Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof – 28 ta’ Marzu 2020


Is-Sibt, 28 ta’ Marzu 2020: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

NEGĦLBU L-PREĠUDIZZJI META NISIMGĦU B’QALB MIFTUĦA

Naħseb li diversi minna nistgħu nifhmu x’inhu l-preġudizzju. Jew għax aħna stess konna preġudikati fuq xi ħadd, jew għax aħna konna vittma ta’ preġudizzju. Preġudizzju tfisser li int iddaħħal xi ħaġa f’moħħok fuq xi ħadd, għalhekk pre-ġudizzju, tiġġudikah qabel, u jagħmel x’jagħmel – jista’ jagħmel l-ilma jiżfen quddiemek – tibqa’ b’dak l-istess ħsieb fuqu.

Fl-Evanġelju naraw lil Ġesù vittma tal-preġudizzji tal-Fariżej u l-kapijiet ta’ dak iż-żmien. Ma kinux il-Fariżej kollha, imma kienu dawk li kellhom l-awtorità reliġjuża. Tant kienu preġudikati fuqu li ma riedu jisimgħu lil ħadd. In-nies, meta semgħu lil Ġesù, kien hemm fosthom min qal “dan hu l-profeta”, kien hemm min qal “dan hu l-Messija”, imma huma xejn minn dan. Meta l-għases, li ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù, ġew lura u qalulhom “Qatt ħadd ma tkellem bħalu dan il-bniedem”, lanqas lil dawk ma riedu jisimgħu.

U meta Nikodemu, wieħed minnhom, qalilhom li mhux dak il-mod kif għandhom jimxu, lanqas lilu ma riedu jisimgħu, tant kienu preġudikati kontra Ġesù. Għalihom in-nies, bħalma qalu, kienu “qabda nies misħuta”, “imqarrqa”. Huma biss tajbin, il-bqija kulħadd żbaljat.

Hu Nikodemu li jfiehem kif tegħleb dan il-preġudizzju, kieku semgħuh bis-serjetà. Għax Nikodemu jgħidilhom li inti ma tistax tikkundanna lil xi ħadd qabel tisimgħu b’qalb miftuħa u b’moħħ miftuħ.

Ninnutaw kif fl-Evanġelju min jisma’ verament lil Ġesù jibda jagħmel id-domanda fuqu, anke jekk ma jkunx ċar min hu. Jibda jifhem xi ħaġa, bħan-nies u bħall-għases. L-iktar bniedem li fehem hu Nikodemu, għax dan kien mar għandu qabel – kif naraw iktar kmieni fl-Evanġelju ta’ San Ġwann – u qagħad jisimgħu. Kien fi djalogu miegħu, jistaqsih u jisimgħu. L-iktar bniedem li seta’ jifhem min hu Ġesù u japprezza min hu Ġesù kien dak li semgħu f’dan il-kuntatt personali, f’din ir-relazzjoni personali miegħu.

Għalhekk dak li tgħidilna l-Kelma ta’Alla llum hu biex aħna nkunu nies li tassew nisimgħu lil Ġesù mingħajr preġudizzju imma b’qalb miftuħa, b’moħħ miftuħ. Nisimgħuh fir-relazzjoni personali miegħu fit-talb u fil-Kelma. Dan hu żmien partikulari li qegħdin fih, li għandna nieħdu ħafna bis-serjetà t-talb – din ir-relazzjoni ma’ Ġesù – li tgħinna niskopru aktar lilu u lilna nfusna, aħna u nisimgħu lilu.

Imbagħad, ukoll, anke ma’ xulxin. Inkunu nies li nisimgħu lil xulxin b’moħħ miftuħ u qalb sinċiera, ħalli ma’ xulxin ma jkollniex dak l-ostaklu tal-preġudizzju. Il-preġudizzju jimblokka. Imma meta nisimgħu tassew lil xulxin, kif għallimna Ġesù, hemmhekk nistgħu negħlbu wkoll il-preġudizzji li ħafna drabi jkollna f’ħajjitna.

Nitolbu lill-Mulej jgħinna negħlbu l-preġudizzji, speċjalment biex aħna nisimgħu lilu u nisimgħu wkoll tassew lil xulxin.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju