Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ubaldeska


Fit-28 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Ubaldeska, Verġni li għexet bejn is-snin 1136 sa 1206.

Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia, qrib Pisa l-Italja, fl-1136. Il-ġenituri tagħha kienu bdiewa umli u rawmuha fil-biża’ t’Alla. Kienu jipprattikaw l-virtù tal-ubbidjenza u tas-silenzju u minn età żgħira binthom trawmet f’dan l-ambjent. Kienet tfajla bieżla ħafna u mehdija fit-talb.

Ubaldeska kienet tħobb ħafna l-foqra u kull meta ġiet f’kuntatt magħhom qatt ma kienet tħallihom mingħajr ma tagħmel xi att ta’ karità magħhom. Meta ma kien ikollha xejn xi tatihom, kienet tħallihom bit-tbissima ħelwa tagħha, u b’inkuraġġiment.

Talbet lil Alla jmexxiha u jgħarrafha x’jixtieq minnha. Ta’ erbatax-il sena kellha dehra u anġlu qalilha biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Meta rrispondietu li ma kellhiex mnejn tixtri d-dota l-anġlu weġibha li l-Ispirtu s-Santu jipprovdilha.

Hija daħlet il-kunvent fejn laqgħuha b’ferħ kbir. Il-qdusija tagħha kienet ta’ eżempju għal ħutha s-sorijiet. Kienet tgħix ħajjitha fit-talb, sawm, astinenza u penitenza, dejjem fil-prattika tal-virtujiet tal-ubbidjenza, umiltà u tjubija kbira. Kienet karitattiva ma’ kulħadd u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, anke meta kienet tkun qiegħda ssofri. Dan kien dovut għall-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Ġesù, Marija u l-qaddisin. Kienet tħoss kontinwament il-preżenza ta’ Ġesù maġenbha.

Il-kunvent għadda minn perjodu ta’ faqar kbir, tant li biex tgħix il-kongregazzjoni, flimkien mal-foqra li kien ikollhom taħt is-saqaf tagħhom, kellhom joħorġu jittalbu fil-belt. Santa Ubaldeska kienet waħda mis-sorijiet li għal snin twal kienet toħroġ tittallab biex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-kunvent.

Fil-festa tat-Trinità Qaddisa, it-28 ta’ Mejju 1206, il-qaddisa ħalliet din id-dinja kawża ta’ ferita f’rasha, ikkawżata minn inċident li seħħ xi ftit ġimgħat qabel. Ġimgħa wara li mietet Fra Doctus, id-direttur spiritwali tal-kunvent, kellu rivelazzjoni, ra lill-qaddisa dieħla l-ġenna mdawra mill-kori tal-anġli. Bena monument, fejn tpoġġa l-ġisem tagħha għall-venerazzjoni. Ħafna mirakli ġew attribwiti lilha wara żjara ’l-qabar tagħha.

Il-Granmastru Fra Hugh de Loubenx Verdala ordna li xi relikwi tal-qaddisa jintbagħtu fil-Belt Valletta, Malta. Għalhekk fit-28 ta’ Mejju 1587, tpoġġew fil-kappella prinċipali tal-monasteru. Fl-1636, inbniet knisja ġewwa Malta (Paola) ddedikata lil Santa Ubaldeska.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com