43. L-Isqfijiet huma Amministraturi tal-Grazzja ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 11/11/1992.

1. Waqt li jitkellem dwar il-funzjoni tal-Isqfijiet, il-Konċilju Vatikan II jattribwixxi lill-Isqof stess titolu sabiħ, meħud mit-talba tal-konsagrazzjoni episkopali fir-rit Biżantin: “L-Isqof, ippremjat bil-milja tas-sagrament tal-Ordni Sagri, huwa «l-ekonomista tal-grazzja tas-saċerdozju suprem»” (LG 26).

Din hija t-tema li se niżvolġu fil-katekeżi tallum. Din hija kollegata ma’ dik tal-katekeżi preċedenti dwar l-“Isqfijiet bħala l-ħabbara tal-fidi. Infatti s-serviżż tat-tħabbir tal-Vanġelu huwa ordnat mas-servizz tal-grazzja tas-sagramenti mqaddsa tal-Knisja. Bħala ministru tal-grazzja, l-Isqof jattwa fis-sagramenti il-“munus sanctificandi” li għalih jimmira l-“munus docendi”, li jiżvolġi f’nofs il-poplu ta’ Alla fdat lilu.

2. Fiċ-ċentru ta’ dan is-servizz sagramentali tal-Isqof, hemm l-Ewkaristija, “li joffri huwa nnifsu jew jagħmel li joffruha” (LG 26). Il-Konċilju jgħallem: “Kull ċelrbrazzjoni leġittima tal-Ewkaristija hija diretta mill-Isqof, lil min huwa kommess l-uffiċċju li jipprovdi u jirregola l-kult tar-reliġjon nisranija għall-Majjestà divina, skont il-preċetti tal-Mulej u l-liġijiet tal-Knisja, b’mod ikbar determinati għad-dijoċesi tal-ħaqq partikolari tiegħu” (LG 26). Hekk l-Isqof jidher għal għajnejn il-poplu tiegħu b’mod speċjali bħala bniedem tal-kult għal Alla ġdid u etern, imwaqqaf minn Ġesù Kristu bis-sagrifiċċju tas-Salib u tal-Aħħar Ċena; bħala is-“Sacerdos et Pontifex”, li minnu tfeġġ il-figura stess ta’ Kristu, l-Aġent Ewlieni tas-sagrifiċċju ewkaristiku, li l-Isqof, u miegħu l-presbiteri, iwettaq “in persona Christi” (cf. S. Tommaso, Summa theologiae, III, q. 78, a. 1; q. 82, a. 1); bħala l-Ġerarka, okkupat fl-operazzjoni tal-misteri sagri tal-artal, li jxandar u jispjega bil-predikazzjoni (cf. Dionigi Pseudo Areopagita, De ecclesiastica hierarchia, P. III, 7; PG 3,513; S. Tommaso, Summa theologiae, II-II, q. 184, a. 5).

3. Fil-funzjoni tiegħu ta’ operatur tal-misterji sagri, l-Isqof huwa l-bennej tal-Knisja bħala komunjoni fi Kristu. Infatti l-Ewkaristija hija l-prinċipju essenzjali tal-ħajja mhux biss tal-fidili sempliċi, imma tal-istess komunità fi Kristu. Il-fidili, miġbura bil-predikazzjoni tal-Vanġelu ta’ Kristu, jiffurmaw xi komunitajiet li fihom hija tassew preżenti l-Knisja ta’ Kristu, għaliex isibu u juru l-unità sħiħa tagħhom fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrifiċċju ewkaristiku. Naqraw fil-Konċilju: “F’kull komunità li tieħu sehem fl-altar, taħt is-sagra presidenza tal-Isqof, jiġi offrut is-simbolu ta’ dik il-karità u “għaqda tal-Ġisem mistiku, li mingħajru ma jistax ikun hemm salvazzjoni” (cf. Summa theologiae, III, q. 73, a. 3). F’dawn il-komunitajiet, għalkemm spiss ċkejkmim u foqra u mferrxin, huwa preżenti Kristu, bis-saħħa ta’ min tinġabar il-Knisja Waħda, Qaddisa, Kattolika u Apostolika. Infatti “is-sehem tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu ma jagħmel xrjn iktar, jekk mhux li jibdilna f’dak li nieħdu” (S. Leone M., Serm. 63,7; PL 54,357C)” (LG 26).

