4. Il-Knisja hija fatt storiku


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali 31/07/1991.

1. Il-Knisja hija fatt storiku, li l-oriġni tagħha huwa dokumentabbli u ddokkumentat, bħal ma sejrin naraw f’ħinu u f’waqtu.

Imma biex nagħtu bidu għal ċiklu ta’ katekeżi teoloġiċi dwar il-Knisja, jeħtieġ li nitilqu mis-sors l-iktar għoli u l-iktar awtentiku tal-verità nisranija, ir-Rivelazzjoni, bħal ma għamel ukoll il-Konċilju Vatikan II. Dan, infatti, fil-Kostituzzjoni Lumen gentium, qies il-Knisja fis-sors etern tagħha, li huwa l-pjan feddej ikkonċeput mill-Missier fi ħdan it-Trinità. Jikteb appuntu l-Konċilju li “l-Missier Etern, bi pjan misterjuż u liberissmu ta’ għerf u ta’ tjubija, ħalaq l-univers, iddeċieda li jgħolli l-bnedmin għas-sehem fil-ħajja divina tiegħu, u għalkemm waqgħu f’Adam ma telaqhomx, imma dejjem silifhom l-għajnuniet biex isalvaw lilhom infushom, fir-rigward ta’ Kristu Redentur” (Lumen gentium,  2).

Fil-pjan etern ta’ Alla il-Knisja tikkostitwixxi, fi Kristu u ma’ Kristu, parti essenzjali tal-ekonomija universali ta’ fidwa li fih tittraduċi ruħha l-imħabba ta’ Alla.

2. F’dak il-pjan etern hemm miġbur id-destin tal-bnedmin, maħluqa xbiha u xebħ ta’ Alla, imsejħin għad-dinjità ta’ wlied Alla, addottati bħala wlied mill-Missier ċelesti f’Ġesù Kristu. Bħal ma naqraw fl-Ittra lill-Efesini, Alla għażilna “waqt li ppredestinana biex inkunu wliedu addottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu, skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu. U dan b’tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu, li tana fl-għażiż Ibnu” (Ef 1, 4-6). U fl-Ittra lir-Rumani: “Sabiex dawk li hu dejjem għaraf ukoll ippredestinahom biex ikunu konformi max-xbiha ta’ Ibnu, għaliex dan huwa l-primoġenitu fost bosta aħwa” (Rm 8, 29).

Biex mela nifhmu sewwa sa mill-bidunett tal-Knisja bħala oġġett tal-fidi tagħna (il-misteru tal-Knisja), hemm bżonn li nerġgħu nintrabtu mal-programm ta’ San Pawl, biex “indawlu għajnejn kulħadd dwar x’inhu twettiq tal-misteru moħbi għal sekli fil-moħħ ta’ Alla . . . sabiex ikun issa mmanifestat fis-sema, permezz tal-Knisja, lill-Prinċipati u lill-Potestajiet il-għerf multiformi ta’ Alla, skont il-pjan etern li (Alla) attwa f’Ġesù Kristu Sidna” (Ef 3, 9-11). Bħal ma jidher minn dan it-test, il-Knisja tagħmel parti mill-pjan Kristoċentriku li huwa fil-pjan ta’ Alla l-Missier sa mill-eternità kollha.

3. L-istess testi pawlini jirrigwardaw id-destin tal-bniedem magħżul u msejjaħ biex ikun iben addottiv ta’ Alla, mhux biss fid-dimensjoni ndividwali, imma wkoll f’dik komunitarja tal-umanità. Alla jaħseb, joħloq u jsejjaħ lejh komunità ta’ persuni. Dan il-pjan ta’ Alla huwa iktar ippjanat b’mod ċar f’pass importanti tal-Ittra lill-Efesin: “Skont kemm fir-rieda tajba tiegħu, kellu fih (Kristu) prideterminat biex iwettqu fil-milja taż-żminijiet: il-pjan jiġifieri biex jirrikapitula fi Kristu l- ħwejjeġ kollha, dawk tas-sema kif ukoll dawk tal-art” (Ef 1, 9-10). Mela fil-pjan etern ta’ Alla l-Knisja bħala unità tal-bnedmin fi Kristu-Kap tiġi mdaħħla fi pjan li jinkludi l-ħolqien kollu, wieħed jistà jgħid fi pjan “kożmiku”, dak li jgħaqqad kollox fi Kristu-Kap. Il-primoġenitu tal-ħolqien kollu jsir il-bidu tar-“rikapitolazzjoni” ta’ dan il-ħolqien,  sabiex Alla jkun jistà jkun “kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28). Kristu huwa mela il-muftieħ tal-qalba tal-univers. Il-Knisja, ġisem ħaj tal-membri tiegħu fit-tweġiba tal-vokazzjoni ta’ wlied Alla, hija assoċjata miegħu, bħala parteċipi u ministra, għaċ-ċentru tal-pjan feddej universali.

4. Il-Konċilju Vatikan II iqiegħed u jispjega il-“misteru tal-Knisja” fuq dan l-isfond tal-konċezzjoni pawlina, li fih jirrifletti u jippreċiża l-viżjoni bibblika tad-dinja. Dan jikteb: “Dawk li jemmnu fi Kristu ried isejħilhom (il-Missier) fil-Knisja Qaddisa, li, diġa kienet imfassla sa mill-bidu tad-dinja, imħejjija b’mod meraviljuż fl-istorja tal-poplu ta’ Iżrael u fil-Patt il-qadim, u stabbilita “fl-aħħar żminijiet”, kienet immanifestata mit-tiswib tal-Ispirtu u jkollha twettiq glorjuż fl-aħħar tas-sekli. Allura, infatti, bħal ma naqraw fis-Santi Padri, il-ġusti kollha, nibdew minn Adam, “mill-ġust Abel sal-aħħar wieħed nagħżul, ikunu miġburin ħdejn il-Missier fil-Knisja universali” (Lumen Gentium, 2). Ma setgħetx tiġi kkonċentrata aħjar fi ftit versi l-istorja kollha tal-fidwa bħal ma narawha tiżvolġi ruħha fil-kotba sagri, waqt li niffissaw is-sinifikat eskatoloġiku diġa mfassal u nterpretat mis-Santi Padri skont l-indikazzjonijiet tal-Appostli u ta’ Ġesù nnifsu.

5. Murija fil-prospettiva tal-pjan etern tal-Missier, il-Knisja tidher sa mill-bidu, fil-ħsieb tal-Appostli u tal-ewwel ġenerazzjonijiet tal-insara, bħala frott tal-imħabba divina li tgħaqqad il-Missier mal-Iben fil-ħdan tat-Trinità: infatti huwa bis-saħħa ta’ din l-imħabba li l-Missier ried jgħaqqad lill-bnedmin f’Ibnu. Il-“mysterium Ecclesiae” jiġi għalhekk mill-“mysterium Trinitatis”. Hemm bżonn propju nistqarru, ukoll hawn, bħal fil-Quddiesa meta jitwettaq it-tiġdid tas-sagrifiċċju ewkaristiku, fejn minn naħa tagħha tinġabar il-Knisja: “mysterium fidei”!

6. F’dak is-sors etern huwa wkoll il-bidu tad-dinamiżmu missjunarju tagħha. Il-missjoni tal-Knisja hija bħal titwil, jew l-espansjoni storika tal-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu Santu, u allura wieħed jistà jgħid sehem vitali, f’forma ta’ assoċjazzjoni ministerjali, fl-azzjoni trinitarja fl-istorja umana.

Fil-Kostituzzjoni Lumen gentium (cf.Lumen gentium, nn. 1-4) il-Konċilju Vatikan II jitkellem fit-tul dwar il-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Fid-digriet  “Ad gentes” jippreċiża l-karattru komunitarju tas-sehem uman fil-ħajja divina, meta jikteb li l-pjan ta’Alla “jirriżulta mis”sors ta’ mħabba”, jiġifieri mill-karità ta’ Alla l-Missier, li billi huwa l-Bidu mingħajr bidu, li minnu huwa ġġenerat l-Iben u l-Ispirtu Santu jipproċedi permezz tal-Iben, minħabba t-tjubija  ħanina immensa tiegħu joħloqna u barra minn dan gratwitament isejħilna biex nieħdu sehem f’ħajtu u fil-glorja tiegħu. Huwa mela minħabba l-ġenerożità pura sawwab u għadu jkpmpli jsawwab it-tjubija divina tiegħu, għalhekk, billi ta’ kulħadd huwa l-ħallieq, jistà jkun ukoll “kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28), waqt li jippromwovi flimkien il-glorja tiegħu u l-kuntentizza tagħna. Barra milli Alla jħobb isejjaħ lill-bnedmin għal dan is-sehem ta’ ħajtu stess mhux biss wieħed wieħed, imma wkoll iħobb jiġborhom f’poplu, li fih l-ulied tiegħu mxerrda jinġabru f’unità organika (cf. Gv 11, 52)” (Ad gentes, 2).

7. Is-sies tal-komunità mixtieqa minn Alla fil-pjan etern tiegħu hija l-opra tar-Redenzjoni, li teħles lill-bnedmin mid-diviżjonijiet u mit-tixrid prodotti mid-dnub. Il-Bibbja ġġegħlna nagħrfu d-dnub bħala sors ta’ ostilità u ta’ vjolenza, kif jidher diġa fil-fratriċidju mwettaq minn Kajjin  (cf. Ġen 4, 8); u wkoll bħala sors ta’ dak it-tifrik tal-popli, li fl-aspetti negattivi jsib l-espressjoni eżemplari tiegħu fil-paġna dwar it-torri ta’ Babel.

Alla ried jeħles lill-umanità minn dan l-istat permezz ta’ Kristu. Din ir-rieda feddejja tiegħu donnha tidwi f’dak id-diskors ta’ Kajfa fis-sinedriju li dwaru l-evanġelista Ġwanni jikteb li “billi kien il-qassis il-kbir ipprofetizza li Ġesù kellu jmut għan-nazzjon u mhux għan-nazzjon biss, imma wkoll biex jgħaqqad flimkien lil ulied Alla li kienu mferrxin” (Ġw 11, 51-52). Kajfa ppronunzja dak il-kliem bl-iskop li jikkonvinċi lis-sinedriju biex jikkundanna għall-mewt lil Kristu, minħabba l-periklu politiku allegat li kien qed joħloq lin-nazzjon quddiem ir-Rumani li kienu jaħkmu l-Palestina. Imma Ġwanni kien jaf sewwa li Ġesù kien ġie fid-dinja biex ineħħi d-dnub tad-dinja u jsalva lill-bnedmin (cf. Ġw 1, 29), għalhekk ma jaħsibhiex darbtejn biex jattribwixxi sinifikat profetiku lil dak il-kliem ta’ Kajfa, bħala rivelazzjoni tal-pjan divin. Infatti kien miktub f’dak il-pjan li Kristu, permezz tas-sagrifiċċju redentur tiegħu, li laħaq il-quċċata tiegħu fil-mewt fuq is-salib, isir is-sors ta’ għaqda ġdida tal-bnedmin, imsejħa fih, Kristu, biex jirkupraw id-dinjità ta’ wlied addottivi ta’ Alla.

F’dak is-sagrifiċċju, fuq dak is-salib, hemm il-ġenesi tal-Knisja bħala komunità ta’ fidwa. 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb