Qari tal-Quddies tat-Trinita’ Qaddisa (S)


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħadd wara Għid il-Ħamsin
It-Trinità Qaddisa
Solennità

QARI I
Il-Mulej hu Alla li jagħder u jħenn.
Eż 34, 4b-6.8-9

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel.

Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”.

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 52.53.54.55.56

R/. (52b): Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. R/.

Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.

Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek. R/.

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi. R/.

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.

Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.

QARI II
Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla, u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu.
2 Kor 13, 11-13

Għeluq tat-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla ta’ l-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Apok 1, 8

Hallelujah. R/. Hallelujah
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3, 16-18

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu