F’kull knisja nsibu kurċifiss f’post prominenti biex jarah kulħadd. Kien permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu li Kristu ġabilna s-salvazzjoni.
1 Is-Serp ta’ Mosè huwa figura ta’ Kristu
Jekk nistudjaw il-Vanġelu ta’ San Ġwann insibu li l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib hija barka u l-glorifikazzjoni tiegħu. Ġesù stess jistqarr ma Nikodemu: “Hadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema .U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġli jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,13-15).
Biex nifhmu din is-silta jeħtieġ li nħarsu lejn it-Testment il-Qadim. Fil-Kapitlu 21 tan-Numbri naraw li meta l-poplu Lhudi kien fid-deżert il-poplu kien qiegħed jingidem minn sriep velenużi u mietu ħafna mill-poplu ta’ Iżrael. Il-poplu mar għand Mosè biex ineħħi dan il-flagell u dan kellem lil Alla fuq din il-problema. Il-Mulej ordnalu biex jagħmel serp tal-bronż u jarbulah bħal stendard. L-Iskrittura tgħidilna: “U ġara li kull min kien jidmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż,u kien ifiq u jgħix” (Num 21, 9).
Jekk is-serp tal-bronż ġab il-fejqan lil dawk li kienu migdumin kemm aktar Ġesù msallab iġibilna l-mistrieħ tar-ruħ tagħna! Il-kruċifiss huwa ta’ konsolazzjoni għalina. Min huwa għaddej minn xi tbatija, min għalih id-dinja donnha spiċċat, min qiegħed jersaq fuq l-għatba tal-eternità, minn maħkum minn xi marda, problemi familjari u kull ma jtaqqal il-moħħ u l-qalb tal-bniedem ħarsa lejh tagħtina kuraġġ u faraġ f’din it-tbatija.
2 Ġesù miet għax ried huwa
Ma ninsewx li Ġesù offra ruħu fuq is-salib għax ried huwa. Ma kinitx kumbinazzjoni traġika li huwa nqabad u ġie msallab. Insibu fl-Iskrittura li fil-ġnien tal-Ġetsemani talab lill-Missier: “Missieri, jekk dan il-kalci ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbuk, tkun magħmula r-rieda tiegħek” (Mt 26, 42).
Huwa ħa l-passjoni bħala rieda tal-Missier. Ma waħħalx fix-xeħħa ta’ Ġuda, fil-kbarat tal-poplu Lhudi, jew l-inġustizzja ta’ Pilatu iżda ħa kollox minn idejn ir-rieda ta’ Missieru.
Fil-hemm tagħna li ngħaddu minnu f’din il-ħajja jkun hemm it-tendenza li nwaħħlu f’xi ħadd jew anki fina nfusna. Iżda Ġesù Kruċifiss jgħidilna fi kliem San Ġorġ Preca: “Xejn ma joħroġ mis-Santwarju ta’ Alla jew b’ordni jew permess”.
Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħid li għandna nħarsu lejn dak li jiġrilna b’Faith Vision jiġifieri b’viżjoni ta’ fidi. Għalhekk is-salib ta’ ħajjitna għandna nħarsu lejh bħalma ħares lejh Ġesù. U ma nkunux nesaġeraw li kull jum fih it-toqol tiegħu. Għalhekk l-Imgħallem tagħna qalilna: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsuk, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (Mt 16, 24).
Inkunu ċari. Jekk nerfgħu s-salib tagħna: “bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu” ikun ta’ ġid għalina f’din id-dinja billi niksbu ċerta paċi tal-qalb, inkunu noqorbu lejn Alla u niksbu merti għall-ħajja eterna.
Iżda biex ma naqtgħux qalbna mis-salib jeħtieġ li nitolbuh jgħinna. Kien huwa stess li qalilna: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15, 5). Fis-slaleb tagħna huwa mhux ser jitlaqna iżda jkun iġorrilna s-salib.
3 Ġesù kellu l-bżonn ta’ Xmuni minn Ċirene
Ma ninsewx li fil-Via Sacra għandna tliet stazzjonijiet li fihom niftakru t-tliet waqgħat ta’ Kristu taħt is-salib. Nagħmlu kuraġġ u niftakru fil-limiti tagħna. Aħna forsi ngergru u forsi anki naqtgħu qalbna. Niftakru li anki Ġesù fuq is-salib talab permezz tal-salmi: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni” (Mk 16,34).
Inġibu quddiem għajnejna li anki Ġesù kellu bżonn min jgħinu biex iġorr is-salib u dan kien Xmuni min Ċirene. Il-Vanġelu ta’ San Mark jgħidilna: “U ħaduh ꞌl barra biex isalbuh. Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, Missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib” (15, 20-21).
Bħal Ġesù għandna bżonn taċ-Ċirinew: billi nfittxu persuni li jistgħu jgħinuna u billi nagħmlu l-mezzi li huma moralment tajbin. Inkunu konvinti li Alla qatt ma ser jitlaqna. Ġesù għadu ħaj u attiv f’nofsna.
Meta nħarsu lejn is-salib naraw lil Ġesù msallab rebbieħ. Iżda dan ir-rebħ sar permezz ta’ sagrifiċċju. Ġesù li huwa l-Ħaruf tat-Testment il-Ġdid ġie sagrifikat fuq l-għolja tal-kalvarju billi tilef ħajtu wkoll. Aħna bħala bnedmin nibżgħu mis-sagrifiċċju u meta nistgħu naħarbuh. Iżda iċ-ċaħda raġunata tagħna nfusna ġġib ġid lilna u anki lil dawk li qegħdin qrib tagħna. Il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard jgħidilna: No redemption without blood jiġifieri mhemmx fidwa mingħajr demm.
Ġesù fuq is-salib huwa ikona ta’ traġedja ta’ tbatija u mewt iżda li fit-tielet jum inbidlet fil-glorja tal-qawmien. Din hija t-tama li joffrilna l-Imsallab.
Kitba ta’ Angelo Xuereb