Fil-kurituri battala ta’ Mater Dei

Print Friendly, PDF & Email

Hekk kif faqqgħet daqs sajjetta d-direttiva tal-Isqfijiet Maltin, nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu 2020, fejn il-quddies ta’ kuljum u tal-ħadd, flimkien mal-katekiżmu tat-tfal irridu nagħmlulu bye bye, almenu għal issa, inħsadt!

Biex żgur idaħħluli f’rasi li hekk ġara irċevejt żewġ sms u email. Tajjeb! Prosit! Hekk għandu jkun! Is-saħħa tal-poplu tiġi l-ewwel! Ħallieha li kulfejn l-Ispirtu s-Santu joħodni ħlief nies li jiġu quddiemi u, bid-dmugħ f’għajnejhom, jokorbuli: Patri! Kemm immisjajnieha l-quddiesa! Iva ħbieb! Nifhimkom! Jien ukoll immisjajtha l-quddiesa man-nies. L-aktar bil-ġid kbir li l-Mulej jagħmel lili u lin-nies li jkun miegħi meta nqaddes! Għax il-Mulej ħbieb, żgur li mhux bħalna, li rridu niddettaw b’min għandu jaħdem! U b’min, skont aħna, hu adatt! U mbagħad ejja u isma’ bil-qassatat! Intant!…

U għax il-Mulej qaddis, u jaħdem b’min irid Hu, l-aktar b’min jaqlagħhulu, jibbottjawlu, jibbuljawh, jgħiru għalih u aqta’ kemm tuġagħhom żaqqhom imsieken kull darba li jsemmuh u jsemmuha, dejjem jara x’jivvinta u lil min se jitfa’ quddiem nett fil-ġlieda. Iva ma titfakrux naqra lil min tefa’ quddiem meta ried iġib demel lil Gulija? Tefa’ xi gwerrier ieħor? Ittrenjat? U b’ħafna muskoli? Jew lil xi wieħed li għandu xeba’ pożi u ma jiswix l-ilma li jixrob? Le ħbieb! Tefa’ ragħaj! Tifel! Għax Alla qaddis ħbieb u mhux kummidjant! Intant!…

Ma nafx kif, jien li jien dgħajjef f’kull sens, u hekk nixxiebaħ ħafna ma’ David, quddiem dan il-ġgant tal-coronavirus spiċċajna quddiemu! Lest għall-ġlied! Miegħi għandi ħames Davidiet oħra f’Mater Dei. Biex ma nsemmijiet iż-żewġ Davidiet l-oħra li hemm fl-Isptar tal-Onkoloġija. U li, aħna t-tmienja, ilkoll nilbsu l-kannella. Għax Patrijiet Kapuċċini! Imbagħad hemm ukoll Davidjiet oħra fir-Residenza ta’ San Vinċenz li jilbsu l-iswed. Għax qassisin. U magħhom inżidu żewġ Davidiet kannella oħra, din id-darba f’Mount Carmel. Għax Kapuċċini bħalna.

Il-Kapuċċini! Il-Kappuċċini! U dejjem il-Kapuċċuni! Imma huma sieħbi: il-Kappuċċini! U, meta filgħaxija, ta’ nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu 2020, f’Mater Dei il-kurituri tbattlu, huma ġew f’moħħi u f’qalbi! Dawk il-Kappuċċini Maltin li mardu u mietu mal-pazzjenti fl-Isptar Duke of Connaught bit-tuberculosi. Dan biex ma nsemmix ukoll il-mijiet ta’ Kapuċċini li mardu u mietu bil-pesta. Għax aħna, bħala Patrijiet Kapuċċini, ħudilna kollox, imma ħallilna l-isptarijiet! Għax fihom bdejna. Għexna. U ħallejna ħajjitna. U fihom hemm minsuġa l-vera DNA tagħna. Fihom u fihom BISS!

U, f’dak is-skiet tal-kurituri battala, qabżittli demgħa għal dawn il-qalbniena. Li bihom il-Mulej għamel ħemel ġid. U issa, jien u sħabi, id-Davidijiet il-kannella, flimkien ma’ xi ħaġa suwed ukoll, għandna dan il-ġgant quddiemna: il-coronavirus. Għandna din l-isfida li qed tistenniena. B’żaqqha ippupata. U lesta għalina b’lembuba daqshiex. Imma, bil-għajnuna tal-Mulej, ma nistgħux le naħarbu minn din is-sitwazzjoni. Għax, u dan ngħidu għalija personali, id-demm ta’ tant Kapuċċini li ħallew ħajjithom mal-morda qed jgħajtli mill-oqra tagħhom ħa naqbad ix-xabla u niġġieled. Ovvja! Niġġieled billi nipproteġi ruħi! Imma wkoll niġġieled billi nitlob u nibqa’ preżenti mal-morda.

Dan id-diskors qed ifakkarni fil-kliem li qalilna Papa Franġisku, lilna s-saċerdoti, dwar il-preżenza tagħna mal-pazzjenti tal-coronavirus: Nixtieq nitlob illum għar-rgħajja li għandhom bżonn jakkumpanjaw lill-poplu tal-Mulej f’din il-kriżi. Jalla l-Mulej jagħithom il-qawwa u l-kapaċità biex jagħżlu l-aħjar modi biex jgħinu. U x’inhu l-aħjar mod tiegħi u ta’ sħabi, id-Davidijiet kannella u suwed, jekk mhux li jkunu hemm għall-pazjenti tagħna?

Personalment inħossni mimli kuraġġ bil-kliem li qal David lill-ġgant Gulija qabel ma qatlu u qatagħlu rasu bix-xabla tiegħu stess: Inti ġejt lejja bix-xabla, bil-lanza u bil-vleġġa; iżda jien ġejt għalik b’isem il-Mulej ta’ l-eżerċti, Alla ta’ l-armata ta’ Iżrael, li int sfidajt… U din il-kotra tagħraf illi l-Mulej ma jsalvax bix-xabla jew bil-lanza; għax il-gwerra f’idejn il-Mulej, u llum se jitlaqkom f’idejna (1 Sam 17:45.47).

Jekk nieħu l-prekawzjonijiet, nitolbu, l-aktar Salm 91, u nikkoperaw, il-ġgant coronavirus jiġi demel! Bis-saħħa tal-Mulej Alla tagħna!

Hekk dewa fija l-leħen fil-kurituri battala ta’ Mater Dei nhar it-12 ta’ Marzu 2020!

Patri Mario Attard OFM Cap

One thought on “Fil-kurituri battala ta’ Mater Dei”

  1. Kemm għoġbitni din il-kitba u tant oħrajn tiegħek. Nammirak għax dejjem għaddej. Kitbiet mexxejja , oriġinali u mimlijin tagħlim. Grazzi dejjem.

Leave a Reply

%d bloggers like this: