Quddiesa mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan f’Jum l-Għid il-Kbir


Il-Ħadd, 12 ta’ April 2020: Quddiesa f’Jum l-Għid il-Kbir mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi mill-Parroċċa ta’ Ħal Balzan.

IMSEĦBIN MA’ KRISTU FIL-QAWMIEN TIEGĦU

Dak inhar li bil-ġebla kbira għalqu l-qabar li qiegħdu fih il-ġisem mejjet ta’ Ġesù, u riedu wkoll iqiegħdu l-għases – qisu l-qabar kellu bżonn is-security – biex ikunu żguri li qatt aktar ma jisimgħu l-kelma ta’ Ġesù jew b’xi mod jew ieħor ikollhom x’jaqsmu miegħu, dak inhar ħafna min-nies ħasbu li dak kien it-tmiem tal-istorja ta’ Ġesù Kristu. Kien għadda minn dik il-passjoni sħiħa, mill-mewt. Kienu ċerti li miet, kienu ċerti li difnuh, u għalihom dak kien l-aħħar mument –  meta għalqu l-qabar bil-ġebla – li kellhom x’jaqsmu miegħu. Għalihom Ġesù kien storja passata.

Għalhekk meta Ġesù qam mill-mewt, meta rebaħ il-mewt u qam għal ħajja ġdida, meta rxoxta, kienet mhux biss bidla għal dawk id-dixxipli tiegħu li segwewh fl-aħħar jew għal dawn in-nies, imma bidla fl-istorja tal-umanità kollha. Dan hu li niċċelebraw illum, u niċċelebrawh dejjem bil-ferħ. Kristu qam tassew mill-mewt, Kristu rebaħ il-mewt, u Kristu huwa l-garanzija għalina ta’ din il-ħajja ġdida.

Meta Ġesù qam mill-mewt, qaleb ta’ taħt fuq dak li fil-fatt kienu jaħsbu ħafna min-nies. Għax sal-mument li kien fil-qabar kien ifisser li rebaħ kull min, b’xi mod jew ieħor, kellu sehem fil-passjoni tiegħu. Kien ifisser – Ġesù mejjet fil-qabar bil-ġebla tagħlaq il-qabar – li rebħet il-vjolenza, li rebħu l-insulti, il-mibegħda, il-qilla, l-ingratitudni, it-tradiment, li dawn kollha kienu rebħu.

Imma l-mument li Kristu qam mill-mewt, kien ifisser li mhux dawk kienu rebħu, anzi dik kienet it-triq telliefa. Kien ifisser li dak kollu li Ġesu għallem u għex, dik hi t-triq rebbieħa. Għalhekk kontra dak li ħasbu ħafna min-nies, meta Ġesu qam mill-mewt u rebaħ il-mewt, kien ifisser li t-triq rebbieħa hi t-triq li għallimna u wriena Ġesu: it-triq tal-imħabba u mhux tal-mibegħda, tal-paċi u mhux tal-ġlied, tal-maħfra u mhux tal-vjolenza, tal-fedeltà u mhux tat-tradiment, tal-ħajja u mhux tal-mewt.

Din hi għalina l-Aħbar it-Tajba. Meta aħna niċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu jfisser l-ewwel nett li aħna għandna din il-ħajja ġdida, li d-destinazzjoni tagħna m’hijiex hawn imma hi fis-sema pajjiżna fejn aħna nissieħbu ma’ Kristu li hu ħaj, nissieħbu miegħu f’din il-ħajja ġdida. Dak ifisser għalina l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt, dik hi l-Aħbar it-Tajba għalina lkoll li nimxu warajh. Imma tfisser ukoll li l-ħajja ġdida li ġabilna Ġesù, din il-ħajja rebbieħa, mhijiex xi ħaġa biss tal-aħħar. Imma minn hawn nibdew ngħixuha. Minn hawn nibdew ngħixu din il-ħajja ġdida li tana Ġesù.

Kull meta aħna nqumu mill-ħażen tagħna, mid-dnub tagħna, kull meta ma niġġustifikawx lilna nfusna fid-dnub, imma nqumu għall-ħajja ġdida, qed ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù.

Kull meta aħna b’xi mod jew ieħor ngħinu lin-nies li huma fil-bżonn, kull meta naħdmu biex nipproteġu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem tagħha – inħarsu l-ħajja bħalma qed jagħmlu bħalissa tant nies impenjati ma’ dawk li huma morda u tant nies oħra li qed jagħtu s-sehem tagħhom għall-ħarsien tal-ħajja – kull meta nagħmlu hekk, qegħdin nieħdu sehem fil-qawmien ta’ Kristu.

Kull meta aħna ngħinu lill-bniedem iqum biex ma jegħriqx fil-ħajja, u lanqas fil-baħar; kull meta aħna ngħinu l-bniedem biex il-ħajja tiegħu tkun rispettata u d-dinjità tiegħu tkun rispettata, qegħdin ngħixu l-qawmien ta’ Kristu.

Kull meta ngħinu lill-bniedem biex ma jaqtax qalbu fil-ħajja, biex ma jiskoraġġix ruħu, biex ma jinħakimx mill-biża’, qed ngħixu l-qawmien ta’ Kristu.

Kristu riedna minn issa nibdew ngħixu din il-ħajja ġdida u nkunu aħna miegħu strumenti ta’ din il-ħajja ġdida. Għalhekk nitolbuh din il-grazzja llum li l-qawmien tiegħu jagħtina dik l-enerġija biex ngħixuha hawnhekk din il-ħajja ġdida.

Imma rridu niftakru wkoll li jekk aħna nirraġunaw bħalma rraġunaw dawk li ħadu sehem fil-Passjoni ta’ Ġesù u dawk li kienu kontrieh fil-ħajja tiegħu –

per eżempju, jekk aħna ma nirrispettawx il-ħajja, jew inkella l-ħajja ta’ xi ħadd nikkalpestawha għax il-kulur differenti jew ir-razza differenti, ifisser li aħna nemmnu li Kristu għadu fil-qabar, mhux veru qam mill-mewt. Kieku nemmnu li Kristu qam mill-mewt, ma nġibux ruħna b’dak il-mod; kieku aħna nirrispettaw il-ħajja ta’ kull persuna! 

Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna kemm aħna qed ngħixu tassew din il-ħajja li ġabilna Ġesù u ngħixu l-qawmien tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja llum, speċjalment f’dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli li qed ngħixu, li aħna nkunu strumenti tal-imħabba tiegħu, tal-ħajja tiegħu, tal-ħarsien li hu jagħti. Nitolbu biex  inwasslu dejjem il-qawwa tal-imħabba tiegħu li tegħleb il-mibegħda. L-istorja tal-Għid hi l-ikbar storja ta’ mħabba, għax marbuta mal-ħajja hemm dejjem l-imħabba. L-istorja tal-Għid hi l-istorja tal-imħabba sħiħa ta’ Alla għalina. Nitolbuh biex aħna nkunu strumenti ta’ din l-imħabba, li qatt ma nxerrdu bi kliemna jew bl-azzjonijiet tagħna l-mibegħda, qatt ma nfittxu li ninsultaw lin-nies jew li nweġġgħuhom, imma nkunu strumenti ta’ din l-imħabba biex ngħixu din l-Aħbar it-Tajba tal-Għid.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja llum li l-Għid ikun ifisser din il-ħajja ġdida, dan il-qawmien, għax Krisu ġabilna tassew il-ferħ u l-paċi permezz tal-qawmien tiegħu.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju