L-Isqof Mario fis-Solennita’ ta’ San Ġorġ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 23 ta’ April 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fl-okkażjoni tas-Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria.

[soundcloud url=”https://api.soundcloud.com/tracks/805607047″ params=”color=#ff5500&auto_play=false&hide_related=false&show_comments=true&show_user=true&show_reposts=false&show_teaser=true&visual=false” width=”100%” height=”100″ iframe=”true” /]

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex

SAN ĠORĠ, ĠOJJELL FIL-KATINA TAL-MISTIĊI

Meta fil-Legenda aurea, Jacopo minn Voragine jagħtina ħjiel mill-istorja ta’ San Ġorġ Martri, insibu rakkont ħelu dwar in-nies tal-belt ta’ Silene fil-Libja. Ftit jew wisq dan il-poplu kien qed jgħix fl-istess sitwazzjoni li qed ngħixu llum aħna. Għaliex il-ħajja ta’ din il-komunità tħarbtet ħesrem meta tfaċċa dragun qerriedi. Minħabba din it-theddida serja n-nies ħassewhom assedjati. Il-biża’, it-twerwir, il-qtigħ il-qalb ħakmu lil kulħadd. In-nies daħlet f’qoxritha u ngħalqet ġewwa. Il-mostru ħarbathom. Biex iżommuh kemm jista jkun ’il bogħod, issagrifikaw l-aqwa riżorsi li kellhom. Għall-ewwel bdew jagħlfuh billi jagħtuh żewġ nagħġiet kuljum – dak iż-żmien in-nagħaġ kienu patrimoniju ekonomiku. U meta din il-ħażna ekonomika messet il-qiegħ, huma bdew jissagrifikaw il-ħajjiet taż-żgħażagħ tagħhom għax kuljum bdew joffrulu żagħżugħ jew żagħżugħa biex jikolhom. L-istorja tgħid li fl-aħħar mess anki lit-tifla tar-Re li tiġi ssagrifikata.

Hawnhekk jidħol fl-istorja l-Patrun tagħna San Ġorġ, għax jasal f’din il-belt u jeħlishom minn dan l-inkubu. San Ġorġ qatel lid-dragun u hekk salva l-ħajja mhux biss tal-prinċipessa imma tan-nies kollha ta’ Silene. Kieku dakinhar San Ġorġ irraġuna bil-loġika tad-dinja, ma kienx ser jissogra ħajtu biex jeħles mill-mewt lil dawn in-nies! Imma dakinhar San Ġorġ għamel l-għażla tiegħu mdawwal minn Ġesù Kristu!

L-istorja tkompli tgħidilna li dan ma kienx l-uniku prodiġju li għamel San Ġorġ man-nies ta’ Silene, għaliex billi din kienet komunità pagana, il-Martri ta’ Lidda ħabbrilhom lil Kristu – San Ġorġ evanġelizzahom tant li l-belt kollha tgħammdet. San Ġorġ għenhom biex jintebħu min hu Alla l-veru. Hu akkumpanjahom biex jiskopru lil dak Alla li kien għadu mhux magħruf għalihom. Permezz ta’ San Ġorġ dawn in-nies indunaw li l-allat li huma kellhom kienu foloz; li l-altari li kienu waqqfu matul is-snin ma kellhom ebda siwi! Jekk quddiem dik it-theddida serja huma ġew f’tagħhom, intebħu biċ-ċkunija tagħhom u kemm il-pretensjonijiet li kellhom sarulhom suf, San Ġorġ jagħmlilhom il-qalb u jfissrilhom li Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb – dak li dwaru kellemna Ġesù Kristu – huwa totalment differenti mill-allat maħluqa mill-bnedmin, allat li għandhom simpatija ma’ min hu qawwi u perfett; dak Alla li pprietka dwar Ġesù Kristu għandu mħabba prediletta lejn dawk li jħossuhom żgħar, dgħajfin u imperfetti!

Minn din l-istorja llum, Solennità liturġika ta’ San Ġorġ, nixtieq niġbed ftit konklużjonijiet għalina; kif forsi diġà ntbaħtu jien u nirrakkonta l-istorja tal-belt ta’ Silene, f’dik l-istorja nistgħu naqraw l-istorja tagħna llum. Għax aħna wkoll bħalissa għandna mostru li qiegħed jagħlaqna fit-twerwir u l-inċertezzi. Aħna wkoll bħalissa għandna din il-pandemija li qed iġġagħalna nissagrifikaw l-aqwa riżorsi tagħna, mhux biss dawk ekonomiċi imma wkoll dawk umani. Għall-grazzja ta’ Alla f’pajjiżna ma ġralniex kif ġara fl-Italja, fejn tobba, infermiera, saċerdoti u reliġjużi tilfu ħajjithom għax waqt il-qadi tagħhom mal-morda bil-Covid-19 ittieħdu u mietu. Bħalma ġara lin-nies ta’ Silene, nifhem li anki lilna din l-esperjenza qarsa li qegħdin ngħixu tiftħilna għajnejna u nintebħu li dawk li aħna konna għamilniehom allat ma huma allat xejn; qed nintebħu li ċerti affarijiet li ma konniex ngħixu mingħajrhom, jekk mhux ukoll konna ngħixu għalihom, mhumiex daqshekk indispensabbli! Konna naħsbu li kważi messejna s-sema b’idejna, konna naħsbu li għandna s-soluzzjoni għal kollox, imma qed nindunaw li aħna għandna l-limiti tagħna u nistgħu nixxellfu mix-xejn! F’dawn iċ-ċirkustanzi llum San Ġorġ jerġa’ jħabbrilna lil Ġesù Kristu. San Ġorġ qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna, għax Ġesù Kristu huwa magħna. Alla mhux ser jitlaqna.

Imma nifhem li kif kien hemm fil-belt ta’ Silene, fostna jista’ jkun hawn min isib diffikultà biex jaċċetta din il-Bxara t-Tajba. Dakinhar staqsew u llum nistaqsu: Fejn hu Alla tagħna? Kif wieħed jista’ jispjegalna li dan Alla jħobbna meta qed iħallina ngħaddu minn dan il-flaġell? San Ġorġ, għaliex dan Alla li qed tkellemna dwaru b’tant ħeġġa, baqa’ assenti fil-mument li kellna bżonn l-għajnuna tiegħu? Għaliex ħalliena nissagrifikaw l-aqwa riżorsi tagħna? Kif tiġi issa u tgħidilna li dan Alla tant ħabb lid-dinja li bagħat lil Ibnu biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja? Dawn huma mistoqsijiet li San Ġorġ qara fuq ix-xufftejn tan-nies ta’ Silene u jaqra issa fuq xufftejna, aħna d-devoti tiegħu! Jien konvint li ħafna llum xtaqu jiġu f’din il-bażilika biex jinxteħtu quddiem San Ġorġ u bid-dmugħ f’għajnejhom jitolbuh jgħinhom mhux biss biex jeħlishom mill-pandemija, imma wkoll biex jieqaf magħhom f’mument ta’ kriżi ta’ fidi.

Illejla jien konvint li San Ġorġ qed itennilna dak li seta’ lissen lill-komunità Nisranija ta’ Silene: huwa qed jgħidilna li dak li fl-ispiritwalità jissejjaħ “il-lejl mudlam” tal-ispirtu u tal-qalb hija esperjenza meħtieġa fil-mixja tal-fidi tagħna. Għaliex jekk ma ngħaddux minn din il-fażi tad-dlam, hemm ir-riskju li l-fidi tagħna tibqa’ ma timmaturax u ma tissaffiex. X’inhu dan il-lejl mudlam li jitkellmu dwaru l-mistiċi, fosthom San Ġwann tas-Salib, Santa Tereża ta’ Avila, Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein), Santa Tereża ta’ Calcutta u Santa Maria Grazia tal-Inkarnazzjoni? Dawn huma ħutna fi Kristu, pellegrini magħna fil-mixja ta’ fidi, li għaddew minn din l-esperjenza iebsa tal-baħħ ta’ Alla – għaddew minn perjodi qosra jew twal (San Franġisk dam għaxar snin, Santa Tereża ta’ Avila damet tmintax-il sena, Madre Tereża damet tletin sena), xi drabi anki għal xhur u snin sħaħ, fejn ġarrbu t-toqol tal-assenza ta’ Alla! Imma minkejja din is-swidija, huma baqgħu jemmnu; anzi, huwa f’dawn l-“iljieli mudlama” li bil-fidi naslu biex naraw dak li ma jidhirx. Huwa f’mumenti bħal dawn meta n-Nisrani ma jġarrab ebda gost jew faraġ li wieħed jista’ jgħid tassew li qed jintelaq b’mod sħiħ fi Kristu. F’dawn il-fażijiet ir-raġuni ċċedi għall-fidi – il-fidi tgħaddi mill-moħħ għall-qalb. Huma waqtiet fejn aktar milli nistinkaw biex nibqgħu nemmnu, il-grazzja ta’ Kristu tagħmel tagħha fina. Huma waqtiet fejn tiġi ppruvata mhux tant il-fedeltà tagħna lejn Alla, imma l-fedeltà ta’ Alla lejna!

Madre Tereża minn Calcutta tgħid li f’dan il-lejl mudlam il-fidi ssir imħabba (caritas). Hemm rabta bejn il-fidi u l-imħabba. Hija tgħid li wara li kienet tagħmel ħin quddiem Ġesù Ewkaristija, lil Ġesù kienet tgħidlu: “Ser inħallik biex immur niltaqa’ miegħek fil-foqra”. Il-fqir kien jagħtiha l-opportunità li tħobb lil Alla u għalhekk temmen fih.

Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolarini, tgħid li fid-“dlam qaddis tal-ħajja, il-fidi ssir karità – il-fidi tinħall fl-imħabba u għalhekk issir impenn. Il-fedeltà tal-bniedem lejn Alla ssir fedeltà lejn il-proxxmu”. Għax “aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16). Għalhekk, li wieħed jemmen ifisser li jieħu sehem fl-imħabba ta’ Alla li għandha r-rifless tagħha fl-imħabba lejn il-proxxmu.

Dan kollu narah fil-ħajja tal-Martri San Ġorġ. Nerġa’ mmur għall-istorja li bdejt biha: meta San Ġorġ ħeles lill-prinċipessa minn ħalq id-dragun, missierha r-Re, biex juri r-rikonoxxenza tiegħu, joffri ġidu lil Ġorġi. Imma San Ġorġ ma aċċettax ir-rigal, imma talab lir-Re biex iqassam dak il-ġid lill-foqra. Hekk il-fidi ta’ San Ġorġ tiġi tradotta f’att ta’ karità. Kienet din ix-xhieda ta’ Ġorġi li għamlitu xhud li jitwemmen – xhieda li xegħlet il-lejl mudlam tal-ispirtu ta’ dawk l-Insara f’Silene.

Illum ukoll, waqt li aħna għaddejjin minn dan id-dlam, inħallu lil San Ġorġ jerġa’ jistedinna biex niftħu qalbna għal Kristu, biex niggranfaw ma’ Kristu, biex Kristu jkun it-tama tagħna. Inħallu lil San Ġorġ jispirana biex nittraduċu l-fidi tagħna f’atti żgħar jew kbar ta’ karità, speċjalment ma’ dawk li huma fil-bżonn. Għalina bħala Knisja u bħala komunità parrokkjali li llum qed tiċċelebra lil San Ġorġ, dan huwa żmen ta’ prova biex il-fidi ssir azzjoni ta’ mħabba. Nibdew bl-affarijiet l-akar ċkejknin: fil-ħajja tal-familja, fir-relazzjonijiet tagħna mal-ġirien, kif ukoll fl-attenzjoni li aħna nagħtu lil dawk li huma fil-bżonn. B’dan il-mod il-lejl mudlam isir jum tal-glorja.

Meta fis-seklu sbatax f’Għawdex kien hawn il-pesta, l-antenati tagħna resqu quddiem San Ġorġ, talbu l-patroċinju tiegħu u San Ġorġ waqaf magħhom. Illum ukoll f’dawn iċ-ċirkustanzi li qed ngħixu aħna nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ, speċjalment biex jgħinna ngħaddu minn din it-tappa delikata tal-fidi tagħna – mil-lejl mudlam tagħna. San Ġorġ dan jista’ jagħmlu mhux biss għax għamel il-qalb lill-Insara ta’ Silene biex jagħmlu dan il-passaġġ, imma għax hu nnifsu għadda minn din l-esperjenza tad-dalma interjuri meta għadda mill-martirju.

Bħalissa għandna aktar ħin f’idejna u għalhekk nirrakkomandalkom biex taqraw il-ħajja tal-mistiċi, fosthom dawk li semmejt aktar ’il fuq: San Ġwann tas-Salib, Santa Tereża ta’ Avila, Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein), Santa Tereża ta’ Calcutta u Santa Maria Grazia tal-Inkarnazzjoni. Dawn huma kotba li faċli takkwistawhom. Mhumiex kotba rreklamati ħafna, imma għandna bżonn nixorbu minn dawn l-għejun tal-ispiritwalità. Kif jgħid il-Papa Franġisku, “reliġjon mingħajr il-mistiċi tkun filosofija”. Infakkar fl-appell li kont għamilt lill-Knisja f’Għawdex f’Awwissu li għadda fl-okkażjoni tal-għeluq tas-Sena Marjana: jew inkunu Knisja mistika jew inkella ma hemmx ġejjieni għalina. Nawgura li d-devozzjoni lejn San Ġorġ, ġojjell fil-katina tal-mistiċi Nsara, twassalna ħalli nsibu raġuni biex nikbru f’din l-intimità tagħna ma’ Alla u mal-proxxmu.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading