Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna d’Arco

Print Friendly, PDF & Email

Fit-30 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna d’Arco, Verġni li għexet bejn is-snin 1412 sa 1431.

Ġovanna d’Arco, bil-Franċiż, Jeanne d’Arc, twieldet fir-raħal ta’ Domremy, fi Franza minn familja ta’ bdiewa fis-6 ta’ Jannar, 1412.

Kellha 17-il sena, meta waqt li kienet tirgħa n-nagħaġ ta’ missierha, semgħet ilħna misterjużi mis-sema. Kienu l-Arkanġlu San Mikiel, Santa Katerina ta’ Lixandra u Santa Margarita ta’ Antjokja. Qalulha biex issalva lil Franza mill-għedewwa, li dak iż-żmien kienu l-Ingliżi u l-Burgundjani. Kellmet lill-prinċep ereditarju u taha li tmexxi l-armata.

Fl-1429, rebħet lill-Ingliżi f’Orleans, u wara rebħet Patay u Troyes. ll-prinċep aċċetta li jkun inkurunat re ta’ Franza bħala Karlu VII fil-katidral ta’ Reims, b’Ġovanna maġenbu bil-bandiera tar-rebħa f’idejha. Imma meta ħabtet għal Pariġi sfat feruta u f’Mejju, 1430, waqt l-attakk biex teħles il-belt ta’ Compiegne, waqgħet priġuniera tal-Burgundjani, li biegħuha lill-Ingliżi, li għax ma setgħux jikkundannawha għall-mewt talli kienet rebħet il-battalji, ippruvaw li tiġi kkundannata bħala saħħara u eretika.

Fil-21 ta’ Frar, 1431, dehret quddiem tribunal taħt il-presidenza ta’ Pierri Cauchon, isqof ta’ Beauvais, li ried jaqdi lill-Ingliżi biex forsi jilħaq arċisqof ta’ Rouen, flimkien ma’ teologi mill-Università ta’ Pariġi, ilkoll favur l-Ingliżi.

Il-qaddisa dehret għall-aħħar darba quddiem it-tribunal fid-29 ta’ Mejju, meta ġiet ikkundannata b’sentenza inikwa, jiġifieri mill-iktar inġusta, jgħidilna anki l-Martiroloġju Ruman, u l-għada stess ġiet maħruqa ħajja fil-“Vieux Marche” (is-Suq il-Qadim) ta’ Rouen.

Kellha biss 19-il sena. Imma wara li l-każ tagħha reġa’ ġie studjat sewwa u bl-ikbar reqqa b’ordni tal-Papa Kallistu III nnifsu, inqatgħet is-sentenza li ddikjarat li Ġovanna kienet għal kollox innoċenti.

Filfatt kienet mietet martri għal pajjiżha, tlissen l-ismijiet l-iżjed qaddisa ta’ Ġesù u Marija, li dejjem kienu fuq l-istandard tar-rebħiet tagħha.

Mhux biss Napuljun mar jiċċelebra l-jum tat-8 ta’ Mejju, jum ir-rebħa ta’ Orleans fl-1429, bħala jum ta’ festa nazzjonali għal Franza, imma wkoll il-Papa Benedittu XV mar jiddikjaraha qaddisa fis-16 ta’ Mejju, 1920.

Minn dakinhar Jeanne La Pucelle, jew Jeanne D’Arc, imsejħa x-“Xbejba ta’ Orleans”, hija waħda mill-patruni ta’ Franza, fejn il-festa tagħha hi festa nazzjonali.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading