Illum il-Knisja tfakkar lil San Pietru minn Verona


Fir-4 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Pietru minn Verona, Isqof li miet fis-sena 1252.

Pietru twieled f’Verona fi tmiem is-seklu XII. Il-ġenituri tiegħu kienu eretiċi ħorox, mis-setta tal-Manikej.

Ta’ 15-il sena ġie mibgħut fl-Università ta’ Bolonja. Hawnhekk huwa ltaqa’ ma’ San Duminku li kien qed jipprepara għat-Tieni Kapitlu Ġenerali tal-Ordni fl-1221.

Darba minnhom waqt li S. Duminku kien qed jipprietka, Pietru ntlaqat bil-kliem mimli ħeġġa u qdusija tal-qaddis, intefa’ f’riġlejh u talbu jidħol fl-Ordni. Huwa rċieva l-libsa dumnikana minn idejn il-fundatur stess u ħa min għandu ż-żelu u l-kuraġġ qawwi tal-ewwel dixxipli dumnikani.

Meta kien qed jipprepara għas-saċerdozju, kellu jgħaddi minn prova kbira. Wieħed minn sħabu, waqt li bil-lejl kien għaddej minn ħdejn il-kamra ta’ Pietru deherlu li sema’ ilħna ta’ nisa f’kamartu. Pietru ġie mixli u mogħti l-kastig. Huwa aċċetta kollox bl-umiltà u ġie mibgħut f’Ancona biex jagħmel penitenza.

Hu talab ħafna u ħass ħafna l-qawwa tat-talb imma bħala bniedem ħass ukoll l-għajb tal-kastig. Darba minnhom imbikkem talab lil Alla: “Mulej, inti taf li jien innoċenti għal dan kollu; għaliex tippermettilhom jemmnu dan fuqi?” Imbagħad instemgħet vuċi ġejja mill-Kurċifiss, “U jien, Pietru x’għamilt biex għamlu dan kollu fuqi?” Minn dakinhar Pietru reġa’ kiseb il-ferħ u s-serenità ta’ qalbu.

Imma l-verità fl-aħħar rebħet. Pietru reġa’ mar mal-komunità, kompla jistudja u ġie ordnat saċerdot. Hu kien jitlob biex ikollu l-ferħ li jmut mewta ta’ martri.

Fl-1251, irċieva l-inkarigu biex jaħdem kontra l-ereżija fi Cremona, u fl-inħawi tal-viċin. Fl-istess żmien ġie magħżul pirjol tal-kunvent ta’ Como. Fis-6 ta’ April 1252, huwa u sejjer Milan minn Como, l-eretiċi qabduh u tawh il-martirju, għat-tjieba tal-fidi u l-ubbidjenza lejn il-Knisja ta’ Ruma.

Interessanti li qabel miet, Pietru qal il-Kredu b’leħen għoli u bid-demm li ħareġ mill-feriti tiegħu għamel l-istqarrija tal-fidi, “CREDO IN DEUM”. Wieħed mill-qattiela jismu Karinu, milqut bid-dehra tal-qaddis, ftit wara, daħal dumnikan.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com