Qari tal-Quddies tal-Ħmistax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

Il-Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Ix-xita ġġiegħel l-art tnibbet.
Is 55, 10-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej:
“Bħalma x-xita u s-silġ jinżlu mis-smewwiet,
u ma jerġgħux lura mnejn ġew bla ma jsaqqu l-art,
imma jġegħluha tnissel u tnibbet,

u tagħti ż-żerriegħa lil min jiżra’ u l-ħobż lil min jiekol,
hekk jiġri minn kelmti:
hija toħroġ minn fommi,
u ma terġax lura vojta,
imma tagħmel dak li jogħġob lili,
u ttemm dak li nkun bgħattha tagħmel”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 64 (65), 10abcd.10e-11.12-13.14

R/. (ara Lq 8, 8): Iż-żerriegħa waqgħet f’art tajba, u għamlet il-frott

Inti żżur l-art u ssaqqiha,
u tagħniha bil-ġid tiegħek.
Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma,
il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom. R/.

Hekk int tħejjiha:
issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,
bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ.
Fawwart is-sena bi tjubitek,
triqatek bil-ġid joqtru. R/.

Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,
u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet.
Il-mergħat jimtlew bl-imrieħel,
il-widien jinksew bil-qamħ;
jgħajtu lkoll u jgħannu bil-ferħ! R/.

QARI II
Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew imxennqa d-dehra ta’ wlied Alla.
Rum 8, 18-23

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina. Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla; għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba dak li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal- ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żerriegħa hi l-Kelma ta’ Alla
u l-bidwi hu Kristu:
kull min isib lilu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.
Mt 13, 1-23

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,
“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset;
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom”.

Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!

Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew il-forma l-qasira

EVANĠELJU
Wieħed bidwi ħareġ jiżra’.
Mt 13, 1-9

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu