Niftakar fik

Print Friendly, PDF & Email

Taħseb li Alla ttarrax għat-talb tiegħek? Tinsab f’mument ta’ dlam? Tħoss li s-salib li għandek huwa wisq tqil sabiex iġġorru? Ieqaf għal ftit mumenti. F’dan ir-Randan ftakar li dak li Ġesù għadda minnu fil-passjoni u l-mewt tiegħu, huwa għamlu għalik – għalik biss! Nistiednek tinġabar ftit u tagħmel din ir-riflessjoni.

Qari mill-Ktieb tas-Salmi (Salm 22):

Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?

Bqajt ‘il bogħod u ma salvajtnix,

ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx,

ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

Ħallini Mulej Ġesù nippreżentalek it-toqol tas-salib li bħalissa qiegħed inġorr.

Biddel it-toqol tas-salib li qiegħed jgħaffiġni, f’salib glorjuż li lili jsalvani.

Kull darba li nkun mimli ħsibijiet u ma nkunx naf x’ser naqbad nagħmel bija nnifsi; kull darba li nħossni waħdi u kull darba li naħseb illi lili ħadd ma jħobbni; kull darba li nħoss li d-dinja tinsab f’xifer – għinni sabiex niftakar fik Mulej Ġesù. Għinni Mulej Ġesù sabiex f’dawn il-mument niftakar fik propju hemm – minxur fuq is-salib – imdawwar b’nies li qegħdin jgħadduk biż-żmien u jinsulentawk. Nimmaġinak bejn sema u art, f’sema imdallma, ruħek tintelaq mal-karba ta’ “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” “Eloî! Eloî! Lama Sabaqtani?” Ankè inti fuq is-salib tlabt dan il-kliem ta’ dan is-salm. Bħal donnu ankè Alla l-Missier kien qiegħed jittarrax għall-karba tiegħek stess, inti li inti Ibnu.

Iżda le! Għajnejja araw! Din it-tbatija, dak kollu li inti ġarrabt fuq is-salib Mulej Ġesù, dan kollu sar għalija! Kemm jien prezzjuż għalik Mulej Ġesù! Ġesù inti batejt u mitt minħabba li kont fidil għar-rieda tal-Missier fil-ħajja tiegħek. U dan għamiltu b’turija ta’ mħabba lejja. Alla huwa iktar viċin tagħna milli aħna naħsbu, ankè f’dawk il-mumenti meta naħsbu li Alla telaqna u m’għadux jisma’ t-talb tagħna.

Żgur mhux b’kumbinazzjoni li inti dort għal dan is-salm bħala espressjoni ta’ dak li kont għaddej minnu fuq is-salib. Dan is-salm mhux biss jippreżenta karba lejn Alla għat-toqol tal-mument preżenti, imma fit-tieni parti jippreżenta l-ħniena li Alla wera fil-passat, Alla li ma jonqos qatt milli jħobb lill-poplu tiegħu u jħenn għalih. U għal dan is-Salmista jdur lejn Alla u jfaħħru:

Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;

sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;

ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

Għax ma warrabx minnu l-imsejken,

ma stmellx in-niket tiegħu;

anqas wiċċu ma ħeba minnu,

imma semgħu meta sejjaħlu.

Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira;

nrodd il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu minnu.

Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;

ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.

Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

Ġesu inti kont konxju li l-mument li kont fuq is-salib kien propju il-mument li għalih inti kont ġejt fid-dinja. Il-mument li għidt, “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” inti stess kont qiegħed tafferma l-preżenza ta’ Alla fost il-poplu. Il-karba tiegħek mhiex karba għall-għajnuna imma talba għall-poplu tiegħu. Għalkemm kien hemm dalma fil-pajjiż f’dak in-nofs ta’ nhar, ankè f’dan il-mument ta’ dlam Alla kien qiegħed hemm. Għalkemm l-għeluq ta’ Salm 22 ma kienx fuq fommok għażiż Ġesù, il-qawmien tiegħek mill-mewt huwa bħal garanzija tal-preżenza t’Alla ankè fil-mument tad-dlam. L-aħħar kelma mhiex tat-tbatija; l-aħħar kelma mhiex tal-mewt; l-aħħar kelma hija tal-qawmien – tar-rebħa fuq il-mewt.

Kitba ta’ Roderick White

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: