, il-karità biex jarawk li qed tgħin, is-sawm biex tidher, allura hemm xi ħaġa fundamentali ħażina. Alla jara l-qalb, ma joqgħodx jimpressjona ruħu bil-faċċata.

Għalhekk is-sejħa li għandna fl-ewwel ġurnata tar-Randan hi biex aħna nkunu awtentiċi. Nitolbu lil Alla l-grazzja tal-purifikazzjoni tal-qalb tagħna biex tassew, quddiem Alla, nagħmlu dak li hu ta’ ġid u nagħmluh għall-glorja tiegħu mhux għal għajnejn in-nies.

Alla jara l-qalb, ma joqgħodx jimpressjona ruħu bil-faċċata.

Il-ħażin li ma nagħmlux

Il-kliem ta’ Ġesù “Missierek li jara dak li hu fil-moħbi” jgħodd ukoll għal dak li hu ħażin. L-esperjenza turi kemm nies jaħsbu li l-ħażin jekk tinqabad tagħmlu, jiġifieri jekk dehert minn barra li għamiltu, mhux jekk tagħmlu. Mentri Ġesù qed jgħid li l-Missier jara dak li hu fil-moħbi. Għalhekk ukoll jekk ħadd ma qabdek, jew għaddew is-snin u ħadd ma induna b’li għamilt, imma Alla dan jarah, dan jagħrfu.

Din il-konvinzjoni li hemm Alla Missierna li jara dak li hu fil-moħbi tgħinna ħafna f’ħajjitna. Quddiem Alla ma rridx nirreċta, jew nagħmel xeni. Quddiemu m’iniex se nimpressjona. Dak li nagħmel b’qalb sinċiera hu ta’ siwi kbir quddiem Alla. Nitolbu biex f’ħajti jkolli s-sinċerità tal-qalb. Dak li nagħmel nagħmlu għax nemmen li hu tajjeb mhux għal wiċċ xi ħadd; u l-ħażin ma nagħmlux mhux għax nibża’ li xi ħadd jinduna imma għax hu ħażin fih innifsu.

Nitolbu lill-Mulej f’dan ir-Randan biex isaħħaħna fil-fidi tagħna f’Alla Missierna li jara dak li hu fil-moħbi, li jħobbna tassew. Quddiemu mhux biża’ jkollna imma qalb miftuħa għalih biex hu jgħinna ngħixu b’mod awtentiku l-ħajja tagħna Nisranija.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju