Fi tmiem il-quddiesa fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa li ċċelebra mill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, l-Arċisqof Charles J. Scicluna nieda d-dokument, Knisja waħda u vjaġġ wieħed, li permezz tiegħu l-Knisja f’Malta trid tagħti l-viżjoni tagħha għal-erba’ snin li ġejjin u l-proċess ta’ tiġdid ispirat minnha.
Huwa radd ħajr lil dawk li taw is-sehem tagħhom fit-tnissil ta’ dan id-dokument li kien rivedut matul l-aħħar xhur fid-dawl tal-esperjenza tal-pandemija.
L-Arċisqof qal li d-dokument jagħti viżjoni li għandha rabta mal-viżjoni tal-Papa Franġisku partikolarment kif murija fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium u dwar kif huwa jifhem dan it-tiġdid fil-kuntest ta’ Knisja lokali. Dan id‑dokument jindika wkoll impenji partikulari fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta għall‑erba’ snin li ġejjin.
Monsinjur Charles J. Scicluna għamel sejħa lill-entitajiet kollha tal-Knisja biex jaqraw id-dokument u biex huma wkoll jagħmlu parti minn din il-viżjoni li qed tkun proposta u mhux imposta minn fuq. Hekk, flimkien inkomplu din il-mixja li bdiet bil-miġja fostna tal-Appostlu Missierna San Pawl, li lejh nibqgħu dejjem grati u li lilu nitolbu biex jidħol għalina, għall-Knisja f’Malta u għal pajjiżna.