Qari tal-Quddies ta’ San Benedittu, Abbati u Patrun tal-Ewropa (F)


Stampa t-test tal-qari …

11 ta’ Lulju
San Benedittu, Abbati, Patrun tal-Ewropa
Festa

QARI I
Pr 2: 1-19

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji

Ibni, jekk tilqa’ kliemi, jekk taħżen għandek il-preċetti tiegħi, biex widnejk jagħtu widen għall-għerf u tiftaħ qalbek għall-għaqal,

iva, jekk issejjaħ lid-dehen u tgħajjat lill-għaqal, jekk tfittxu daqs li kieku fidda u tistħarreġ għalih daqs li kieku teżori, imbagħad tifhem xinhu l-biża’ tal-Mulej u tikseb il-għarfa ta’ Alla. Għax hu l-Mulej li jagħti l-għerf, u l-għarfa u l-għaqal minn fommu joħorġu; hu jerfa’ għajnuna għan-nies sewwa, hu tarka ta’ dawk li jimxu sħaħ, iħares il-mogħdijiet tal-ħaqq u jgħasses tajjeb fuq it-triq ta’ ħbiebu. Imbagħad tifhem xinhu s-sewwa u l-ħaqq u d-dritt u kull triq tajba.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
33

R/. Kull ħin imbierek il-Mulej!

Kull ħin imbierek il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien.
Ħarsu lejh u tiddi bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix. R/.

Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni l-bniedem li jistkenn fih.
Ejjew, uliedi, isimgħuni:
jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. R/.

AKKLAMAZZJONI GĦALL-EVANĠELJU
Mt 5:3

R/. Hallelujah
Henjin il-fqar fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mt 19:27-29

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Pietru qal lil Ġesù: “Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk, issa x’sa nieħdu?”

Ġesù qalilhom: “Tassew, ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq it-tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Israel. U kull min iħalli ’l daru jew ’il ħutu jew ’il missieru jew ’l ommu jew ’l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.