Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tad-XIX-il ġimgħa matul is-Sena.


Stampa t-test tal-qari …

Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Agħmel il-marka taw fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru f’Ġerusalemm.
Eżek 9, 1-7; 10, 18-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

F’dak iż-żmien, il-Mulej għajjat f’widnejja b’leħen qawwi u qal: “Ersqu intom li se tikkastigaw il-belt, kull wieħed minnkom bl-armi qerrieda f’idu”.

U ara, jersqu sitt irġiel min-naħa tal-bieb ta’ fuq, li jħares lejn it-Tramuntana, kull wieħed minnhom bl-armi f’idu biex ifarrak. F’nofshom kien hemm raġel ieħor liebes l-għażel u kellu fuq ġenbu l-meħtieġ għall-kitba. Dawn l-irġiel marru u qagħdu ħdejn l-altar tal-bronż.

Il-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael intrefgħet ’il fuq mill-kerubini, għax kienet fuqhom, u marret fid-daħla tat-tempju. 4Imbagħad il-Mulej sejjaħ lir-raġel liebes l-għażel, li kellu l-meħtieġ għall-kitba fuq ġenbu, u qallu: “Għaddi minn nofs il-belt, minn nofs Ġerusalemm, u agħmel il-marka taw fuq ġbin dawk li ssibhom jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li jsiru fiha”. U lill-oħrajn smajtu jgħidilhom: “Għaddu warajh minn nofs il-belt, u sawtu; tħossu għal ħadd u taħfruha ’l ħadd; xjuħ, żgħażagħ, xebbiet, tfal, nisa, oqtluhom sal-aħħar wieħed; imma tersqu lejn ħadd minn dawk li għandhom il-marka fuq ġbinhom. Ibdew mis-santwarju tiegħi!”. U qalilhom: “Ipprofanaw it-tempju, imlew il-btieħi tiegħi bil-maqtulin. Oħorġu!”. U huma ħarġu u bdew joqtlu fil-belt.

Imbagħad il-glorja tal-Mulej telqet mid-daħla tat-tempju, u qagħdet fuq il-kerubini; u l-kerubini fetħu ġwenħajhom, ħarġu u ntrefgħu mill-art quddiem għajnejja, bir-roti maġenbhom. Imbagħad waqfu ħdejn it-tempju tal-Mulej fid-daħla tal-bieb li jagħti għal-Lvant, bil-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael fuqhom, min-naħa ta’ fuq.

Dawn kienu l-istess ħlejjaq ħajjin li kont rajt taħt Alla ta’ Iżrael ħdejn ix-xmara Kebar; u għaraft li kienu kerubini. Kull waħda mill-ħlejjaq ħajjin kellha erba’ wċuħ u erba’ ġwienaħ, b’sura ta’ id ta’ bniedem taħt ġwenħajhom. U minn suret wiċċhom kienu l-istess uċuħ li kont rajt ħdejn ix-xmara Kebar. Kull waħda minnhom kienet miexja ’l quddiem.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 112 (113), 1-2.3-4.5-6

R/. (4b): Ogħla mis-smewwiet hu sebħ il-Mulej
jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun isem il-Mulej imbierek,
minn issa u għal dejjem! R/.

Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
ikun imfaħħar isem il-Mulej!
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
ogħla mis-smewwiet hu sebħu. R/.

Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fl-għoli?
Hu li jħares ’l isfel,
lejn is-smewwiet u lejn l-art. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara 2 Kor 5, 19

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.
Mt 18, 15-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kulma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan. Tassew ngħidilkom, li kulma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kulma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu