L-Isqof Mario Grech fil-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar


Il-Ħadd, 24 ta’ Mejju 2020: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fil-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Knisja parrokkjali ta’ San Pawl Nawfragu, il-Munxar …

IL-MUFTIEĦ TAL-KNISJA TAD-DAR

F’dawn ix-xhur tal-imxija rajt li l-Knisja “tħarrket” – “imxiet”! Għax flok ma bqajna niltaqgħu fil-knejjes monumentali tagħna, skoprejna li hemm “knisja” oħra fl-irdoss tal-familji tagħna! Sinċerament inħoss li f’ċertu sens din l-imxija kienet grazzja (li rridu noqogħdu attenti li ma nitilfuhiex) għax għenitna nerġgħu mmorru lura għall-esperjenza li kienu jagħmlu l-Insara fl-ewwel sekli. Il-Knisja, bħala poplu ta’ Alla, ma twelditx fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, lanqas fil-Bażiliċi, imma fid-djar tal-Insara. Għalkemm it-Tempju ta’ Ġerusalemm kellu l-importanza ċentrali tiegħu, l-ewwel komunità Nisranija kienet torganizza l-attività tagħha fid-djar; sa mill-bidu l-Insara bdew jagħmlu l-esperjenza ta’ Kristu Msallab u Rxuxtat u l-qsim tal-ħobż fid-dar tagħhom.

Anzi, sa minn qabel Alla kien jeduka lill-poplu tiegħu fl-ambjent tal-familja. Hekk ġara meta Alla żar lil Abraham u lil Sara taħt it-tinda; hekk seħħ meta l-anġlu ta’ Alla daħal fid-djar tal-Lhud li kienu fl-eżilju; kien fid-dar tal-armla ta’ Serafta fejn sab kenn il-profeta Elija! Għal-Lhud il-familja kienet post speċifiku fejn issir l-esperjenza u ċ-ċelebrazzjoni tal-fidi – fejn kienet tiġi trasmessa l-fidi lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, kif seħħ fil-ħajja tagħna: fil-fatt, għalina l-ewwel katekist la kien l-isqof u lanqas il-kappillan, imma l-ġenituri u n-nanniet tagħna! Id-dar kienet it-tabernaklu fejn tinżamm ħajja l-“memorja” ta’ Alla, fis-sens li l-ġenituri kienu kontinwament ifakkru lill-membri tal-familja x’għamel Alla magħhom. Sal-lum il-Lhud għadhom jiċċelebraw ħafna mil-liturġija tagħhom fil-familja – għandhom liturġija tal-familja! Wieħed Rabbi jgħid: “Jekk ma hemmx familja, ma hemmx it-Torah, u jekk ma hemmx it-Torah, ma hemmx familja”! Anzi, Rabbi ieħor juża kliem aktar espressiv: “Jekk ma hemmx dqiq [li jintgħaġen fil-familja], ma hemmx Torah, u jekk ma hemmx Torah, ma hemmx dqiq”! U jien ngħidilkom: jekk ma hemmx familja, ma hemmx Vanġelu, u jekk ma hemmx il-Vanġelu, ma hemmx familja! Jekk ma hemmx il-qafas tal-familja, il-Vanġelu ma jasalx. Dan ngħiduh mill-esperjenza tagħna… Kemm nużaw enerġiji biex nagħmlu l-katekiżmu lit-tfal! Imma jekk ma jkunx hemm is-sapport tal-familja, inkunu nagħżqu fl-ilma! (Għalhekk nagħmel il-qalb meta nara l-esperjenza kateketika ġdida li qed issir fil-Parroċċa ta’ Għajnsielem fejn il-familja hija mistiedna tkun parti mill-proġett kateketiku).

