L-agħma jara b’qalbu


Ħadd il-Għid, 12 ta’ April 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fis-Solennità tal-Għid il-Kbir fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

L-AGĦMA JARA B’QALBU

Dalgħodu kelli telefonata mingħand ħabib tiegħi li ma għandux l-istess twemmin Nisrani tagħna. Allura b’ton ftit sarkastiku qalli: “Illum intom tgħidu li Kristu ħareġ mill-qabar, imma għalkemm qed ngħarrex, ma nistax nara lil dan il-mejjet li qam”. Jien bqajt sieket. Imma qgħadt naħseb dwar din l-osservazzjoni, anki jekk ċinika, għax naħseb li ma humiex ftit dawk li jixtiequ jaraw lill-Irxoxt.

Imma għadda minn moħħi li biex int u jien nistgħu naraw, ma għandniex bżonn l-għajnejn imma l-qalb! Il-bniedem li ma jarax mhuwiex dak li ma għandux għajnejn imma dak li ma għandux qalb umana. Min hu bla qalb, mhux biss ma jarax lill-bniedem (u hawnhekk irridu noqogħdu ferm attenti għax faċli nitilfu lill-bniedem mill-viżjoni tagħna!), imma lanqas jara l-annimal qrib tiegħu jew l-ambjent ta’ madwaru. Jekk għandu qalb, min hu agħma jara. Għalhekk, biex naraw lil Kristu Rxoxt ma neħtiġux l-għajnejn imma qalb sħuna li tħobb.

Fil-Vanġelu (Ġw 20:1-9) għandna konferma ta’ dan fl-esperjenza ta’ Marija ta’ Magdala, ta’ Ġwanni l-Evanġelista u ta’ Pietru. X’jagħżel lil dawn it-tlieta minn xulxin?

Marija ta’ Magdala titlaq tfittex il-qabar ta’ Ġesù meta kien għadu d-dlam. Il-qalb tagħha ma setgħetx issib mistrieħ meta taf li l-maħbub tagħha kien għall-kesħa tal-qabar. Marija kienet miġnuna wara Kristu u anku hu kien iħobbha – naħseb li kieku llum kienu jgħidu kemm biha u kemm bih! Hija ġarrbet din l-imħabba meta Ġesù biss ġietu ħniena minnha u għenha tqum fuq riġlejha meta ħaddieħor kien lest biex igaralha l-ġebel. Marija ma marritx b’idejha vojta ħdejn il-qabar, imma ħadet magħha n-nard ifuħ biex tesprimi l-aħħar att affettiv lejn Ġesù billi tidlek il-ġisem mejjet tiegħu. Meta mbagħad daħlet fil-qabar u rat il-ħwejjeġ tal-kefen, ma rrassenjatx ruħha imma baqgħet tfittex sakemm fl-aħħar hi, li kienet misjuqa mill-imħabba, tiltaqa’ mal-Maħbub. Ġesù Rxoxt isejħilha b’isimha: Mirjam! L-imħabba tagħha ġġiegħel lill-Irxoxt joħroġ fid-dieher. Għalhekk dik li tħobb tintebaħ li hija maħbuba, dik li kienet qed tfittex skopriet li kienet imfittxija. Proprju għax kellha qalb tħabbat għalih li Marija ta’ Magdala rat lil Ġesù rebbieħ fuq il-mewt.

Ġwanni huwa dak deskritt bħala “d-dixxiplu l-maħbub” ta’ Ġesù. Huwa dak li fl-Aħħar Ċena miel rasu u strieħ fuq Ġesù. Ġwanni tant kien mitluf wara l-Imgħallem illi anki fil-mument l-aktar perikoluż għalih, waqt il-kruċifissjoni, hu baqa’ miegħu; u Ġesù tant kien iħobbu li qabel ma għalaq għajnejh ħallielu l-aqwa teżor li kellu: lil Ommu. Ġesù jgħid lil Ġwanni biex jeħodlu ħsieb ommu! Billi kellu qalbu tfur bl-imħabba għal Ġesù, xħin daħal fil-qabar huwa “ra u emmen” – Ġwanni emmen li Kristu qam mill-mewt.

Pietru, li kien il-kbir fil-komunità tal-Appostli, tant li Ġwanni tah id-dritta biex jidħol qablu, ukoll daħal fil-qabar u ra l-istess affarijiet li ra Ġwanni – imma l-Vanġelu ma jgħidilniex li huwa emmen li Kristu kien irxoxta. Mhux qed ngħid li Pietru ma kienx iħobb lil Ġesù, imma l-imħabba li kellhom Marija ta’ Magdala u Ġwanni kienet tiżboq l-imħabba li huwa kellu lejn Ġesù. Għax ma kellux l-istess qalb tħabbat għal Ġesù, dakinhar Pietru ma rahx.

Jekk irridu naraw lill-Irxoxt irid ikollna qalb umana. Dan ifakkarni f’dak li Ġesù nnifsu kien qalilna: “Min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi” (Ġw 14:21). U waħda mill-barkiet li Ġesù jsemmi fid-Diskors tal-Muntanja hija din: “Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla” (Mt 5:8).

Huwa fatt li hemm ir-riskju li meta ngħidu li nħobbu lil Ġesù dan ikun kliem vojt, għax faċli nistqarr din l-imħabba imma nibqa’ fit-teorija jew fl-astratt. Għax li tħobb lil Ġesù jfisser li tkun tħobb lill-proxxmu, imma b’xorti ħażina l-kelma proxxmu tħassret mid-dizzjunarju tagħna; kif fissirt fil-meditazzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira, għal ħafna “l-proxxmu miet”. Tħobb il-proxxmu jfisser tħobb li min qiegħed jgħereq fis-sens wiesgħa tal-kelma. Ikun hemm min jgħid li meta tħobb lil min qed jegħreq, tkun qed tieħu riskju li tinżel miegħu. Xi mħabba tkun jekk ma jkunx hemm riskju? Inħarsu lejn il-Kurċifiss u naraw kif ħabbna Ġesù. M’hemmx imħabba akbar minn dik li wieħed jitlef ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:13).

L-imħabba twassal għat-tama; min iħobb għandu t-tama. Għax ħabbet, Marija ta’ Magdala ltaqgħet mat-tama fil-persuna ta’ Kristu Rxoxt. Fil-fatt, Ġesù rebbieħ fuq il-mewt huwa d-don tat-tama, kif fissirt fil-meditazzjoni waqt il-Velja lbieraħ. Marija ma żammitx din it-tama għaliha – ma kinitx sodisfatta li hi għandha t-tama. Imma kif jgħid il-Vanġelu, hija marret tiġri biex tikkomunika lill-Appostli magħluqa u mbeżżgħa li l-Mulej qam tassew. Lil dawk li kienu bla tama, Marija toffrilhom it-tama. Marija taqsam it-tama tagħha ma’ min ma għandux tama.

Għalhekk, aħna li qegħdin niċċelebraw dan l-Għid l-Kbir jeħtiġilna nagħmlu eżami ta’ kuxjenza: l-ewwel nett biex naraw jekk “rajniex” lill-Irxoxt u t-tieni jekk it-tama li huwa jagħtina aħniex sejrin inżommuha għalina jew aħniex lesti li noffruha lil min hu bla tama – lil min qed ifittex il-ġejjieni. Naf li hemm min jgħidli li jekk noffru l-ġejjieni lil ħaddieħor jista’ jkun li nkunu qegħdin inpoġġu fil-periklu l-futur tagħna. Meta nitkellmu b’dan il-mod inkunu qegħdin nitkellmu ta’ bnedmin tal-art u mhux bħala bnedmin li għandna l-fidi. Għax il-futur li noffru aħna mhux il-futur tal-bniedem li jserraħ fuq il-kalkoli, ir-raġunamenti u l-previżjoni umana, imma huwa l-futur ta’ Alla. Min jilqa’ lil Kristu Rxoxt f’ħajtu jikseb il-ħila li jara dak li ma jidhirx, anki fil-ġejjieni.

Dawn huma l-awguri tiegħi għal dan l-Għid Imqaddes lill-Knisja tagħna f’Għawdex. Issa li ser nibdew iż-żmien bi tħejjija għall-Festa ta’ Għid il-Ħamsin, nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex ifejjaqna minn kull għamla ta’ virus. Il-Covid-19 mhux l-uniku mikrobu li jista’ jagħmlilna danni kbar; hemm mikrobi oħrajn li jistgħu jferuna u joqtluna. Fost dawn hemm jekk aħna nkunu bla qalb u għalhekk ma narawx ’il bogħod u jekk aħna nkunu daqshekk egoisti li nżommu t-tama Nisranija għalina biss. Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħin lill-“poplu ta’ Alla” f’pajjiżna (li huwa biss parti miċ-ċittadini Maltin u Għawdxin) ikun vuċi profetika għall-ġid taż-żminijiet tal-lum.