Is-sens u r-relevanza tal-Indulġenzi


L-indulġenza hi l-maħfra minn Alla tal-piena taż-żmien li tibqa’ meta d-dnubiet ikunu diġà maħfura. L-indulġenza tagħtihielna l-Knisja, li hi afdata biex tqassam il-frott tal-Fidwa ta’ Kristu. Tingħata mill-Papa f’okkażjonijiet speċjali bħal ma hi s-Sena tal-Ġublew, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u laqgħat speċjali għall-morda u għall-familji. Nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu, il-Papa Franġisku ta Indulġenza Plenarja fiċ-ċirkustanzi tal-coronavirus.

Biex nifhmu aħjar x’inhi indulġenza, inġibu l-eżempju ta’ dar li nqerdet bin-nar. L-ewwel irid jintefa n-nar, li hu l-kawża ta’ dak li ġara. Li nitfu n-nar inxebbhuh mas-Sagrament tal-Qrar. Imma billi jibqa’ l-konsegwenzi li jkun ħalla n-nar, ikun hemm bżonn li d-dar titnaddaf, li jiġi msewwi dak li ġratlu ħsara u li jinġiebu oġġetti ġodda minflok dawk li nħarqu. Dan inxebbħuh mal-“piena taż-żmien” li titneħħa bir-rigal tal-indulġenza.

L-indulġenza għandha tifsira partikulari għal kull żmien li tingħata. Il-maħfra ta’ dnubietna minn Alla ma tafx b’limiti. Alla juri din l-imħabba tiegħu fil-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, imħabba li tasal biex teqred id-dnub tal-bnedmin. Huwa qatt ma jegħja joffri l-maħfra tiegħu lilna wliedu b’mod dejjem ġdid. Imma meta nkunu għaddejna mill-esperjenza tad-dnub, din tħalli l-effett tagħha. Għalkemm aħna msejħin għal ħajja kemm jista’ jkun tajba, xorta nħossu jagħfas fuqna l-piż tad-dnub. Filwaqt li min-naħa nħossu l-qawwa tal-grazzja, li tibdilna għall-aħjar, fina nġarrbu wkoll il-qawwa tad-dnub.

Għalkemm inkunu ksibna l-maħfra bil-Qrar u bl-indiema għal dnubietna, aħna nibqgħu nġorru fil-ħajja tagħna l-konsegwenza tad-dnub tagħna. Alla jaħfer id-dnubiet, li jiġu mħassra qishom qatt ma kienu, imma tibqa’ l-marka negattiva li d-dnubiet ħallew fil-mod kif inġibu ruħna u kf naħsbu. Id-dnub għandu tingiża li tibqa’ tweġġa’. Imma l-ħniena ta’ Alla hi aqwa minn dan ukoll u ssir indulġenza li permezz tal-Knisja tilħaq lilna, li jkun iddispjaċina għal dnubietna u nkunu qerrejna d-dnub tagħna. Alla jeħlisna minn kull fdal tal-konsegwenza tad-dnub, u jagħmilna kapaċi naġixxu bi mħabba, biex nikbru fl-imħabba iktar milli nerġgħu naqgħu fid-dnub.

Normalment, biex “nirbħu” l-indulġenza jrid ikollna xewqa li nitbiegħdu mid-dnub, inkunu qerrejna u tqarbinna u għedna talba skont xi intenzjoni tal-Papa. Din id-darba, l-Indulġenza Plenarja li l-Papa Franġisku ta’ fil-laqgħa ‘Urbi et Orbi’ ta’ nhar il-Ġimgħa, hi għal dawk li ġew affettwati bil-coronavirus, dawk li jaħdmu fis-servizz tas-saħħa u l-familji tagħhom, dawk li jitolbu biex tgħaddi l-epidemija u dawk li jmutu mingħajr ma jilħqu jingħataw l-aħħar sagramenti. Biex wieħed jikseb l-Indulġenza, irid jiddispjaċih għad-dnubiet li jkun għamel u jsegwi ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, jgħid ir-Rużarju jew jitlob il-Via Sagra jew xi devozzjoni oħra. Fil-każ tan-nies li huma fil-ħin tal-mewt biżżejjed li jkunu talbu f’ħajjithom.

Kitba ta’ Joe Galea

Dwar l-istess suġġett ara l-filmat ta’ hawn taħtli fih Mons. Hector Scerri jitkellem dwar l-Indulġenzi …

 

Ara aktar Tifsir ta’ Kliem spiss użat f’kuntest reliġjuż … http://www.laikos.org/tifsir-il-kliem.htm

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.