Qari tal-Quddies tal-Qaddisin Innoċenti Martri (F)


Stampa t-test tal-qari …

28 ta’ Diċembru
Il-Qaddisin Innoċenti Martri
Festa

QARI I
1 Ġw 1: 5; 2: 2

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu.

Għeżież: Din hi l-aħbar li smajna mingħand Kristu, u li qegħdin inxandrulkom: li Alla hu dawl u li ma hemm fih ebda dlam. Jekk ngħidu li aħna mseħbin miegħu imma nimxu fid-dlam, inkunu qegħdin nigdbu u ma nagħmlux is-sewwa.

Iżda jekk nimxu fid-dawl, kif inhu fid-dawl hu stess, aħna nissiebħu flimkien u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub. Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inqarrqu bina nfusna u s-sewwa ma jkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen. Jekk ngħidu li ma dnibniex, inkunu qegħdin ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx fina.

Uliedi, dan qiegħed niktibhulkom biex ma tindinbux. Imma jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna difensur quddiem il-Missier, Ġesù Kristu l-ġust. Huwa t-tpattija għad-dnubiet tagħna, u mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 123

R/. Ħajjitna ħelset mix-xbiek!

Li ma kienx il-Mulej magħna,
meta qamu għalina n-nies,
ħajjin kienu jibilgħuna,
meta nxtegħlu bil-għadab.
L-ilma kien jgħarraqna,
il-wied kien jgħaddi minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi
mewġ ta’ ilma qawwi. R/.

Ix-xibka tqattgħet,
u aħna ħrabna.
Il-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej,
li għamel is-sema u l-art. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

R/. Hallelujah.
Lilek, o Alla, infaħħru: lilek bħala Mulej nistqarru.
Lilek ifaħħru, Mulej, il-qtajja’ tal-martri rebbieħa kollha bjuda.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Mt 2: 13-18

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.

Meta telqu l-maġi, deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi sa jfittex lit-tifel biex joqtlu”.

Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu bil-lejl, u warrab lejn l-Eġittu, u baqa’ hemm sal-mewt ta’ Erodi. B’hekk seħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni’. Erodi mbagħad meta ra li l-Maġi kienu għaddewh ta’ tifel, inkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betleħem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subien kollha ta’ minn sentejn ’l isfel, skont iż-żmien li sar jaf minn għand il-Maġi. Imbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal, ‘F’Rama nstema’ leħen, biki u lfiq kbir: Rakel tibki ’l uliedha, u ma tridx min ifarraġha, għax ma għadhomx iżjed’.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.