Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex

Print Friendly, PDF & Email

L-avukat, il-politiku u l-filosfu tax-Xettiċi, Marcus Tullius Cicero (106-43 QB), kiteb hekk: “Kamra mingħajr kotba hi bħall-ġisem mingħajr ruħ.” Għax tassew ħbieb, il-bniedem imut darbtejn, meta jingħalaq fih innifsu u meta ruħu toħroġ minn ġo ġismu.

Konvintissmu minn dak li kiteb l-għaref filosfu Ruman Cicero, Patri Dr. Martin Micallef OFM Cap, għalliem u studjuż mill-aqwa tal-kotba mqaddsa, għoġbu jgħaddilna f’idejna ktieb mill-mill-isbaħ dwar il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex. Semmieh: Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex. F’dan il-ktieb tant sabiħ u mżejjen b’għadd ta’ ritratti mill-isbaħ Patri Martin għaraf, taħt il-qawwa tal-għerf tal-Ispirtu s-Santu li żgur nebbħu qatiegħ biex jagħtina din il-biċċa xogħol mill-aqwa, jinseġ bħal tapizzerija mill-aktar għanja l-ħajja tagħna, il-Patrijiet Kapuċċini, f’dawn il-gżejjer għeżież tagħna ta’ Malta u Għawdex. Bil-ħila li l-Mulej żejnu biha kemm fit-tagħlim, fil-kitba u anki fil-predikazzjoni mill-aktar għanja u li tibni tiegħu, Patri Martin jagħżel it-tema rikorrenti tal-istorja tal-Kurċifiss li hemm fil-Knisja u l-Kunvent tagħna l-Kapuċċini fil-Gżira Għawdxija bħala l-leit motif tal-istorja Kapuċċina tagħna f’pajjiżna.

Patri Martin jagħżel, bħala sfond tar-riċerka mill-aktar informattiva u formattiva tiegħu, li jitħaddet dwar il-proċess storiku ta’ kif il-qima tal-Kurċifiss ma kinitx ħaġa li nibtet ilbieraħ iżda tmur lura sa mill-ewwel sekli tal-era Nisranija. Għalhekk dan jseħħlu jpoġġi l-Kurċifiss mhux biss fl-era wiesa’ u universali tad-dinja Kattolika imma wkoll fiċ-ċokon tal-gżejjer tagħna. U hawn, fiż-żifna storika bejn l-universal u l-partikular, l-awtur, b’ħila kbira, iseħħlu jlaqqam il-ġrajja tant interessanti tal-Kurċifiss fil-Knisja u l-Kunvent tagħna l-Kapuċċini f’Għawdex. Kif naraw minn dan il-ktieb tant għalliem, il-Kurċifiss kien inħadem fi Sqallija, minn artist mustaċċun, fl-1683. B’qasma ta’ qalb għandna s’issa ma nafux eżatt min seta’ kien dan l-artist ta’ ħila. Li nafu żgur li dan il-Kurċifiss kien inġieb Malta mill-Kommendatur Miceli. Donnu kulħadd bl-istorja tiegħu! U dan il-Kurċifiss mhux nieqes lanqas! Frott il-ħidma sfieqa tal-Għawdxi, De Soldanis, dan il-magħruf Kurċifiss sab postu għandna, il-Kapuċċini, f’Għawdex. Fil-fatt, il-Patrijiet tagħna laqgħuh bil-ferħ biex ibierek u jqaddes il-Kunvent li kienu għadhom kemm fetħu, daqs tefgħa ta’ ġebla bogħod miċ-Ċittadella, f’Forn il-Ġir.

Dan ir-rakkont mill-isbaħ u mill-aktar dettaljat u riċerkat, iz-zokk tas-siġra narrativa, jinfirex b’mod naturali fuq sitt kapitli. Kull kapitlu, bħal fergħa mtaqqla bi frott mill-aktar bnin u abbundanti, l-awtur jaħseb biex iżewwaq lil kull wieħed minnhom b’Excursus mill-aqwa. Fil-fatt, wara kull kapitlu wieħed ma jistax ma japprezzax ix-xogħol mill-aktar dettaljat u b’reqqa kbira ta’ riċerka li wettaq Patri Martin. F’dan ix-xogħol, bħal biċċa skultura mill-aktar fina, dan il-Patri studjuż, ħabrieki u umli, jippreżentalna għana ta’ dettalji dwar l-elf u mitt ħaġa ta’ interess li dawn kienu diġà issemmew fil-kapitlu ta’ qablu. Is-sabiħ ta’ din il-biċċa xogħol bizzilla u ta’ akkademiċità fl-aqwa tagħha, hi li kollox hu mirfud, sal-inqas dettall, minn dokumentazzjoni sħiħa. Wieħed ma jistax ma jibqax impressjonat bil-biblijografija voluminuża li hemm fi tmiem din l-opra tassew prestiġjuża.

L-awtur seħħlu wkoll jingasta dan il-ktieb fl-ambjent Għawdxi li fih il-Kurċifiss jaf iż-żgħożija u issa, ix-xjuħija tiegħu ukoll. Għalhekk, Patri Martin inisseġ il-ktieb tiegħu b’rakkonti mill-aktar mqanqla mal-ħajja fl-ambjent Għawdxi u jseħħlu anki jippreżenta l-implikazzjonijiet soċjali li l-qarrej, fir-riflessjoni tiegħu imsejsa fuq l-informazzjoni tant b’saħħitha li jagħti l-awtur innifsu, jista’ faċilment jasal għalihom, mgħejjun u mwieżen minn tant dettalji tabilħaqq importanti li din l-opra stess turi tul triq ir-rakkont tagħha.
Kif wieħed jista’ jintebaħ il-ktieb hu rakkomandat lil kull min għandu għal qalbu kemm il-ħajja Nisranija u kif ukoll l-istorja tant sabiħa u fl-istess ħin drammatika ta’ pajjiżna. Biss, tajjeb li wieħed isemmi li dan il-ktieb m’huwiex le ħobż l-ispeċjalista biss li, ta’ speċjalista li hu, aqta’ kemm jogħxa jgħum fil-baħar ta’ riferenzi li dan il-ktieb joffrilna. Aktar minn hekk, dan il-ktieb għandu jkun l-interess ta’ kull dar li tgħid u tiftaħar li hi Maltija sa minn qaddisha! It-tnehdija tal-ktieb Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex, saret nhar it-Tlieta 25 ta’ Frar 2020 fil-Palazz tal-President, f’Ħ’Attard.

Meta taqra l-ktieb Crux Invicta – Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex bilfors li jiġuk f’moħħok u f’qalbek, uħud mill-kelmiet tant sbieħ li ħarġu mill-qalb ta’ Papa Franġisku fit-talba li talab fi tmiem il-Via Crucis fil-Kolossew ta’ Ruma, nhar Ġimgħa l-Kbira tal-25 ta’ Marzu 2016:

O Salib ta’ Kristu, simbolu ta’ l-imħabba divina u ta’ l-inġustizzja umana, ikona ta’ l-ogħla sagrifiċċju għall-imħabba tagħna u ta’ l-ikbar egoiżmu frott il-bluha, strument ta’ mewt u triq tal-qawmien, sinjal ta’ l-ubbidjenza u emblema tat-tradiment, patibolu tal-persekuzzjoni u stendard tar-rebħa.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk wieqaf f’ħutna maqtula, maħruqa ħajjin, imħanxra u b’rashom maqtugħa mix-xwabel barbariċi u fi skiet viljakk…

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fl-uċuħ tat-tfal, tan-nisa u tal-persuni, imxejna u mbeżżgħin, li jaħarbu mill-gwerer u mill-vjolenza u spiss ma’ wiċċhom isibu biss il-mewt u tant Pilati b’idejhom maħsula.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk f’dawk li jqisu ruħhom mgħallmin ta’ l-ittra imma mhux ta’ l-ispirtu, tal-mewt u mhux tal-ħajja, li flok jgħallmu l-ħniena u l-ħajja, jheddu bil-kastig u l-mewt u jikkundannaw lill-ġust.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-ministri infidili li flok jinżgħu mill-ambizzjonijiet tagħhom ta’ din id-dinja, ineżżgħu saħansitra lill-innoċenti mid-dinjità tagħhom.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-qlub iebsa ta’ dawk li mill-kumdità ta’ darhom jiġġudikaw lill-oħrajn, qlub li lesti biex jikkundannawhom saħansitra għat-tħaġġir, bla qatt jintebħu bid-dnubiet u l-ħtijiet tagħhom stess.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-fundamentalisti u fit-terroriżmu tas-segwaċi ta’ xi reliġjon li jipprofanaw isem Alla u jinqdew bih biex jiġġustifikaw vjolenza bla qies…

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-ħallelin u fil-korrotti li flok iħarsu l-ġid komuni u l-etika, ibigħu ruħhom fis-suq imsejken ta’ l-immoralità…

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna narawk fil-Mediterran tagħna u fil-Baħar Eġew li saru ċimiterju bla qiegħ, xbieha tal-kuxjenza insensibbli u rieqda tagħna.

O Salib ta’ Kristu, xbieha ta’ l-imħabba bla tarf u triq tal-Qawmien, sal-lum għadna nilmħuk fil-persuni twajba u ġusti li jagħmlu l-ġid bla ma jfittxu applawsi jew l-ammirazzjoni ta’ l-oħrajn.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-ministri fidili u umli li jdawlu d-dalma ta’ ħajjitna b’xemgħat li minn jeddhom u b’xejn jikkunsmaw biex idawlu l-ħajja ta’ l-iċken fost iċ-ċkejknin.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fl-uċuħ tas-sorijiet u ta’ l-ikkonsagrati – is-Samaritani t-tajba – li jħallu kollox warajhom biex idewwu, fis-skiet evanġeliku, il-ġrieħi tal-faqar u ta’ l-inġustizzja…

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-persuni sempliċi li jgħixu bil-ferħ il-fidi tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum u fl-osservanza filjali tal-kmandamenti.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fin-niedma li, mill-qiegħ nett tal-miżerja ta’ dnubiethom, jafu jgħajtu: Mulej, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek!

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-beati u l-qaddisin li jafu jgħaddu mil-lejl mudlam tal-fidi bla ma jitilfu l-fiduċja tagħhom fik u bla ma jippretendu li jistgħu jifhmu s-skiet misterjuż tiegħek.

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk fil-familji li jgħixu b’fedeltà u b’ħajja għammiela l-vokazzjoni tagħhom għaż-żwieġ…

O Salib ta’ Kristu, sal-lum għadna nilmħuk f’dawk li huma ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom, li fit-tbatija jissoktaw jagħtu xhieda awtentika ta’ Ġesù u tal-Vanġelu.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply