Noħorġu mill-fosdqa tal-egoiżmu


Il-Ġimgħa, 10 ta’ April 2020: Omelija fil-Liturġija tal-Passjoni tal-Mulej u l-Adorazzjoni tas-Salib mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar il-Ġimgħa l-Kbira.

NOĦORĠU MILL-FOSDQA TAL-EGOIŻMU

Illum il-ħarsa tagħna tieqaf ċassa fuq il-Kurċifiss! Wieqaf waħdu! Jidher abbandunat minn kulħadd – mhux biss mid-dixxipli u n-nies li tant ħabb, imma saħansitra mill-Missier. Hu li kien jagħraf lil kulħadd u jsejjaħ b’ismu anki lid-dud tal-art, hu li għadda mit-toroq tal-Palestina jislef kelma ta’ tama u jtaffi t-tagħbija tal-oħrajn, illum ma jirrikonoxxih ħadd. Ma kinux ftit li bħal Pietru fuq il-Kalvarju qalu: “Lil dan ma nafuhx!”. Is-solitudni ta’ Ġesù fuq is-salib tkessaħna! Id-daqqa tal-lanza, il-kuruna tax-xewk, it-tismir tal-imsiemer f’idejh u f’riġlejh ikkawżawlu uġigħ qawwi; imma dan l-uġigħ ma kien xejn ħdejn il-weġgħa profonda li ġarrab xħin għamel sforz u pprova jerfa’ ftit il-kappell ta’ għajnejh u ntebaħ li kulħadd bewweġ. Waqt li fuq is-salib kien qed iħoss il-kesħa tal-għaraq u d-demm fuq ġismu mtertaq, xtaq iħoss ftit is-sħana tal-imħabba ta’ dawk li huwa tant ħabb. Imma bl-eċċezzjoni ta’ ommu, Marija ta’ Magdala, Marija ta’ Kleofa u Ġwanni, il-kotra nsietu! Xtaq li ma jmutx waħdu, imma ma kienx hemm Samaritan li “ġab ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin” (Lq 10:36). Fuq il-Kalvarju tħassret għalkollox il-kelma “proxxmu”!

Forsi din id-deskrizzjoni ftit poetika imma reali tista’ tnissel fina xi ftit ħlewwa ta’ qalb! Imma l-ġrajja tal-Kalvarju mhix ġrajja unika f’dan ir-rigward. Jekk ngħarrxu ftit madwarna nsibu li hemm diversi “kurċifissi” li bħal Kristu huma abbandunati u fis-solitudni għax ħadd ma jagħti kas tagħhom. B’xorti ħażina llum ukoll għandna “msallbin” weqfin waħidhom għax huma minsija, imwarrba, saħansitra isimhom imħassar mil-lista tal-familjari, tal-ħbieb kif ukoll tas-sistema. Niftakar fil-familji fejn hemm każi ta’ għeja mentali, drogati, esperjenzi ta’ ħabs, prostituzzjoni u l-bqija. Niftakar fl-anzjani tagħna li tawna kollox, xi wħud qassmu ġidhom f’ħajjithom, u llum jinsabu abbandunati anki minn uliedhom u n-neputijiet tagħhom. Niftakar f’dawk il-morda li rari jkollhom xi żjara ta’ konsolazzjoni – għal dawn ukoll il-ġerħa tal-abbandun hija iktar kiefra mill-istess marda. Bħal dawn hemm ħafna oħrajn: il-foqra, il-ħabsin, ir-refuġjati, vittmi ta’ kull xorta ta’ abbuż, dawk li ġew “maqtula” soċjalment għax iddefamawhom u qatt ma ġew riabilitati, u l-bqija. Fiċ-ċirkustanzi tal-epidemija, niftakar f’dawk li huma rikoverati u minħabba l-kundizzjoni tagħhom sabu ruħhom waħidhom, neqsin mhux biss mill-viċinanza ta’ dawk li jħobbuhom, imma wkoll mill-preżenza ta’ min jista’ jwasslilhom il-balzmu tas-sagramenti ta’ qabel it-tluq! Smajna li ħafna, bħal Kristu msallab, mietu waħidhom!

Snin ilu matul ir-Randan kienu jgħattu bi drapp vjola l-kwadri u l-kurċifissi – forsi wkoll biex il-kruha tat-tbatija tal-Imsallab ma tniggiżx il-kuxjenza tagħna għax ħallejnieh waħdu fuq l-għuda tas-salib. Illum ma għadniex ngħattu lill-Imsallab, imma hawn min jixtieq jgħatti lill-imsallbin ta’ żminijietna! Hekk, ngħidu aħna, meta wieħed jipprova jgħatti l-pjagi tas-soċjetà (il-faqar, il-qagħad, l-inġustizzji, is-serq, iċ-ċaħda ta’ drittijiet), ikun qed jipprova jħassar il-kurċifissi min-narrattiva soċjali. Meta nagħmlu dan ikun ifisser li tlifna t-tifsira tal-kelma ‘proxxmu’.

Ftit ilu l-psikoanalista Luigi Zoja ppubblika ktieb bl-isem Il-mewt tal-proxxmu. Huwa jgħid li fis-seklu li għadda Nietzsche tkellem dwar il-mewt ta’ Alla, u fil-fatt maż-żmien rajna li permezz tal-proċess tas-sekularizzazzjoni Alla tmewwet f’ħafna persuni u f’ħafna strutturi – ħafna għażlu li jgħixu daqslikieku Alla miet. Issa Zoja jżid jgħid li issa anki “l-proxxmu” miet! Għal ħafna m’hemmx aktar proxxmu, fis-sens li ma nħossuniex responsabbli mill-proxxmu. Kulħadd kuntent b’merqtu u ftietu. Fil-kultura tal-lum qed nippreferu l-kult tal-jien. Kollox jagħlef lill-jien. L-importanti li nissodisfa l-bżonnijiet tiegħi u meta nagħti kas tal-proxxmu nagħmel hekk biex inpaxxi n-narċisiżmu tiegħi. Sar diffiċli ħafna li bejnietna jkollna “proġett” komuni, għax kulħadd bil-ħolm tiegħu – dan kemm fis-soċjetà u kemm fil-Knisja! Fis-soċjetà likwida li ħloqna ntilfu s-sens ta’ komunità u l-“kapital soċjali” li kien iserraħ lil ħafna. Minflok id-djalogu ħafna drabi nippreferu l-konfront, minflok it-tisħib nagħżlu li nikkompetu ma’ xulxin u rridu ngħaddu lil xulxin, sirna nfittxu aktar dak li jagħżilna minn xulxin milli dak li naqblu fuqu. Huwa minnu li llum inħolqu għadd ta’ servizzi soċjali, imma ħafna drabi dawn huma bla ruħ u ma jsaħħnux il-qalb – anzi, il-fatt li hemm l-Istat li b’xi mod jipprovdi dan sar skuża tajba biex inkomplu nbarru l-proxxmu mill-qalb tagħna. Dan is-sens ta’ individwaliżmu sar jeżisti wkoll bejn l-Istati – għalkemm fil-pajjiżi fl-Ewropa li jużaw il-kelma “komunità” ftit li xejn hemm spirtu ta’ fraternità ġenwina.

Aħna wisq ’il bogħod mis-sejħa li jagħmel il-ħassieb Lhudi Emmanuel Levinas biex nagħtu kas tal-wiċċ tal-persuna ta’ maġenbi. Skont dan, il-bniedem jitwieled biss meta jsir proxxmu għall-oħrajn; il-bniedem jista’ jgħid li hu persuna sakemm hemm l-ieħor. Huwa meta niltaqa’ mal-wiċċ ta’ ħaddieħor li jien nista’ noħroġ mill-fosdqa tal-egoiżmu tiegħi!

