Vidjo minn Joe Galea
Il-Qima ta’ Wiċċ Kristu hi devozzjoni għażiża li San Ġorġ Preca ried li ssir kull nhar ta’ Ħamis. Fil-lejl tal-Ħamis lejliet il-mewt tiegħu, Ġesu’ qala’ ħafna swat f’wiċċu u ġie mżeblaħ mil-Lhud fil-palazz tal-Qassisin il-Kbar. Din il-qima hi tpattija għal dawn l-insulti li bata l-Iben t’Alla.
Qima ta’ Wiċċ Kristu
Eżerċizzju minn San Ġorġ Preca
L-aktar għeżież, ejjew nagħtu qima lill-Wiċċ Venerabbli tal-Feddej tagħna, Ġesu’ Kristu li mħabba fina l-bnedmin u minħabba s-saħħa eterna tagħna, irċieva bewsa ta’ tradiment, daqqiet ta’ ħarta, bżieq u għammad. Nersqu wieħed wieħed inbusuh b’sens ta’ rikonoxxenza u ta’ sogħba vera li bi dnubietna rripetejna ngrati dawn l-insolenzi, anzi sallabna mill-ġdid lil min tant eċċessivament ħabbna. Nitolbuh bil-ħerqa li f’mewtna, l-ewwel darba li narawh ma jkunx li narawh b’qilla iżda ħlewwa u komfort. O siegħa feliċi li fiha naraw il-Wiċċ tant mixtieq li jifforma l-għaxqa tal-Qaddisin!
Sinjur Alla Missier, mit-tron tiegħek l-aktar għoli, ħares fuq Wiċċ Kristu tiegħek u ħenn għalina: għax permezz tiegħu jitħassru d-dnubiet tal-bnedmin u tingħata lilhom il-paċi ta’ dejjem.
Alla, o Missier warrab il-ħarsa tiegħek mill-ħażen ta’ din id-dinja, u itfagħha fuq il-Wiċċ Venerabbli ta’ Kristu, is-Salvatur tagħha, u tgħaxxaq bih; u fl-istess ħin la tinsiex li Inti ma kontx tara dan il-Wiċċ li kieku ma kienx id-dnub tad-dinja. Iva, ħares lejh u, għall-merti infiniti tiegħu, itfa’, sawwab u roxx mis-Santwarju Etern tiegħek fuq id-dinja kollha n-nida tal-grazzja li huwa, fuq is-Salib, immeritalna bis-sfura tal-mewt fuq il-ħaddejn tiegħu.
(Ngħidu talba minn taħt l-ilsien: Sinjur, kun għalija Salvatur, imbagħad inbusu x-xbiha tal-Wiċċ ta’ Kristu.)
Qaddis Alla, Qaddis Qawwi, Qaddis Immortali.
Ara wkoll: Qima lill-Pjagi ta’ Kristu …