Anki Ġesù jagħżel il-familja bħala kamp speċjali għall-azzjoni pastorali tiegħu. Huwa kien imur fit-Tempju u fis-sinagoga, imma kien imur ukoll fid-djar. Biżżejjed nieħdu l-Vanġelu ta’ San Mark li jippreżentalna l-katekeżi li kien jagħmel Ġesù fuq il-mudell tal-katekeżi domestika. Hekk, wara li ħareġ mis-sinagoga, huwa mar flimkien mad-dixxipli fid-dar ta’ Xmun u Indrì, fejn wara li fejjaq lill-kunjata ta’ Pietru, “quddiem il-bieb inġabret il-belt kollha bi ħġarha” (Mk 1:33). F’passaġġ ieħor l-evanġelista jikteb: “Imbagħad mar id-dar u l-kotra reġgħet inġemgħet hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh għax qalu li tilef moħħu” (3:20-21). Ġesù kien jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jfissrilhom il-parabboli “fid-dar” (Mk 7:17-30; 9:28). Dan kollu jikkonferma li Ġesù jagħżel id-dar bħala vanġelu ġdid ta’ relazzjonijiet intimi! Dawn kienu l-ambjenti fejn Kristu xettel u welled il-Knisja!

Meta mbagħad tela’ s-Sema, l-Appostli komplew fuq il-linji tal-Imgħallem. Ma bnewx knejjes, katidrali u bażiliċi (dawn bdew jinbnew fis-seklu erbgħa u hemm bdejna sejrin lura!). Nagħti żewġ eżempji. Kornelju, ċenturjun pagan minn Ċesarija, jibgħat għal Pietru, li kien Ġaffa, biex imur id-dar ħalli “jisma’ x’kellu jgħidlu”. Kornelju ġabar lil niesu u lil ħbiebu d-dar. Pietru jagħmel katekeżi u l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq dawk kollha preżenti f’dik id-dar pagana, u tgħammed Kornelju u l-familja estiża tiegħu (Atti 10). Meta Pawlu kien fil-belt ta’ Filippi, kien hemm Lidja, mara tbigħ il-porpra, li wara li semegħtu, xtaqet titgħammed u stiednet lil Pawlu u sħabu biex joqogħdu għandha (Atti 16:12)! Akwila u Priska kienu familja oħra li kienet tieħu sehem fil-ħidma appostolika ta’ Pawlu (Atti 18:2). Meta Pawlu kellu n-nawfraġju f’pajjiżna, huwa ma beniex “knejjes” kif nafuhom aħna, imma waqqaf l-ewwel knisja fid-dar ta’ Publiju: “Żammna għandu tlett ijiem” (Atti 28:7). Kienet “knisja-sptar”, għax wara li huwa fejjaq li missier il-Prinċep tal-gżira, “bdew iressqulu għandu l-morda l-oħra tal-gżira u hu fejjaqhom” (Atti 28:9).

Fl-Atti tal-Appostli Pawlu jagħmel affermazzjoni qawwija ħafna li turi kemm id-dar kienet għalih għażla pastorali importanti: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu ta’ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ kif ukoll fid-djar” (20:20). Fl-Ittri tiegħu nsibu diversi dettalji li jikkonfermaw dan kollu. Lill-Korintin jgħidilhom: “Isellmulkom il-Knejjes tal-Asja. Isellmulkom ħafna fil-Mulej Akwila u Priska u l-Knisja li tiltaqa’ f’darhom” (1 Kor 16:19). Kif josserva Penna, kull meta l-Appostlu juża l-kelma “knisja” jew “knejjes” huwa ma jkunx jirreferi għall-“bini” tal-kult imma għal dawk il-komunitajiet żgħar li jiltaqgħu fid-djar! Fil-bidu tal-Ittra lil Filemon, Pawlu jiftaħ hekk: “Lil Filemon, seħibna l-għażiż fix-xogħol, u lil oħtna Appja u Arkippu, suldat magħna, u lill-Knisja li tinġabar f’darek” (1:1). Lill-Insara tal-belt ta’ Kolossi jitlobhom: “Selluli għal Ninfa u l-knisja li tinġabar f’darha” (Kol 4:15).