Imma nistednek terġa’ titfa’ ħarstek fuq il-Kurċifiss għaliex taħt dan il-monument tas-solitudni Ġesù huwa dak li jġib ruħu ta’ proxxmu magħna li waqajna f’idejn il-ħallelin; dak li ma sab lil ħadd li jkun proxxmu għalih, sar proxxmu għalina. Fuq is-salib Ġesù jħares f’wiċċna. Is-salib għandu seħer tal-għaġeb – dehra glorjuża kif kien ħabbar Ġesù nnifsu. Kien hu li qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:14).

Darb’oħra lid-dixxipli qalilhom: “Meta terfgħu lil Bin il-Bniedem, imbagħad tagħrfu li jien hu” (Ġw 8:28) – jien hu Alla u jien hu l-proxxmu tagħkom!

U meta xi Griegi xtaqu jarawh, Ġesù bagħtilhom ritratt b’żewġ faċċati tiegħu nnifsu: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu, jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja, iħarisha għall-ħajja ta’ dejjem… meta nintrefa’ mill-art, jien niġbed il-bnedmin kollha lejja” (Ġw 12:23,32). Huwa biss jekk il-qamħa taqa’ fl-art u tmut li mbagħad tagħti l-ħajja li ħafna qamħ magħquda flimkien fl-iżbula. Minn iħobb lil ħajtu (min hu egoista, mimli bih innifsu, min ifittex biss l-interessi tiegħu, min jinsa lill-proxxmu tiegħu) jiġrilu bħal Narċisju tal-mitoloġija li jitlef ħajtu. Imma min iħobb tassew lill-oħrajn, jingħata biex l-oħrajn jgħixu u hekk jibqa’ jgħix. Min hu egoist mhux biss jitlef ħajtu imma kapaċi jtemm il-ħajja tal-proxxmu tiegħu.

Ġesù sab ruħu fuq is-salib għax kien misjuq mill-imħabba passjonali tiegħu lejna, partikularment lejn dawk li qatt ma daqu l-benna ta’ mħabbtu, lejn dawk li ma humiex maħbuba, huma minsija, skartati, mirfusa. Is-salib huwa l-konferma li l-ikbar imħabba hija dik li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu (ara Ġw 15:13). Ġesù jmut biss meta, kif tgħid il-Qaddejja ta’ Alla Madre Margerita Debrincat, “l-imħabba ma tkunx maħbuba” – meta aħna ma naċċettawx li hu proxxmu tagħna. Huwa jmut jekk ma nagħtuhx wiċċ. Jekk jidhrilna li ma għandniex nilqgħu din l-imħabba jew nagħtuh daharna, mhux ser jaqla’ jdejh biex jagħtina daqqa ta’ ħarta, imma jmut għalina! Bil-mewt tiegħu fuq is-saib Ġesù jsir solidali ma’ kulħadd, partikularment ma’ dawk li huma fit-tbatija fiżika, morali u spiritwali. Huwa juri simpatija kbira ma’ dawk li huma bla Alla! Jekk għalina t-tbatija tpoġġina f’qagħda ta’ waħidna għax nintesew mill-bnedmin u mis-soċjetà, għall-Kurċifiss it-tbatija hija okkażjoni tal-laqgħa magħna! Forsi ħadd ma jagħti kas tat-tbatija, il-qtigħ il-qalb, il-biża’, id-disprezz, il-martirju li tkun għaddej jew ikunu qed jgħadduk minnu, imma l-Kurċifiss ħsiebu fik.

Jekk illum qed tħoss il-Kurċifiss jiġbdek lejh, tagħmilx reżistenza! Fiċ-ċirkustanzi ta’ bħalissa faċli li jkun hawn min iħossu waħdu, mitluq u minsi. Filwaqt li niftakru li Ġesù fuq is-salib għadda minn dawn il-mumenti, imma flok ma ħalla din it-tbatija tagħlqu fih innifsu, huwa bidilha bħala l-prezz biex ikun proxxmu għalina, ħa nagħmlu l-kuraġġ u nieħdu l-eżempju tiegħu u nippruvaw inkunu proxxmu għal dawk ta’ madwarna.

One thought on “Noħorġu mill-fosdqa tal-egoiżmu”

Comments are closed.