L-Arċisqof fuq Radju Marija


Ilbieraħ Mons Arċisqof ġie intervistat minn Fr Antoine Borg fl-istudjos ta’ Radju Marija. Wara li talab l-Angelus mas-Sinjura Yvonne Chircop l-Arċisqof tkellem mad-Direttur ta’ Radju Marija l-aktar dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku fostna. Huwa fakkar li dakinhar taż-żjara l-Knisja tiċċelebra Għid il-Ħamsin.

Mons Arċisqof ta mandat lis-semmiegħa kollha speċjalment il-morda u dawk li ġarrbu xi luttu jew qed ibatu biex joffru t-tbatija tagħhom għas-suċċess spiritwali taż-żjara tal-Papa Franġisku. Huwa talab ukoll li fil-preċi li nitolbu fit-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum u fl-Għasar inżidu talba biex iż-żjara tal-Papa tħalli ġid spiritwali kbir. Huwa appella wkoll biex fit-tqarbin noffru talb sabiex joħroġ ħafna ġid minn dan il-jum tant mistenni.

Mons Arċisqof ħabbar ukoll inizjattivi oħra b’rabta maż-żjara tal-Papa fosthom il-pubblikazzjoni ta’ edizzjoni ġdida tal-Bibbja; edizzjoni taskabbli tal-eżortazzjoni appostolika Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu) u bosta inizjattivi għaż-żgħażagħ bi tħejjija għall-miġja tal-Papa. Fr Antoine Borg ħabbar li Radju Marija se jkun qed iwassal siltiet minn din l-eżortazzjoni u l-Arċisqof saħaq l-importanza li wieħed jirrifletti dwar dak li jisma’.

Mons Scicluna sellem ukoll lis-semmiegħa li jsegwu Radju Marija mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u fakkar li Ġesù wkoll bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa meta ġie mislub għadda mill-esperjenza tal-ħabs. San Pawl ukoll ġie Malta bħala priġunier għalhekk ħeġġeġ lil dawk li huma fil-Faċilità Korrettiva biex joffru t-tbatija tagħhom u jiftakru dejjem fil-ħniena kbira t’Alla.

Lil-lajċi impenjati Mons Arċisqof stedinhom biex joqogħdu attenti għall-appelli għall-għajnuna li dalwaqt jibdew isiru. Huwa qal li hemm bżonn ħafna għajnuna fosthom fl-organizzazzjoni, fil-volontarjat, fl-animazzjoni tal-quddiesa fost l-oħrajn. Huwa awgura li r-risposta tkun waħda ġeneruża u għalkemm wieħed se jkun jista’ jsegwi ż-żjara tal-Papa minn fuq il-mezzi tax-xandir l-Arċisqof appella biex kull min jista’ jattendi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Papa.

Dwar l-immigrazzjoni l-Arċisqof qal li l-għażliet tal-Papa huma wkoll l-għażliet ta’ Ġesù Kristu. Il-Papa ġej biex jinkoraġġina bħala Missier iżda wkoll biex jisfidana. Huwa minnu li l-fenomenu tal-migrazzjoni qed ipoġġi stress fuq il-pajjiżi li qed jiffaċċjaw din il-problema iżda ma rridux inċedu għat-tentazzjoni li naraw lil ħutna immigranti bħala għedewwa. Ir-rata tal-impjiegi f’Malta hija waħda tajba u neħtieġu ħaddiema barranin. Huwa awgura li dawn ħutna jiġu ttrattati b’dinjità u jiġu mħarsa d-drittijiet tagħhom hekk kif nixtiequ li ħutna Maltin jiġu ttrattati meta jemigraw f’pajjiżi oħra.

Fl-aħħar nett Mons Arċisqof ħeġġeġ biex ngħixu dan ir-Randan bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa, nitolbu r-Rużarju u noffru t-tbatijiet tagħna biex joħroġ ħafna ġid spiritwali. Huwa temm billi ta l-Barka Pastorali tiegħu lis-semmiegħa kollha ta’ Radju Marija.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.