Il-Papa f’Santa Marta: Il-Papa offra l-quddiesa ta’ dalgħodu għall-familji li diġà bdew iħossu l-għafsa tal-pandemija

Is-Sibt, 28 ta’ Marzu 2020: F’dawn il-jiem, f’xi nħawi tad-dinja, bdew jidhru l-konsegwenzi – xi konsegwenzi – tal-pandemija; waħda minnhom hi l-ġuħ. Bdejna naraw nies li qed ibatu l-ġuħ għax ma jistgħux jaħdmu, għax ma kellhomx xogħol fiss, jew minħabba ċirkustanzi oħra. Diġà bdejna naraw dak li se jiġri ‘wara’; dak li se jiġri aktar ’il quddiem beda issa. Nitolbu għall-familji li bdew iħossuhom magħkusin minħabba l-pandemija.

Omelija

‘U wieħed wieħed telqu lejn djarhom’ (Ġw. 7, 53): wara d-diskussjoni u dak kollu li ġara, kulħadd baqa’ mwaħħal mal-konvinzjonijiet tiegħu.  Hemm qasma fost il-poplu: il-poplu li jsegwi lil Ġesù u jisimgħu – lanqas jintebħu bil-ħin għaddej huma u jisimgħuh għax il-kelma ta’ Ġesù tidħol fil-qalb; u l-grupp tad-dutturi tal-Liġi li jirrifjutaw lil Ġesù a priori għax fil-fehma tagħhom mhux miexi skont il-liġi.  Hemm żewġ gruppi ta’ nies.  Il-poplu li jħobb lil Ġesù, jiġri warajh, u l-grupp tal-intellettwali tal-Liġi, il-mexxejja ta’ Iżrael, il-mexxejja tal-poplu.  Dan jidher ċar meta l-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn qalulhom: ‘Dan kif ma ġibtuhx magħkom?’ L-għases qalulhom: ‘Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!’ Qabżu l-Fariżej u qalulhom: ‘Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih? Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!’

Dal-grupp tad-dutturi tal-Liġi, l-élite, jistmell lil Ġesù.  Imma jistmell ukoll lill-poplu – ‘dawk il-misħutin’, injoranti, li ma jafu xejn.  Il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla jemmen f’Ġesù, imur warajh, u dal-grupp ta’ élite, id-dutturi tal-Liġi, jinqata’ mill-poplu u ma jirċevix lil Ġesù.  Imma kif, ġaladarba dawn kienu għorrief, intelliġenti, kienu studjaw?  Imma kellhom difett kbir: kienu tilfu l-memorja li huma jiffurmaw parti mill-poplu.

Il-poplu t’Alla jimxi wara Ġesù… ma jafx jispjega għaliex, imma jmur warajh u Hu jasal fi qlubhom, u l-poplu ma jitlifx is-sabar.

Niftakru fil-jum tat-tkattir tal-ħobż: kienu ilhom il-ġurnata kollha ma’ Ġesù, sal-punt li l-Appostli jgħidulu: ‘Ibgħathom ħalli jmorru jixtru x’jieklu’ (cfr. Mk 6, 36).  L-Appostli wkoll kienu jżommu d-distanza: ma kellhomx rispett.  Ma kinux jiddisprezzaw, imma ma kellhomx rispett lejn il-poplu t’Alla: ‘Ħa jmorru jixtru x’jieklu.’  It-tweġiba ta’ Ġesù: ‘Tuhom intom x’jieklu’ (cfr. Mk 6,37).  Jerġa’ jgħaqqadhom mal-poplu.

Dil-qasma bejn l-élite tal-mexxejja reliġjużi u l-poplu hi dramm li ġej mill-bogħod.  Niftakru wkoll fit-Testment il-Qadim, fl-imġiba ta’ ulied Għeli fit-tempju: kienu jisfruttaw il-poplu t’Alla; u meta kien jersaq xi ħadd biex jobdi l-Liġi, xi wieħed minnhom, ftit jew wisq ateu, kien jgħid: ‘Dawn superstizzjużi.’  Id-disprezz tal-poplu;  id-disprezz tan-nies ‘li mhumiex tal-livell tal-iskola tagħna, aħna li studjajna, li nafu…’

Iżda l-poplu t’Alla għandu grazzja kbira: ixomm mill-bogħod.  Ixomm fejn jinsab l-Ispirtu.  Huwa midneb, bħalna: huwa midneb.  Imma għandu d-dehen li jagħraf liema huma t-toroq tas-salvazzjoni.

Il-problema tal-élite, tal-kjeriċi élite bħalma huma dawn, hi li tilfu l-memorja li huma parti mill-poplu t’Alla; mneħirhom merfugħ, daħlu fi klassi soċjali oħra, iħossuhom diriġenti.  Dan hu l-klerikaliżmu, li kien diġà jidher hemmhekk.  Imma – smajtha dal-ġranet – kif dawn is-sorijiet, dawn is-saċerdoti f’saħħithom, imorru għand il-foqra biex ituhom jieklu u jistgħu jimirdu bil-coronavirus huma wkoll?  Għid lill-Madre Superjura biex lis-sorijiet ma tħallihomx joħorġu, għid lill-isqof biex lis-saċerdoti ma jħallihomx joħorġu!  Dawn qegħdin hemm biex jamministraw is-Sagramenti!  Imma biex jagħti l-ikel lin-nies, jaħseb il-gvern!  Dan hu d-diskors li qed isir dawn l-aħħar ġranet: l-istess argument.  ‘Dawk nies tat-tieni klassi: aħna d-diriġenti, m’għandniex inħammġu jdejna mal-foqra.’

Spiss naħseb: dawn nies tajbin – saċerdoti, sorijiet – li m’għandhomx ħila jmorru jaqdu lill-foqra.  Hemm xi ħaġa nieqsa.  Dak li kien hemm nieqes f’dawn in-nies, f’dawn id-dutturi tal-Liġi.  Tilfu l-memorja, insew dak li kien iħoss f’qalbu Ġesù: li kien iħossu parti mill-poplu.  Tilfu l-memorja ta’ dak li Alla kien qal lil David: ‘Jien ġbartek minn qalb il-merħla.’  Tilfu l-memorja li huma parti mill-merħla.

U dawn… kull wieħed telaq lura lejn daru (Ġw. 7, 53).  Qasma.  Nikodemu, li kien jara xi ħaġa – kien raġel anzjuż, forsi nieqes mill-kuraġġ, wisq diplomatiku, imma anzjuż – mar għand Ġesù imma kien fidil, u pprova jagħmel l-aħjar li seta’; ipprova jkun medjatur u kkwota l-Liġi: ‘Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?’ (Ġw. 7, 51).  Huma weġbuh: ‘M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!’ (Ġw. 7, 52)  U b’hekk temmew l-istorja.

Niftakru llum f’tant nies ikkwalifikati biex jagħtu servizz lil Alla, bravi, imorru jagħtu servizz lill-poplu; tant saċerdoti li ma jinqatgħux minn mal-poplu.  Ilbiraħtlula wasalli ritratt ta’ saċerdot, f’parroċċa fil-muntanji, kappillan ta’ ħafna villaġġi żgħar, f’post fejn jinżel is-silġ, u niżel fis-silġ, mar idur bl-ostensorju fil-villaġġi biex itihom il-barka.  Ma ħabbilx rasu mis-silġ, ma ħabbilx rasu li minħabba l-kesħa, idejh imissu mal-metall tal-ostensorju, kienu qed jaħarquh: kulma ried jagħmel kien biss li jwassal lil Ġesù għand in-nies.

Ejjew ilkoll kemm aħna naħsbu fuq liema naħa ninsabu, jekk ninsabux fin-nofs, xi ftit indeċiżi, jekk aħniex qrib is-sentimenti tal-poplu t’Alla, tal-poplu fidil ta’ Alla li ma jistax ifalli: fi twemminu għandu dik l-infallibbiltà!

U naħsbu ftit dwar l-élite li tinqata’ minn mal-poplu, dak il-klerikaliżmu.  U forsi l-parir li Pawlu jagħti lid-dixxiplu tiegħu, l-isqof żagħżugħ Timotju, hu ta’ fejda għalina lkoll: ‘Ftakar f’ommok u f’nanntek’ (cfr. 2 Tim. 1, 5).  Ftakar f’ommok u f’nanntek.  Ladarba Pawlu tah dal-parir ifisser li kien jaf tajjeb kemm hu perikoluż das-sens ta’ élite fost id-diriġenti tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply