Fit-12 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Leopoldu Bogdan Mandi, Reliġjuż li għex bejn is-snin 1866 sa 1942.
Twieled fit-12 ta’ Mejju, 1866 fil-Boka Kotorska (illum Montenegro). Missieru kellu flotta tas-sajd fil-baħar Adrijatiku, kien mill-villaġġ ta’ Żaku, raħal xi 28 kilometru l-bogħod minn Split. Kien it-tnax-il wild u l-oriġini tal-familja tiegħu kienet dik nobbli mill-provinċja tal-Bosnija. Biż-żmien il-familja tilfet ħafna mill-ġid tagħha.
Huwa kellu diżabilità, li affettwatlu kemm l-istatura kif ukoll l-fakultà tal-kliem.
F’Novembru tal-1882, meta kellu 16-il sena Bogdan mar Undine, l-Italja fis-seminarju tal-Kapuċċini Venezjani. Hawnhekk ħa l-isem ta’ Leopoldu. F’Mejju tas-sena ta’ wara, ipprofessa, u erba’ snin wara, fl-1888 ħa l-voti perpetwi. F’Settembru 1890, Leopoldo kien ordnat presbiteru ġewwa Venezja.
Billi kien Kroat, fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Leopoldo kellu jmur fl-Italja ta’ Isfel. Hu xtaq ħafna jerġa’ jirritorna f’pajjiżu biex jipprietka lin-nies t’hemmhekk iżda minħabba d-diżabilitajiet tiegħu u mard fl-istonku, artrite u vista batuta, ma tħalliex mis-superjuri tiegħu.
Għalhekk baqa’ fl-Italja u kien iqatta’ ħafna ħin fil-konfessjonarju. Dan għamlu għal 34 sena sħaħ. Kien mimli kompassjoni u ħniena għall-penitent, u kien jitrattah b’sensittività kbira. Kien ħafna favur il-ħajja u ma kienx joqgħod lura milli jitkellem fi kwistjonijiet fejn jidħlu t-tfal. Ħadem ħafna biex iwaqqaf orfanatorji għat-tfal iltiema.
Kien devot kbir tal-Verġni Marija u kien isejħilha l-Imgħallma Qaddisa. Kien jgħid ir-rużarju sikwit u kien iqaddes kuljum maġenb l-altar tal-Uffiċċju tal-Verġni Marija. Wara l-quddiesa kien imur iżur il-morda fl-isptarijiet u d-djar tax-xjuħ madwar Padova. Ma kinetx tonqos vista fl-infermerija tal-Kapuċċini u kien idur il-patrijiet ifarraġhom u jqawwilhom qalbhom u jsaħħaħhom fil-fidi.
Leopoldo marad bil-marda tal-kanċer li wasslitu għall-mewt fl-età ta’ 76. Waqt li kien qed jipprepara l-liturġija ħassu ħażin u ħaduh fiċ-ċella. Huwa miet imdawwar bil-patrijiet sħabu jkantaw is-Salve Regina.
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja u parti mill-kunvent fejn kien jgħix Leopoldo ġew ibbumbardjati iżda ċ-ċella tiegħu baqgħet intatta. Dan kien ħabbru Leopoldo qabel mewtu. Huwa qal “Hawnhekk Alla wera wisq ħniena ma’ nies. Din għandha tibqa’ monument tat-tjubija tiegħu.”
Il-Papa San Pawlu VI bbeatifikah fit-2 ta’ Mejju, 1976. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kkanonizzah fis-16 ta’ Ottubru, 1983. San Leopoldo jissejjaħ l-Appostlu tal-Għaqda.