Illum il-Knisja tfakkar lil San Rikardu


Fit-3 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Rikardu, Isqof ta’ Chichister li għex bejn is-snin 1197 sa 1253.

Rikardu tilef lil missieru meta kien għadu żgħir u l-proprjetà tal-familja marret lura. Meta ħuh il-kbir offrielu l-wirt, Rikardu ma aċċettax għad li għen kemm seta’ biex jerġa’ jwaqqafha.

Studja Oxford u Pariġi u anki għamel kors fid-Dirittu Kanoniku f’Bolonja. Hu reġa’ lura pajjiżu b’fama kbira tant li ħatruh rettur tal-Università ta’ Oxford. Hawn tant spikka fl-għerf u fil-qdusija li l-arċisqof ta’ Canterbury, San Edmond, riedu miegħu bħala kanċillier tad-djoċesi. Hekk sar kumpann intimu ta’ San Edmond, akkumpanjah Franza fl-eżilju, assistieh f’mewtu u ħadu bħala mudell ta’ ħajtu.

Wara l-mewt tal-Arċisqof San Edmond, Rikardu mar jistudja t-Teoloġija mad-Dumnikani f’Orléans, fejn kien ordnat saċerdot u mbagħad mar lura pajjiżu. Hemm l-arċisqof il-ġdid ta’ Canterbury, Bonifaċju, talbu biex jaċċetta jsir kanċillier tiegħu.

Meta fl-1244 miet l-isqof ta’ Chichester, il-kapitlu fuq ir-rakomandazzjoni ta’ Bonifaċju ħatar lil Rikardu bħala suċċessur. Iżda din in-nomina ma għoġbot xejn lir-Re Enriku III għax Rikardu kien iżomm ma’ Edmond, li kien ħadha kontra l-intrigi tar-re. Għalhekk Enriku ma riedx jagħti lil Rikardu d-drittijiet tal-mensa (tad-dħul). Bla dar fid-djoċesi tiegħu u bla mezzi, Rikardu sab ruħu dipendenti tal-karità tal-kleru u tal-fidili. Iżda sentejn wara (1246) Enriku kellu jċedi wara li l-Papa qabeż għalih.

Rikardu baqa’ jgħix bħala isqof fil-faqar u fil-penitenza, għax kien jagħti kważi kollox lill-foqra. Għamel ħafna digrieti biex jirregola l-ħajja tal-kleru, l-amministrazzjoni tas-sagramenti, is-servizz u l-privileġġi tal-knejjes. Meta d-dispensier kien josservalu li qed jagħti karità aktar mir-renti tal-mensa: “ma jimpurtax,” kien iwieġbu, “biegħ l-oġġetti tal-fidda u ż-żiemel.”

Huwa u sejjer Dover biex jikkonsagra knisja ġdida f’ġieħ San Edmond, ħassu ħażin fil-vjaġġ. Malli wasal Dover kemm kemm laħaq ikkonsagra l-knisja. Miet l-għada, fit-3 ta’ April, 1253 fl-età ta’ 56 sena. Ħaduh lura Chichester u difnuh fil-katidral. Kien iddikjarat qaddis disa’ snin wara mewtu mill-Papa Urbanu IV.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.