4. Dan jimplika li fost id-dmirijiet fundamentali tal-Isqof hemm dak li jipprovdi għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fid-diversi komunitajiet tad-dijoċesi tiegħu, skont il-possibiltajiet taż-żminijiet u tal-postijiet, waqt li jiftakru fl-istqarrija ta’ Ġesù: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: jekk ma tiklux ġisem Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6, 53). Huma magħrufa d-diffikultajiet li llum jiltaqgħu magħhom f’bosta territorji kemm tal-ġodda, kif ukoll tal-Knejjes insara l-qodma, biex jissodisfaw dan il-bżonn minħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti u għal raġunijiet oħra. Imma dan jirrendi lill-Isqof, li jaf dmiru li jorganizza l-kult tad-dijoċesijiet, b’attenzjoni ferm iktar għall-problema tal-vokazzjonijiet u għat-tqassim iktar għaqli tal-kleru disponibbli. Huwa meħtieġ, infatti, li jara li l-ikbar numru ta’ fidili jkollu aċċess għall-ġisem u d-demm ta’ Kristu fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, kulminanti fit-tqarbin. Responsabiltà tal-Isqof li jieħu ħsieb ukoll tal-morda u tal-handikappati, li jkunu jistgħu jirċievu l-Ewkasristija fid-dar biss jew f’xi post fejn ikunu rikoverati għal raġunijiet ta’ kura. Fost l-esiġenzi kollha tal-ministeru pastorali, l-impenn għaċ-ċelebrazzjoni u għal dak li nistgħu nsejħulu l-apostolat tal-Ewkaristija din hija l-iktar mandatorja u importanti.

5. Dak li għidna fir-rigward tal-Ewkaristija Mqaddsa nistgħu nirrepetuh għat-totalità tas-servizz sagramentali u tal-ħajja sagramentali tad-dijoċesi. Bħal ma naqraw fil-kostituzzjoni Lumen gentium, L-Isqfijiet “jirregolaw l-amministrazzjoni tal-magħmudija, li biha huwa permess li dak li jkun jieħu sehem fis-saċerdozju rjali ta’ Kristu. Huma huma l-ministri naturali tal-Griżma, id-dispensaturi tal-Ordni Sagri u l-moderaturi tad-dixxiplina penitenzjali, u b’urġenza iħeġġu u jgħallmu lill-poplu tagħhom, sabiex fil-liturġija u b’mod speċjali fis-sagrifiċċju mqaddes tal-Quddiesa jwettqu l-parti tagħhom b’fidi u b’devozzjoni” (LG 26).

6. F’dan it-test konċiljari tiġi magħmula distinzjoni bejn il-magħmudija u l-griżma, żewġ sagramenti li d-differenza tagħhom għandha bażi fil-fatt, irrakkuntat mill-Atti tal-Appostli, li skontu t-Tnax, li kien għadhom mlaqqgħa f’Ġerusalem, meta semgħu li “s-Samarija kienet laqgħet il-kelma ta’ Alla”, bagh hemm lil Pietru u lil Ġwanni, li “niżlu hemm u talbu għalihom  sabiex jirċievu l-Ispirtu Santu: infatti kien għadu ma niżel fuq l-ebda wieħed minnhom, imma kien għadhom kemm ġew mgħammda biss f’isem il-Mulej Ġesù. Allura qiegħdu jdejhom fuqhom u dawk irċivew l-Ispirtu Santu” (At 8, 14-17; cf.1, 5; 2, 38). L-impożizzjoni tal-idejn min-naħa taż-żewġ Appostli għad-“don tal-Ispirtu”, li l-Atti jsejħu wkoll “don ta’ Alla” (At 8, 20; cf.2, 38; 10, 45; 11, 17; cf. Lc 11, 9-13), hija fl-oriġni tat-tradizzjoni tal-Knisja oċċidentali li tippreserva u tirriserva għall-Isqof ir-rwol ministerjali tal-griżma. Bħala suċċessur tal-Appostli, l-Isqof huwa l-ministru ordinarju ta’ dan is-sagrament, u huwa wkoll il-ministru oriġinarju, għaliex il-griżma (il-materja), li hija element essenzjali tar-rit sagramentali, tistà tkun ikkonsagrata biss mill-Isqof. Rigward il-magħmudija, li normalment l-Isqof ma jamministahiex personalment, hemm bżonn infakkru li dan is-sagrament jidħol taħt ir-regolazzjoni prattika minnu mogħtija.

