Il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2020: F’dan il-mument diffiċli l-Papa Franġisku qed ikompli jakkumpanjana bil-quddies li qed jiċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Illum, fil-bidu tal-quddiesa, Franġisku stedinna biex inkomplu nitolbu flimkien għall-morda, għall-familjari, għall-ġenituri li għandhom it-tfal magħhom id-dar, imma fuq kollox, il-Papa qalilna biex niftakru fl-awtoritajiet minħabba d-deċiżjonijiet li jkollhom jieħdu għas-saħħa tal-popolazzjoni.
Fl-omelija l-Papa għamel riflessjoni dwar l-Evanġelju: ir-rakkont tar-raġel għani u Lazzru. Hemm bżonn ma nkunux indifferenti quddiem id-dramm ta’ min, l-aktar it-tfal, ibati l-ġuħ jew qed jaħrab mill-gwerer u minflok għajnuna jsib jilqgħuh il-ħitan.
Dar-rakkont ta’ Ġesù huwa ċar ħafna minkejja li jidher qisu xi storja għat-tfal: huwa sempliċi ħafna. Ġesù jrid jurina li l-umanità kollha tista’ tgħix kif tirrakkonta l-parabbola, aħna inklużi.
Żewġ irġiel, wieħed sodisfatt, jaf jilbes – forsi kien ifittex lill-aktar stilisti bravi ta’ żmienu għal ilbiesu – kien jilbes il-propra u għażel fin. U kien jgħaddiha tajjeb għax kuljum kien jagħmel ikliet kbar. Hekk kien kuntent. Bla tħassib ta’ xejn. Forsi kien jieħu xi pillola kontra l-kolesterol, imma għalih il-ħajja kellha xejra tajba. Kien kuntent.
Ħdejn il-bieb tiegħu kien hemm wieħed fqir, kien jismu Lazzru. L-għani kien jaf li dan kien fqir. Imma għalih kollox kien f’postu: ‘Jien ngħaddiha tajjeb u dan… dik hi l-ħajja, fil-każ jirranġa…’
L-Evanġelju ma jgħid xejn dwar dan, issokta Franġisku, imma forsi dan l-għani kultant kien jibgħat xi loqma lil Lazzru. Fl-aħħar it-tnejn għaddew mil-liġi li tolqotna lkoll: il-mewt. Miet l-għani u miet Lazzru.
L-Evanġelju jgħidilna li Lazzru ttieħed is-sema fi ħdan Abram. Dwar l-għani jgħid biss li difnuh, xejn aktar.
Jolqtuk żewġ affarijiet: il-fatt li l-għani kien jaf lil Lazzru b’ismu, imma ma kienx jimpurtah minnu. Forsi kien negozjant li b’dak li jagħmel kien jgħakkes lill-foqra. Kien jaf sewwa, kien infurmat dwar dir-realtà.
It-tieni ħaġa li tolqotni, kompla l-Papa, hi l-kelma ‘dagħbien’ (vojt bla qies) li juża Abram meta jindirizza lill-għani. ‘Bejnietna hemm vojt bla qies, ma nistgħux nikkomunikaw; ma nistgħux ngħaddu minn naħa għall-oħra.’ Huwa l-istess vojt li kien hemm fil-ħajja bejn l-għani u Lazzru. Il-vojt ma bediex hemmhekk; kien beda hawn.
Irriflettejt dwar id-dramm ta’ dal-bniedem: id-dramm li kien infurmat tajjeb, imma qalbu kienet magħluqa. It-tagħrif li kellu dan l-għani ma kienx jasal sa qalbu. Qalbu ma kienet tħoss xejn, ma kienx jaf iħoss quddiem id-dramm tal-oħrajn. Lanqas kien jasal li jsejjaħ lil xi wieħed mill-qaddejja biex jieħu xi ħaġa lil Lazzru: id-dramm tal-informazzjoni li ma tasalx sal-qalb.
Dan jiġri lilna wkoll. Ilkoll nafu – għax sirna nafuh mill-mezzi tal-komunikazzjoni – kemm tfal ibatu l-ġuħ illum fid-dinja, kemm tfal m’għandhomx il-mediċini meħtieġa, kemm tfal ma jistgħux imorru l-iskola. Kontinenti sħaħ jgħixu dad-dramm, nafuha. Nitħassruhom u nibqgħu għaddejjin qisu qatt ma kien xejn.
Din l-informazzjoni ma tidħolx fil-qalb, u ħafna minna, tant gruppi ta’ bnedmin, jgħixu b’dan id-distakk bejn dak li jaħsbu, dak li jafu, u dak li jħossu. Huma indifferenti bħalma l-għani kien indifferenti lejn Lazzru. Hemm hu d-dagħbien tal-indifferenza.
Meta mort Lampedusa l-ewwel darba ħarġitli din il-kelma: globalizzazzjoni tal-indifferenza. Forsi llum hawn f’Ruma, aħna mħassbin għax il-ħwienet magħluqin… u ma nistax nixtri dak li rrid, ma nistax immur passiġġata kuljum… imħassbin għall-affarijiet tagħna personali.
Imbagħad ninsew lit-tfal bil-ġuħ, ninsew lil dawk l-imsejkna fejn il-konfini tal-pajjiżi jfittxu l-libertà, dawk il-migranti tturufnati li qed jaħarbu mill-ġuħ u mill-gwerra u jsibu ma’ wiċċhom ħajt, ħajt tal-ħadid, ta’ barbed wire, ħajt li ma jħallihomx jgħaddu.
Dan nafu li qed jiġri imma qalbna wieqfa, ngħixu fl-indifferenza. Din hi l-indifferenza: id-dramm li tkun infurmat sew iżda ma tħossx ir-realtà tal-ieħor. Dan hu d-dagħbien: id-dagħbien tal-indifferenza.
Imbagħad hemm ħaġa oħra li tolqtok. Nafu isem il-fqir: Lazzru. L-għani wkoll kien jafu għax meta kien fl-infern jitlob lil Abram biex jibgħatlu lil Lazzru. Imma isem l-għani ma nafuhx. Ma nafux ismu dar-raġel, ma kellux isem. Kien tilef ismu u kellu biss l-aġġettivi ta’ ħajtu: għani, setgħan… tant aġġettivi. Hekk iġibna l-egoiżmu: itellifna l-identità vera tagħna, isimna, u jġibna nagħtu valur lill-aġġettivi biss. Il-mondanità hi għalliema f’dal-każ.
Waqajna fil-kultura tal-aġġettivi fejn il-valur tiegħek hu biss dak li għandek, dak li tista’ u mhux x’jismek: titlef ismek. Dan iġġib magħha l-indifferenza: it-telf tal-isem. Aħna sinjuri, aħna dik u aħna l-oħra… u dak biss. Aħna sirna aġġettivi.
Illum nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex ma naqgħux fl-indifferenza. Nitolbu l-grazzja li kull ma nafu dwar it-tbatija umana jinżel fi qlubna u jċaqlaqna biex nagħmlu xi ħaġa għall-oħrajn.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.