Fil-ġardina tiegħek O Marija


Sbejħa l-ġurnata! Sbejjaħ il-jum! Għalkemm friska, l-għodwa ta’ Mejju tibqa’ dejjem waħda mhux tas-soltu. Imma jien, O Marija, waqt li qed ngħix hawn, fit-tieni kunvent tiegħi u dari, mal-pazjenti taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, li int tant tħobb. U miegħek, jien sirt inħobb ukoll!

U, dalgħodu, f’din l-għodwa xemxija, għalkemm immelsa, kif inhi, biż-żiffa ħelwa u fina li tidħolli f’għadmi u f’dak kollu li hu jien, qtajtha li nagħmel passejn mal-ġardina tiegħek. Għax, għidli int, O Marija, kif nista,’ anki jekk b’maskla, ma nħallix l-arja sabiħa u ħelwa f’jumek, tidħolli fi mnifsejja? Biex tnaddafni u issaħħaħni? Għax liema ħarsien tabilħaqq jista’ ikolli, minn dan id-dragun li ma jidhirx u li qed iwerwer, jew aħjar iqażżeż kull m’hawn, jekk mhux taħt il-lenti platt tal-mikroskopju? Imma, daqshekk iva, O Ommi Marija, hi qawwija u fonda mħabbtek! Proprju daqshekk! Daqs fejn jasal il-mikroskopju. Imma, jgħidli moħħi li, għad-dinjità li l-Mulej żejnu biha, xorta jaħseb daqs tal-aqwa duttur, bħalma jaħseb il-moħħ ta’ kull bniedem u bniedma b’dinjità ta’ iben u bint il-Għoli, li jgħarraf il-misteri tiegħu liċ-ċkejknin waqt li jaħbihom mill-għorrief, hemm kejl biex bih inkejlu mħabbtek għalina?

Kien jgħidlek, il-kbir Wistin, il-kejl tal-imħabba hi l-imħabba mingħajr kejl. Mela, hemm xi kejl għall-imħabba? Int dan tafu, O Marija! Għaliex, ta’ età daqshekk żgħażugħa, int għedt l-IVA tiegħek lill-Mulej permezz tal-Anġlu! Kos hux! Ma qgħadtx tieħu xi parir mingħand xi bniedem! Ma staqsejt lil ħadd biex tagħmel xi proċess ta’ dixxerniment li fih il-bidu u t-tmiem jidher li m’għandux! Ma qgħadtx titkerraħ biex tgħid IVA! Taf li għalhekk inħobbok O Marija! Kemm int umli! Kemm mintix fanfaruna! Għalkemm tassew li għandek biex! Kemm tal-midja lilek ma jafukx! Kemm in-nies bilkemm kienu jafu li teżiżti! O Marija! Xi ħlewwa u x’umiltà hemm jiġru ġewwa fik! Xi ħrara toħroġ minn għajnejk! U xi sliem titfa’ b’dawk idejk! Hekk ħelwin!

Għidli, O Marija! Kif jista’ il-Missier Etern ma jogħxiex fuqek! Kif jista’ ma jħossux kburi li Int Bintu u Omm Ibnu l-għażiż? Int, O Marija, mintix ħalliela! Lill-Mulej l-unuri tajthomlu kollha! U mhux tinqeda bih biex issir popolari int minn fuq dahru! Għalhekk, kull min ikun fil-preżenza tiegħek, kemm iħossu tajjeb! Għax iħossu immelles u mhux mibrux! Imfarraġ u mhux misluħ! Għax int qatt ma fittixt lilek innifsek! Għalhekk, iva, l-għadu tiegħek u tagħna jibża’ minnek! Ħafna aktar mill-bard ta’ Jannar! Mhux għax taf il-Bibbja. Inkella għax taf titlob. Jew tpoġġi l-kliem mellies. Jew, għax tidher hawn u hemm, u ma nafx fejn iżjed! Le, O Marija! Int kbira għax toqgħod moħbija! Għax tumilja ruħek! Għax ma tiffanfrax! Għax tħalli lill-Mulej jidher fik! U jieħu unuru kollu! Sal-inqas qattra!

U illum, f’din l-għodwa, ta’ waħda mill-festi tiegħek, jien, Patri Mario, miexi f’din il-ġardina ħelwa tal-Isptar Sir Anthony Mamo. Liema ġardina tfakkarni f’ħafna tbatijiet li hawn fostna. It-tbatijiet tat-tfal morda bil-marda li ma nsemmuhiex. Kif nista,’ O Marija, waqt li ninstab daqs tefgħa ta’ ġebla minnhom, ma nsemmagħlekx jien ukoll, f’dawk l-għeżież widnejk ta’ Omm, l-għajta tagħhom? Dik l-għajta li tinbidillek f’għanja li tibqa’ għaddejja maż-żminijiet? Minsuġa ma’ dik il-kuruna? Li tgħaqqad l-art mas-sema?

Kif nista,’ O Marija, waqt li qed nagħti passejn, bid-dmugħ nieżel mal-ħaddejn, ma niftakarx f’tant pazjenti f’dan l-isptar li qed ibatu fis-skiet tagħhom? F’dawk il-pazjenti fejn, minħabba l-kundizzjoni tas-saħħa tagħhom, ma jistgħux le jagħtu pass ‘il barra minn soddithom? Aħseb u ara mela minn kamrithom u s-sala tagħhom? Nista’ jien, O Marija, lil dawn il-pazjenti, ninsiehom? Qishom qatt ma eżiżtew? U, kif qiegħdin fiż-żifna, nista’ qatt inwarrab minn quddiem għajnejja l-ħafna persuni li qed ibatu magħhom? Nibda’ biex insemmi lill-familjari għeżież tagħhom? U lill-membri tal-istaff li jissallbu biex jaqduhom minn qiegħ qalbhom?

O Marija, kemm dmugħ f’dan il-Wied tad-dmugħ! Kemm qsim il-qalb! Kemm għajtiet li ma jinstemgħux! U dan minħabba l-mostru li ma jidhrix! Id-dragun iż-żgħir li, mingħajr qatt ma qabdu, qabad hu, b’dik l-arroganza kollha tiegħu, u inkuruna lilu nnifsu! Dan id-dragun-serp, li ġabna daqshekk għarkuptejna għax iparalizza dinja sħiħa! Nistgħu aħna nibqgħu sejrin hekk, O Marija?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija daqstant kbira u rejali qed insiha fix-xbieha tiegħek. F’din l-istatwa ħelwa li hawn f’din il-ġardina iddedikata lilek. X’qed naralek sewwa taħt riġlejk, O Omm Alla u Ommna l-bnedmin? Dawn riġlejk safja u ħafjin, eżattament taħt riġlek il-lemini, qed narak O Marija tisħaq lis-serp. Veru! Suppost rasu kellek tisħaqlu! Imma, u dejjem jekk qed nara sewwa, qed tisħaqlu għonqu. Biex, bħal donnu, ma jieħux nifs aktar!

Ibqa’ isħaqulu O Marija dak l-għonq! Li, lill-kwadru, bil-fors irid iġagħlna nsejħulu tond! Ibqa’ isħaqulu kemm tiflaħ lil dak l-għonq! Li minnu jitilgħu l-vleġeġ tal-arroganza, tas-suppervja, tal-kburija, tal-fanfarunati, tal-ħamallaġni, tad-dagħa, tas-serq, tal-gideb, u tal-ħażen bil-pulit tal-ġlekk, l-ingravata, tal-ingwanti u tat-tbissima tal-plastik. Jekk jogħġob, O Marija, isħaqulu sewwa dak l-għonq! Li, għax inħalluh idur fostna, fil-familji, fil-komunitajiet, fil-postijiet tax-xogħol u kulfejn inkunu, anki online, qed jitfagħna fl-eħrex fond!

O Marija, f’din il-ġardina tiegħek, jien nieħu r-ruħ! Għax niftakar li tifel irrid insir jekk irrid inkun tassew kbir! Dik it-tfulija, O Marija, li hemm fik, li bħalek iġġagħlni nterraq ma’ kull post li hawn fid-dinja! Dik it-tfulija, O Marija, li lil wiċċi timlieh bl-isbaħ dija! Ma rridx le nkun imtaqqal minn għerf l-istanga tad-duttur tal-liġi, li għal kull nuqqas ta’ ħaddieħor jagħmel storja! Biex imbagħad, għal tiegħu, jgħaddi kollox u li jiġi għal idejh! O Marija, żommni umli bi ħbub għajnejk! Mexxini inti bil-ħlewwa ta’ ħaddejk! Anki jekk, bħal kull persuna f’dan l-isptar, jien ukoll batejt fuq li batejt!

U taf x’nixtieq ngħidlek qabel nidħol ġewwa, ħa nissokta jumi ta’ ħidma ma’ Ibnek fil-marid, li lilU jrid: INT LIL ĦADD MA RMEJT! Fakkarhieli din it-tagħlima li tagħti l-akbar stima! Għax kollha bnedmin u ħadd m’hu bhima! Mela, kelma tajba, ġest ħanin u … mħabba fina! Amen!

Kemm ħsibijiet u talbiet fil-ġardina mill-isbaħ tiegħek ta’ Sir Anthony Mamo … O Marija!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.