Il-Pallju


Il-pallju huwa lbies simboliku li jintlibes fuq il-pjaneta mill-Arċisqfijiet metropoliti bħalma hu l-Arċisqof ta’ Malta.

palljuIl-pallju huwa maħdum mis-suf tan-nagħaġ, f’forma ta’ faxxa dejqa xi għaxar ċentimetri, kulur is-suf tan-nagħaġ, li tintlibes fuq l-ispallejn madwar l-għonq, b’żewġ truf, ta’ kulur iswed,li fihom ikun hemm piż biex jiddendlu aħjar. Fuqu jkunu rrakkmati, b’ħajt tas-suf tan-nagħaġ ukoll sitt slaleb suwed, erba’ mad-dawra fuq l-ispallel, wieħed fuq kull spalla u wieħed fuq quddiem u ieħor fuq wara u wieħed fuq kull tarf. Fi tlieta mis-slaleb, fuq dak tal-ispalla tax-xellug u fuq ta’ mad-dawra, quddiem u wara, ġieli jkunu mhemuża splenguni, li oriġinarjament kellhom l-għan li jżommu l-pallju f’postu minħabba li kien magħmul minn faxxa dejqa twila mdawra mal-ispallel.

pallju

Il-pallju jfisser in-nagħġa li r-ragħaj it-tajjeb imur ifittex u jwassalha lura fuq spallejh. L-isplenguni saru jfissru l-imsiemer li bihom ir-Ragħaj it-Tajjeb ġie mwaħħal mas-salib biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Illum il-pallju sar ifisser ukoll ir-rabta speċjali tal-Arċisqfijiet mal-Papa, li hu wkoll jilbsu waqt il-Quddiesa fuq l-ilbies liturġiku l-ieħor.

Fit-22 ta’ Jannar, festa ta’ Sant’Anjeże, jiġu ppreżentati lill-Papa, li jberikhom, xi ħrief, li mis-suf tagħhom jinħadmu l-pallji l-ġodda. Il-Papa jagħti il-pallji lill-Arċisqfijiet Metroploiti ġodda fid-29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl. Minn meta jinħadmu sakemm jingħataw mill-Papa, dawn il-pallji jitqiegħdu f’kaxxetta apposta fuq il-qabar ta’ San Pietru fil-Bażilika tiegħu fil-Vatikan.

Kitba ta’ Fr Michael Bugeja

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.