Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Marija Ewfrasja Pelletier


Fl-24 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Marija Ewfrasja Pelletier, Fundatriċi li għexet bejn is-snin 1797 sa 1868.

Din il-qaddisa hija l-fundatriċi tas-sorijiet tal-Bon Pastur. Roża Virġinja twieldet fuq il-gżira ta’ Noirmontier fuq il-kosta tal-Brittanja (Franza) fejn il-ġenituri kienu marru biex jeħilsu mill-ġlied tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Bagħtuha tistudja f’Tours, fejn Roża saret taf bil-kunvent Santa Marija tal-Karità tar-Refuġju. Dan kien ta’ kongregazzjoni reliġjuża mwaqqfa minn San Ġwann Eudes (ara San Ġwann Eudes) biex jgħinu nisa li żbaljaw u biex iħarsu oħrajn li jkunu fil-periklu. Roża bdiet in-novizzjat hawnhekk fl-1814, meta kellha 18-il sena, u ħadet l-isem ta’ Marija Ewfrasja.

Madwar 11-il sena wara, meta kien għad kellha biss 29 sena, hi ġiet magħżula superjura. Hi waqqfet kunventi ġodda f’Angers, u marret hi nnifisha biex tmexxi dar tar-rifuġju li kienet teżisti hemm bl-isem tal-Bon Pastur (Ir-Ragħaj it-Tajjeb). Kellha suċċess meraviljuż, imma kellha titlaq minn hemm u marret lura fil-kunvent tagħha ta’ Tours.

Sa issa dawn id-djar tar-rifuġju kienu kull waħda minnhom indipendenti mill-oħra. Ewfrasja ħabirket li ġġibhom taħt amministrazzjoni waħda, taħt superjura ġenerali waħda u jkun hemm novizzjat wieħed, u hekk tkun tista’ tqassam is-sorijiet minn kunvent għall-ieħor skont il-bżonnijiet.

Sabet ħafna diffikultajiet, imma Ewfrasja baqgħet soda għax rat li b’hekk il-ħidma tagħhom tkun aktar koordinata u aktar effettiva.

Minkejja li kienet bniedma umli u tirrispetta l-awtorità, is-superjura żagħżugħa, li xi ħadd dwarha qal li “kellha kapaċità anki tmexxi renju,” irnexxielha, bil-għajnuna tal-providenza li toħloq f’Angers dak li jista’ jissejjaħ istitut ġdid, u d-djar kollha li bdew jinfetħu bdew jissejħu tal-Bon Pastur.

L-approvazzjoni tal-Papa waslet fl-1835. F’din il-kongregazzjoni ġdida saru ħafna żviluppi fi żmien qasir, u l-ġid immens li kien qed isir kien qed jidher f’kull dar ġdida li bdiet tintefaħ.

Fil-ħafna provi u diffikultajiet tagħha, fosthom akkużi li kienet tagħmel tibdil bla ħsieb ta’ xejn, ta’ ambizzjoni personali, u ta’ nuqqas ta’ paċenzja fl-awtorità, Santa Marija Ewfrasja Pelletier uriet qawwa erojka, baqgħet sal-aħħar iżżomm il-karattru ferrieħi tagħha, u tama kbira f’Alla.

Mietet fl-24 ta’ April tas-sena 1868 fl-età ta’ 71 sena. L-aħħar kelmiet lil sħabha kienu – “Ħobbu s-salib u s-salvazzjoni tal-erwieħ.” Ġiet ikkanonizzata minn Piju XII fl-1940. Meta mietet Santa Ewfrasja Pelletier, is-sorijiet tal-Bon Pastur kienu ġa jlaħħqu l-2,760, u d-djar tagħha wasslu għal 110 mad-dinja kollha, fosthom dik ta’ Malta f’Ħal Balzan fl-1858, jiġifieri din twaqqfet 10 snin qabel ma mietet il-qaddisa.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.