San Pawl jgħinna niskopru l-ġmiel tal-Knisja tad-dar – dik l-esperjenza li “llum” ħafna mill-familji tagħna għandhom il-grazzja li jistgħu jgħixu. Skont it-tagħlim ta’ San Pawl il-Knisja tad-dar għandu jkollha erba’ karatteristiċi: tkun familja (a) li titlob: “Żommu sħiħ fit-talb. Ishru fih b’radd il-ħajr lil Alla… Ħalli l-Kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom: għallmu bl-għerf kollu, widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u għana spiritwali u b’radd il-ħajr kantaw innijiet lil Alla” (Kol 4:2; 3:16); (b) li titkisser fil-Kelma ta’ Alla: “Bil-qawwa kollha nitlobkom f’ġieħ il-Mulej li taqraw din l-ittra lill-aħwa kollha” (1 Tess 5:28), “Meta tkunu qrajtu din l-ittra ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-Knisja ta’ Laodiċija u intom taqraw l-ittra ta’ Laodiċija” (Kol 4:16); (ċ) li tiltaqa’ għall-qsim tal-ħobż. Pawlu jagħżel din l-ikla mill-bukkun li l-familja taqsam flimkien biex titrejjaq, tant li jsejħilha “l-ikla tal-Mulej” (1 Kor 11:20); (d) li tiftakar fil-foqra u tagħmel “ġabra” għalihom.

Dawn l-erba’ noti jagħmlu eku ta’ dak li nsibu fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli fejn naqraw li d-dixxipli “kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (2:42). Hemm xi esperti fl-Iskrittura li jgħidu li l-Magnificat, il-Benedictus u l-innijiet Kristoloġiċi li nsibu fl-Ittri Pawlini nkitbu proprju waqt l-esperjenza ta’ Knisja fid-dar!

Fl-ewwel sekli fil-Knisja tad-dar kien ikun hemm il-fonti tal-Magħmudija u l-mejda tal-Ewkaristija. Illum dawn sabu posthom fil-knisja parrokkjali. Imma nirrakkomanda li fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, peress li l-familja ma tistax tmur il-knisja biex tieħu sehem fl-Ewkaristija, ikun is-saċerdot stess li, filwaqt li jħares ir-regoli tas-saħħa u jevita li jidħol f’kuntatt ma’ persuni vulnerabbli, iżur il-familji u jiċċelebra l-Ewkaristija fid-dar tagħhom! Hekk il-familja tkun tista’ tagħmel esperjenza tal-erba’ karatteristiċi li jindika San Pawl.

Is-Santi Padri (il-Missirijiet tal-Knisja) komplew żviluppaw ekkleżjoloġija fuq it-tagħlim tal-Appostlu Missierna. Hekk, ngħidu aħna, Sant’Injazju ta’ Antjokja jitkellem dwar il-Knisja fid-dar f’ittri li kiteb lil San Polikarpu u lill-Insara ta’ Smirna. Is-Santi Padri jgħallmu li fid-dar fejn tgħammar il-familja hemm il-preżenza ta’ Ġesù! U fejn hemm il-preżenza ta’ Ġesù, hemm il-Knisja! Ħafna f’dawn il-ġimgħat ħassewhom imċaħħdin mill-Ewkaristija u allura mill-preżenza reali ta’ Ġesù bl-umanità u bid-divinità tiegħu. Mingħajr dubju l-Ewkaristija hija importanti għax hija l-preżenza tiegħu per eċċellenza. Imma l-Missirijiet tal-Knisja jfakkruna li Ġesù huwa preżenti fejn hemm tnejn jew tlieta miġbura f’ismu. Tertulljanu jgħallem li kif fejn hemm it-Tliet Persuni tat-Trinità hemm il-Knisja, daqshekk ieħor hemm il-Knisja fejn hemm miġbura l-komunità. U San Klement jgħid li meta Ġesù jirreferi għal dawk it-tnejn jew tlieta miġbura f’ismu, kellu f’moħħu lill-familja: il-missier, l-omm u l-ulied! Huwa tagħlim tas-Santi Padri li Kristu huwa preżenti wkoll fil-foqra – dak li l-Papa Franġisku jħobb jgħid li teoloġikament il-foqra huma l-wiċċ ta’ Kristu! Għalhekk San Pawl jitlob lill-Knisja domestika tiftakar fil-foqra u kellu kliem iebes meta l-foqra ġew skartati mill-Knisja tad-dar (ara l-Ewwel Ittra lill-Korintin).

Kemm Santu Wistin u kemm San Ġwann Kriżostmu jitkellmu fuq “Knisja domestika” – kunċett li mbagħad reġa’ qabdu l-Konċilju Vatikan II. F’waħda mill-omeliji tiegħu San Ġwann Kriżostmu jgħid: “Agħmlu mid-dar tagħkom Knisja… kif l-Isqof irid jagħti kont lil Alla dwar kif ikun ħa ħsieb il-komunità ekkleżjali, hekk il-kap tal-familja jrid iwieġeb lil Alla dwar kif ikun ħa ħsieb tal-ħajja spiritwali ta’ martu, uliedi u l-qaddejja”. Fi kliem Santu Wistin, fir-rigward ta’ martu u wliedu l-missier fid-dar għandu uffiċċju “ekkleżjastiku” jew “episkopali”: “Pater in domo sua ecclesiasticum et… episcopali implebit officium ministrans Christo” (ara Beda, Hom. 1, 6)!

