Qed isiru webinars bl-isem “A Safer Church”, bl-għan li jsaħħu l-aqwa prattiċi tal-knisja madwar id-dinja, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Safeguarding.
Wieħed mill-għanijiet huwa propju sabiex tħeġġeġ lill-knisja u entitajiet oħra reliġjużi sabiex jagħtu prijorita` lill-ħarsien tat-tfal u adulti vulnerabli.
Jidher li f’dan iż-żmien diffiċli ta` pandemija, l-abbuż żdied. Hemm żieda fl-abbuż domestiku li jinkludi kemm vjolenza fiżika kif ukoll dik sesswali u psikoloġika. F’sitwazzjonijiet ta’ lockdown, il-vittmi jsibuha diffiċli, biex ma ngħidux impossibli li jfittxu l-għajnuna. L-abbuż online, ukoll qed jiżdied billi jkun hemm jew grooming tal-vittmi jew inkella bi sfruttamment sesswali ta’ minuri.
Minkejja li s-soċjeta` bħalissa qed titqabad kontra l-emerġenza tal-coronavirus, Fr Zollner, jisħaq li safeguarding kontra l-abbuż huwa aspett importantissimu għas-saħħa tas-soċjeta`. Għalkemm huwa bżonjuż li nieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex niġġieldu l-virus, hemm bżonn li s-soċjeta’ tirrealiżża li hemm virus ieħor idur mas-saqajn, dak tal-vjolenza sesswali, vjolenza fiżika u vjolenza psikoloġika kontra dawk l-aktar vulnerabli.
Min hu interessat li jkompli jsegwi l-andament tas-suġġett jista’ jagħmel dan permezz tal-link provdut.