7. Dmir ieħor tal-Isqfijiet huwa li jkunu “dispensaturi tal-ordni sagri u moderaturi tad-dixxiplina penitenzjali”, bħal ma jgħid il-Konċilju fil-proposta tal-kwadru tar-responsabiltajiet pastorali tagħhom. Skont dan it-test konċiljari, l-Isqof huwa dispensatur tal-ordni sagri fis-sens li għandu l-poter li “jordna”. Imma billi dan il-poter huwa marbut mal-missjoni pastorali tal-Isqof, jiġri li huwa għandu wkoll ir-responsabiltà, bħal ma għidna, li jiffavorixxi l-iżvilupp tal-vokazzjonijiet saċerdotali u li jipprovdi għad-dixxiplina tajba tal-kandidati għas-saċerdozju. Bħala moderatur tad-dixxiplina penitenzjali, l-Isqof jirregola l-kondizzjonijiet tal-amministrazzjoni tas-sagrament tal-maħfra. B’mod partikolari nfakkru li għandu d-dmir li jipprovdi għall-fidili l-aċċess għal dan is-sagrament bid-disponibiltà tal-konfessuri.

8. Il-Konċilju fl-aħħarnett iqiegħed quddiem l-Isqfijiet il-bżonn li jkunu l-eżempju u l-mudelli tal-ħajja nisranija: huma “għandhom . . . bl-eżempju ta’ ħajjithom jgħunu lil dawk li jippresiedu, billi jippreservaw id-drawwiet protetti tagħhom minn kull ħażen, u sa fejn jistgħu, bl-għajnuna ta’ Alla, billi jibdluhom f’ġid, sabiex ikunu jistgħu, flimkien mal-merħla afdata lilhom, jaslu għall-ħajja eterna” (LG 26). Dan huwa eżempju ta’ ħajja orjentata għal kollox skont il-virtujiet tejologali: fidi, tama u mħabba.  Din hija għal kollox mod ta’ ħajja u aġir ibbażat fuq il-qawwa tal-grazzja divina; mudell li jittieħed, li jiġbed, li jipperswadi, li tassew iwieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-Ewwel Ittra ta’ Pietru: “Irgħu il-merħla ta’ Alla li ġiet afdata lilkom, billi tgħassuha mhux bil-qawwa imma volontarjament, skont Alla; mhux b’interess vili imma b’interess ta’ kuxjenza tajba; mhux tmexxu b’arroganza n-nies li ġew fdati f’idejkom imma billi tagħmlu minnhom mudelli tal-merħla” (1 Pt 5, 2-3).

9. Huwa b’mod partikolari mportanti dan l-aħħar punt, li jirrigwarda d-diżinteress personali, l-urġenza għall-foqra, id-dedikazzjoni totali għall-ġid tal-erwieħ u tal-Knisja. Dan huwa l-eżempju li, skont l-Atti tal-Appostli, kien jagħti Pawlu, li setà jgħid fuqu nnifsu: “Urejtkom li biex taħdmu hekk tridu tgħinu lid-dgħajfa, billi tiftakru l-kliem tal-Mulej Ġesù li qal: Hemm iktar ferħ fli tagħti milli fli tirċievi” (At 20, 35). Fit-Tieni Ittra lit-Tessalonkin huwa minbarra dan iżid jikteb: Ħdimna bit-tbatija u bi sforz lejl u nhar biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Mhux għax ma kellniex dritt, imma biex aħna stess nagħtukom eżempju x’timitaw” (2 Ts 3, 8-9). Huwa setà fl-aħħarnett iħeġġeġ lill-Korintin: “Imitawni, bħal ma jien imitajt lil Kristu” (1 Kor 11, 1).

10. Hija missjoni kbira u diffiċli dik tal-Isqof “ekonomista tal-grazzja”. Ħuwa ma jistax iwettaqha mingħajr it-talb. Nikkonkludu mela billi ngħidu li l-ħajja tal-Isqof hija magħmula bit-talb. Din mhux biss biex tagħti “xhieda tat-talb”, imma għaliex hija ħajja interna animata mill-ispirtu ta’ talb bħala sors tal-ministeru kollu. Ħadd daqs l-Isqof mhu konxju tas-sinifikat tal-kliem ta’ Kristu lill-Appostli, u permezz tagħhom lis-suċċessuri tagħhom: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Gv15, 5).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: