Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa talab għall-ħabsin

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 11 ta’ Marzu 2020: Għat-tielet jum, il-quddiesa ċelebrata mill-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta kienet murija live mill-mezzi tal-komunikazzjoni tas-Santa Sede. Fil-bidu tal-quddiesa Franġisku qal li għandna nkomplu nitolbu għal min hu marid bil-coronavirus u llum, b’mod partikolari, riedna noffru t-talb għal ħutna maqfulin fil-ħabsijiet biex il-Mulej ifarraġhom f’dan il-mument diffiċli.

Fl-omelija l-Papa tnebbaħ mill-ewwel qari meħud mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija.  Din hi verament profezija dwar il-Passjoni tal-Mulej.

X’jgħidu l-għedewwa?  ‘Ejjew noqtluh bi lsienna; ma nagħtux aktar kas ta’ kliemu.’  Ejjew noħolqulu l-ostakoli.  Ma jgħidux: ‘Negħlbuh, neqirduh’: le.  Jagħmlulu ħajtu diffiċli, jitturmentawh.  Din hi t-tbatija tal-profeta imma hemm naraw ukoll profezija dwar Ġesù.

Ġesù nnifsu fl-Evanġelju jkellimna dwar dan: ‘Araw, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba; dawn jaqtgħuhielu għall-mewt, jerħuh f’idejn il-pagani biex jiddieħku bih, u jagħtuh is-swat u jsallbuh.’

Mhix biss kundanna għall-mewt: hija aktar minn hekk.  Hemm l-umiljazzjoni, hemm il-persekuzzjoni.  U meta l-persekuzzjoni tan-Nisrani tiħrax, hemm warajha d-demonju.   Id-demonju għandu żewġ stili.  Wieħed minnhom huwa s-seħer, bil-wegħdiet tad-dinja kif ried jagħmel ma’ Ġesù fid-deżert, biex bis-seduzzjoni jġiegħlu jibdel il-pjan tas-salvazzjoni.  U jekk dal-pjan ma jirnexxilux, jippersisti.

M’għandux triq tan-nofs id-demonju.  Is-suppervja tiegħu hi tant kbira li jipprova jeqred u filwaqt li jeqred iħossu sodisfatt b’li jkun jagħmel bl-akkaniment.

Niftakru fil-persekuzzjoni ta’ tant qaddisin, ta’ tant Insara li mhux biss joqtluhom imma jġagħluhom isofru u jippruvaw jumiljawhom b’kull mezz, sal-aħħar.

M’għandniex inħalltu sempliċi persekuzzjoni soċjali, politika, reliġjuża mal-akkaniment tax-xitan.  Ix-xitan jippersisti biex jeqred.  Niftakru fl-Apokalissi: irid jibla’ lil bin dik il-mara li se jitwieled.

Iż-żewġ ħallelin li kienu msallbin ma’ Ġesù, ikkundannati bħalu, ħallewhom imutu bil-kwiet.  Ħadd ma kien qed jinsultahom: ma kellhomx interess.  L-insult kien indirizzat biss lejn Ġesù, kontra Ġesù.

Lill-Appostli Ġesù jgħidilhom li kellu jkun ikkundannat għall-mewt imma kienu se jżebilħuh, isawtuh, isallbuh… Kienu se jżebilħuh.

It-triq biex naħarbu mill-akkaniment tax-xitan, minn dil-qerda, hija l-ispirtu tad-dinja, dak li l-omm titlob għal uliedha, għal ulied Żebedew.

Ġesù jitkellem dwar l-umiljazzjoni, id-destin lest għalih, u hemmhekk minnu jitolbu l-apparenza, is-setgħa.  Il-vanità, l-ispirtu tad-dinja hu proprju t-triq li joffri x-xitan biex ibegħidna mis-Salib ta’ Kristu: li nilħaq, il-karriera, is-suċċess tad-dinja.  Dawn kollha mhumiex toroq insara, kollha huma toroq biex jostru s-Salib ta’ Ġesù.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nagħrfu niddixxernu l-waqt li fih l-ispirtu li jrid jeqridna jippersisti u nifhmu l-waqt li fih l-istess spirtu jfittex li jfarraġna bl-apparenzi tad-dinja, bil-vanità.

Iżda ma ninsewx: meta jwebbes rasu jfisser li hemm il-mibegħda, il-vendetta tax-xitan tellief.

U dejjem hekk sar fil-Knisja, sal-ġurnata tal-lum.  Niftakru f’tant Insara li jsofru persekuzzjoni krudila.  Dal-ġranet il-gazzetti qed jitkellmu dwar Asia Bibi: disa’ snin tbatija fil-ħabs!  Dan hu l-akkaniment tad-demonju.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nagħrfu niddixxernu t-triq tal-Mulej, li hi s-Salib, minn dik tad-dinja, li hi vanità, apparenza, kożmetika.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: