Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Pellegrin minn Falerone


Fis-27 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Beatu Pellegrin minn Falerone, Reliġjuż Franġiskan
li miet għall-ħabta tas-sena 1232.

Dan il-beatu ħass il-ħajra li jsir reliġjuż Franġiskan wara li sema’ lill-Fundatur jipprietka f’Bologna. Meta Pellegrin ppreżenta ruħu quddiem San Franġisk t’Assisi, dan qallu: “Int għad taqdi ’l Alla fil-kundizzjoni umli ta’ fratell lajk, u titħarreġ b’mod speċjali fl-umiltà.”

Pellegrin kien ġej minn familja għanja u nobbli ta’ Falerone, f’Ascoli Piceno, fl-Italja Ċentrali. Studja l-filosofija u d-Dirittu Kanoniku f’Bologna, u kien diġà imkisser sewwa fix-xjenzi sagri u profani. Minkejja dan, hu aċċetta l-profezija ta’ San Franġisk bħallikieku kien kmand u, għal ħajtu kollha, ried jibqa’ dejjem sempliċiment fratell lajk, mogħti għas-servizzi l-iktar umli u spiss moħbijin f’kunventi żgħar u ftit magħrufa.

Skont il-Beatu Bernard ta’ Quintavalle, Pellegrin wettaq l-ideal tal-Franġiskan perfett u kien wieħed mir-reliġjużi l-aktar eżemplari. Xtaq ħafna li jkun jista’ jmut martri fost l-infidili, u, bħal San Franġisk innifsu, anki siefer lejn l-Art Imqaddsa, fost il-Misilmin. Il-Beatu Pellegrin bil-ftit il-ftit ġibed lejh lill-Misilmin minħabba l-ħajja qaddisa tiegħu.

Meta rritorna fl-Italja, Pellegrin beda jfittex jinħeba f’postijiet u f’kunventi l-aktar imbegħda. Rarament kien iżur il-familja għanja tiegħu; u meta kien iżurhom kien għal żjarat qosra biex iħeġġeġ lil niesu li ma jintrabtux mad-dinja u jħobbu aktar lil Alla. Imma, aktar ma kien jinħeba, u aktar ma jipprova jgħix ħajja fqira u umli, aktar bdew ifittxuh in-nies, l-aktar ukoll minħabba l-fama tal-mirakli.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu hu kien fil-kunvent ta’ San Severino Marche, fejn miet għadu żagħżugħ, għall-ħabta tas-sena 1232. Il-fdalijiet tiegħu għadhom f’San Severino. Il-kult lejn il-Beatu Pellegrino kien ikkonfermat fl-1821 minn Piju VII, u b’hekk approva l-qima lejh li kienet ilha 600 sena. Hu mfittex kontra l-uġigħ tad-dras.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.