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallem li l-magħmudija tal-membri fi ħdan il-familja hija l-pedament tal-Knisja domestika, għaliex permezz tal-magħmudija aħna nieħdu sehem mis-saċerdozju komuni ta’ Kristu. Fi kliem il-Papa San Pawlu VI, dan is-saċerdozju komuni jitħaddem b’mod eminenti mill-miżżewġin li huma mgħonija bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ.

Għalhekk, meta llum qegħdin nagħmlu din il-Festa f’ġieħ San Pawl Missierna, inħallu lill-Appostlu jgħinna niskopru u napprezzaw dan id-don kbir li ħallielna l-Mulej Ġesù: li aħna ngħixu l-Knisja fi ħdan il-familji tagħna. M’hemmx konfront bejn il-Knisja istituzzjoni u l-Knisja domestika. Il-Knisja komunità kbira hija ffurmata minn Knejjes żgħar li jiltaqgħu fid-djar; imma jekk tiġi nieqsa l-Knisja tad-dar, ma jkunx hemm il-Knisja. Darba kien hemm żewġ kappillani li riedu joffru ritratt tal-parroċċa rispettiva tagħhom. Wieħed qal li l-parroċċa tiegħu (il-Knisja) qisha ħuġġieġa f’nofs ta’ pjazza li żżomm taqbad tant kemm jistinka l-kappillan. Minn din il-ħuġġieġa jitkebbes in-nar inemnem li hemm fid-djar. Jekk tintefa l-ħuġġieġa ċentrali, jispiċċa n-nar fil-familji. Il-kappillan l-ieħor offra ritratt differenti tal-parroċċa: qal li d-djar huma kollha mqabbdin b’nar qawwi u minn dan in-nar jixgħel in-nar li hemm fin-nofs tal-pjazza! F’nofs il-pjazza ma jkun hemm ebda nar kieku jintfew il-ħġejjeġ domestiċi – jekk ma hemmx familji jixegħlu, il-parroċċa tkun fid-dlam. L-ewwel ritratt huwa dak ta’ Knisja “klerikali” fejn kollox jiddependi mill-Isqof, il-kappillan, jew is-saċerdoti; waqt li l-ieħor huwa ritratt ta’ Knisja mżejna b’għadd ta’ ministeri, fosthom dak tal-familja. Jekk ma hemmx Knisja tad-dar, il-Knisja ma għandhiex futur! Il-Knisja domestika hija l-muftieħ li bih nistgħu niftħu orizzonti ta’ tama.

Għeżież familji fil-Munxar, irrid nerġa’ nifirħilkom għax kontu ħafna għaqlin u meta kellna nagħlqu l-bibien tal-knisja l-kbira, intom ftaħtu beraħ il-bieb tal-Knisja li tiltaqa’ f’darkom! Kontu kreattivi u skoprejtu modi kif tiċċelebraw il-fidi fil-Knisja tad-dar. Qabbadtu n-nar tal-fidi fil-familja u dak in-nar qsamtuh ma’ familji oħra u hekk xegħlet il-Parroċċa. Bl-għajnuna tal-Kappillan u tal-katekisti f’din il-festa titulari għamiltu “novena speċjali” mhux fil-knisja l-kbira imma fil-Knisja tad-dar. Nawguralkom li tkomplu tiskopru l-ġmiel tas-sejħa u l-kariżmi li hemm moħbija fil-familji tagħkom u nittama li jkun hemm komunitajiet parrokkjali oħra li jieħdu l-eżempju tagħkom. Hawn qiegħed il-futur tal-Knisja: jekk tiġi riabilitata l-Knisja tad-dar u jingħatalha aktar spazju. Noħlom Knisja familja magħmula minn għadd ta’ familji-Knisja. Dan huwa presuppost validu għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida li tant hija meħtieġa fostna.