Kurun! Kurun!


Bħalissa, kulfejn tmur, u ma’ kull min tiltaqa’, id-diskors jaqa’ fuq suġġett wieħed! Biex ma ngħidx li jiġi maħtuf minn tema waħda u li dejjem titla’ fil-wiċċ fi kliemna: il-Coronavirus! Dan il-virus, li jgħix fil-kesħa, u qed jgħolli qrunu! Eħ! Kurun! Kurun!

Tifhem li l-allarm m’hu tajjeb għal ħadd. U li żgur m’hu ħa jibbenifika minnu l-ebda persuna. L-allarm juri l-fraġilità tagħna l-bnedmin. Li, ngħixu, iżda li nafu nimirdu wkoll. Sintendi, jekk ma nieħdux il-prekawzjonijiet neċessarji li għandna nieħdu! U, minkejja daqshekk pubbliċità biex nibqgħu kalmi, u, kemm jista’ ikun, ngħixu l-ħajja tagħna normali, kif wara kollox, ta’ ulied Alla Missierna, għandna ngħixu, xorta hawn il-biża iddur fostna.

Ngħiduha kif inhi: il-biża’ tabilħaqq li mhu tajjeb għal ħadd! Anzi! Il-biża ikkisser il-paċi tagħna. Jaqtagħna mill-oħrajn. U jdaħħalna fi sqaq li nibdew naraw lil xulxin mhux aktar bħala aħwa, ulied tal-istess Missier, iżda bħala avversarji l-għaliex nistgħu nkunu dawk li jġorru lil Kurun Kurun!

Iżda, f’dawn il-mumenti, ejjew nidħlu daħla fina nfusna u, minn dan kollu li qed jiġri fid-dinja u fostna, nintebħu b’ħaġa tabilħaqq importanti: Kemm jinħtieġilna nbierku saħħitna! Dik tar-ruħ u anki tal-ġisem! L-għaliex, u mingħajr barka, kif ħa ngħixu? Kif ħa mmexxu f’ħajjitna? U, ħajjittna, hi prezzjuża wisq biex inqattgħuha nibżgħu jew maqfula d-dar! Anki jekk ikollna xirja xirjun biex żgur ma mmutux bil-ġuħ waqt li nkun qiegħdin ġewwa!

F’dawn il-mumenti ta’ biża,’ paniku u ma nafx jien, kemm insib sollief fil-qawwa tal-Kelma tal-Mulej! U, hekk kif qiegħed għall-kwiet, f’kamarti, li timxi miegħi u mhux jien nimxi magħha, ma narax aħjar milli nitlob Salm 91. Jiġifieri s-Salm li jitħaddet dwar il-barka, l-għerf u l-benefiċċji li wieħed jintefa’ taħt il-ħarsien tal-Mulej! Hawn hu Salm 91:

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.” Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn,
għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek.

Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu;
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Sittax-il vers kollox! Imma ħej x’differenza jġibu f’saħħtek u f’saħħti! F’moħħok u f’moħħi! F’ġismek u f’ġismi! F’ruħek u f’ruħi! U, din il-barka kollha tista’ iseħħ biss jekk inpoġġu idejna fuq żaqqna u insejħu lill-Mulej billi nitolbu dan is-Salm 91 filgħodu, hekk kif inqumu! Kull prekawzjoni fiżika hi tajba għal saħħitna imma dik tar-ruħ tiġi l-ewwel u qabel kollox! Bħalma tgħid il-Kelma ta’ Alla: Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet (Efes 6:12).

Patri Mario Attard OFM Cap