62. L-Ewkaristija hija fil-qalba tal-Ispiritwalità tas-Saċerdot


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 09/06/1993.

Il-ħarsa ta’ dawk li jemmnu f’dawn il-jiem tintefà lejn Sivilja fejn, bħal ma tafu sewwa, qed jiġi ċċelebrat il-Kungress Ewlaristiku Internazzjonali u fejn jien ferħan li se nmur nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġejjin.

Fil-bidu tal-laqgħa tallum, li fiha se nirriflettu dwar il-valur tal-Ewkaristija fil-ħajja spiritwali tal-Presbiteru, nindirizzalkom stedina paterna biex tingħaqdu spiritwalment ma’ dik iċ-ċelebrazzjoni kbira u importanti, li ssejjaħ lil kulħadd għal tiġdid veru tal-fidi u tad-devozzjoni lejn il-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.

1. Il-katekeżi li qegħdin niżvolġu dwar il-ħajja spiritwali tas-Saċerdot jgħoddu b’mod speċjali għall-Presbiteri, imma huma ndirizzati għall-fidili kollha. Infatti huwa sewwa li lkoll inkunu nafu d-dutrina tal-Knisja dwar is-saċerdozju u dak li hi tixtieq li dawk li, waqt li ġew onorati, ġew magħmula konformi mal-immaġni sublimi ta’ Kristu, Saċerdot etern u Ostja mqaddsa tas-sagrifiċċju feddej. Tali mmaġni tidher fl-Ittra lil-Lhud u f’testi oħra tal-Appostli u tal-Evanġelisti, u ġiet trażmessa fedelment mit-tradizzjoni tal-ħsieb u tal-ħajja tal-Knisja, Illum ukoll huwa meħtieġ li l-kleru jibqà fidil għal dik l-immaġni, li fiha tirrifletti ruħha l-verità ta’ Kristu Saċerdot u Ostja.

2. Ir-riproduzzjoni ta’ tali immaġni fil-Presbiteri tattwa ruħha prinċipalment fis-sehem tagħhom vitali fil-mistero ewkaristiku, li miegħu huwa b’mod essenzjali ordnat u marbut is-saċerdozju nisrani. Il-Konċilju ta’ Trentu enfasizza li r-rabta eżistenti bejn saċerdozju u sagrifiċċju tiddependi mir-rieda ta’ Kristu, li pparteċipa lill-ministri tiegħu “il-poter li jikkonsagraw, li joffru u li jqassmu ġismu u demmu” (cf. Denz., 1764). F’dan hemm misteru ta’ komunjoni ma’ Kristu fl-eżistenza u fl-operazzjoni, li tesiġi li tittraduċi ruħha f’ħajja spiritwali mpenjata ta’ fidi u ta’ mħabba lejn l-Ewkaristija.

Is-Saċerdot jaf sewwa li ma jistax jorbot fuq l-isforzi tiegħu biex jilħaq l-għanijiet tal-ministeru, imma li huwa msejjaħ biex iservi ta’ strument tal-azzjoni rebbieħa ta’ Kristu, li s-saġrificcju tiegħu, jirrendih preżenti fuq l-altar, jikseb għall-umanità l-abbundanza tad-doni divini. Imma hu jaf ukoll li, biex jippronunzja b’mod dehen, fl-isem tal-istess Kristu, il-kliem konsagratorju: “Dan huwa ġismi” – “Dan huwa l-kalċi ta’ demmi”, għandu jgħix b’mod profond magħqud ma’ Kristu, u jfittex li jirriproduċi fih wiċċu. Iktar ma jgħix b’mod qawwi bil-ħajja ta’ Kristu, iktar b’mod awtentiku jkun jistà jiċċelebra l-Ewkaristija.

Il-Konċilju Vatikan II fakkar li “fuq kollox fis-sagrifiċċju tal-Quddiesa il-Presbiteri jaġixxu b’mod speċjali f’isem u fil-persuna ta’ Kristu” (Presbyterorum Ordinis, 13), u li għalhekk mingħajr Saċerdot ma jistax ikun hemm sagrifiċċju ewkaristiku; imma kkonferma wkoll li dawk li jiċċelebraw dan is-sagrifiċċju għandhom jiżvolġu r-rwol tagħhom f’għaqda spiritwali ntima ma’ Kristu, b’umiltà kbira, bħala ministri tiegħu fis-servizz tal-komunità: huma għandhom, “jimitaw dak li jiddiskutu, fis-sens li, waqt li jiċcelebraw il-misteru tal-mewt tal-Mulej, għandhom ifittxu li jimmortifikaw il-membri tagħhom mill-vizzji u mill-konkupixxenza (xewqat ħżiena)” (PO 13). Fl-offerta tas-sagrifiċċju ewkaristiku, il-Presbiteri għandhom joffru lilhom infushom personalment ma’ Kristu, waqt li jaċċettaw iċ-ċaħdiet kollha u s-sagrifiċċji kollha mitluba mill-ħajja saċerdotali. Ukoll u dejjem, ma’ Kristu u bħal Kristu, “Sacerdos et hostia”.

3. Jekk il-Presbiteru “jħoss” din il-verità proposta lilu u lill-fidili kollha bħala leħen tat-Testment il-Ġdid u tat-Tradizzjoni, jifhem ir-rakkomandazzjoni sħuna tal-Konċilju favur “ċelebrazzjoni ta’ kuljum (tal-Ewkaristija), li hija dejjem att ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, ukoll meta mhux possibbli li jassistu hemm il-fidili” (PO 13). Kienet feġġet f’dawk is-snin t-tendenza li jiċċelebraw l-Ewkaristija biss meta hemm il-kongregazzjoni tal-fidili. Skont il-Konċilju, jekk inhu minnu li hemm bżonn li jsir dak kollu possibbli biex jiġu miġbura l-fidili għaċ-ċelebrazzjoni, daqstant ieħor huwa veru li, ukoll meta s-Saċerdot jibqà waħdu, l-offerta ewkaristika minnu mwettqa f’isem Kristu għandha l-effett li jiġi minn Kristu u jikseb dejjem grazzji ġodda għall-Knisja. Nirrakkomanda mela ukoll jien lill-Presbiteri u lill-poplu kollu nisrani, li jitlob lill-Mulej fidi aktar qawwija f’dan il-valur tal-Ewkaristija.

4. Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 reġà qabad id-dutrina konċiljari waqt li ddikjara: “Iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, għalkemm tistà ssir mingħajr is-sehem tal-fidili, tibqà bdanakollu ċ-ċentru tal-ħajja tal-Knisja kollha u l-qalb tal-eżistenza saċerdotali” (cf. Ench. Vat., 4, 1201).

Hemm hi kelma kbira: “ċentru tal-ħajja tal-Knisja kollha”. Hija l-Ewkaristija li tagħmel il-Knisja, bħal ma l-Knisja tagħmel l-Ewkaristija. Il-Presbiteru, inkarigat biex jibni l-Knisja, jagħraf dan id-dmir essenzjalment permezz tal-Ewkaristija. Ukoll meta mhemmx is-sehem tal-fidili huwa jikkopera biex ilaqqà l-bnedmin madwar Kristu fil-Knisja permezz tal-offerta ewkaristika.

Barra minn dan is-Sinodu jitkellem dwr l-Ewkaristija bħala l-“qalb tal-eżistenza saċerdotali”. Dan ifisser li l-Presbiteru, mixtieq li jkun u li jibqà personalment u profondament mqabbad ma’ Kristu, isib l-ewwel nett lilu nnifsu fl-Ewkaristija s-sagrament li jopera din l-għaqda ntima, miftuħa għal tkabbir li jistà jasal sal-livell ta’ identifikazzjoni mistika.

5. F’dan il-livell ukoll, li huwa dak ta’ tant qaddisin Saċerdoti, ir-ruħ saċerdotali ma tingħalaqx fiha nfisha, għaliex propju fl-Ewkaristija tikseb b’mod partikolari l-“karità ta’ Dak li jingħata bħala ikel lill-fidili” (PO 13). Din mela tħoss lilha nfisha mwassla biex tagħti lilha nfisha lill-fidili li lilhom tqassam il-Ġisem ta’ Kristu. U propju fl-ikel ta’ dan il-Ġisem hija tkun imbuttata biex tgħin lill-fidili biex min-naħa tagħhom jinfetħu għal dik l-istess preżenza waqt li jieklu mill-karità nfinita tiegħu, biex jisiltu frott dejjem iktar għani mis-Sagrament.

Għal dan l-iskop il-Presbiteru jistà u għandu joħloq il-klima meħtieġa għal ċelebrazzjoni ewkaristika profitabbli. Din hija l-klima tat-talb. Talb liturġiku li għalih għandu jkun imsejjaħ u edukat il-poplu. Talb ta’ kontemplazzjoni personali. Talb tat-tradizzjonijiet popolari nsara b’saħħithom, li jistà jħejji u jsegwi u b’xi mod ukoll jakkumpanja l-Quddiesa. Talb tal-postijiet sagri, tal-arti sagra, tal-kant sagru, tal-esekuzzjoni mużikali (b’mod speċjali bl-orgni), li jsib ruħu kważi nkarnat fil-formuli u fir-riti, u kollox janima u jsaħħaħ b’mod kontinwu, sabiex ikun jistà jipparteċipa fil-glorifikazzjoni ta’ Alla u fl-elevazzjoni spiritwali tal-poplu nisrani miġbur fl-assemblea ewkaristika.

6. Il-Konċilju jirrakkomanda lis-Saċerdot, barra miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa ta’ kuljum, ukoll il-“kult personali tal-Ewkaristija mqaddsa”, u speċjalment id-“djalogu ta’ kuljum ma’ Kristu, billi jmur jinvistah fit-Tabernaklu” (PO 18). Il-fidi u l-imħabba lejn l-Ewkaristija ma jistgħux jippermettu li l-preżenza ta’ Kristu fit-Tabernaklu tibqà weħedha (cf. CCC 1418). Diġa fit-Testment il-Qadim naqraw li Alla kien jgħix f’”tinda” (jew “tabernaklu”), li kienet tissejjaħ “it-tinda tal-laqgħa” (Es 33, 7). Il-laqgħa kienet mixtieqa minn Alla. Nistgħu ngħidu li wkoll fit-Tabernaklu tal-Ewkaristija Kristu huwa preżenti f’termini ta’ djalogu mal-poplu ġdid tiegħu u mal-fidili b’mod individwali. Il-Presbiteru huwa l-ewwel wieħed imsejjaħ biex jidħol f’din it-tinda tal-laqgħa, biex iżur lil Kristu preżenti fit-Tabernaklu għal “djalogu ta’ kuljum”.

Irrid fl-aħħarnett infakkar li l-Presbiteru huwa msejjaħ iktar minn kull ħaġ’oħra biex jaqsam d-dispożizzjoni fundamentali ta’ Kristu, f’dan is-Sagrament, jiġifieri l-“azzjoni ta’ grazzi” li minnha huwa jieħu l-isem. Waqt li jingħaqad ma’ Kristu Saċerdot u Ostja, il-Presbiteru jaqsam mhux biss l-oblazzjoni tiegħu, imma wkoll is-sentiment tiegħu, id-dispożizzjoni tiegħu ta’ gratitudni lill-Missier għall-benefiċċji offruti lill-umanità, lil kull ruħ, lill-Presbiteru stess, lil dawk kollha li fis-sema u fl-art huma eliġibbli għas-sehem fil-glorja ta’ Alla. Gratias agimus tibi propter magnam gloriam tuam… Hekk, mal-espressjonijiet ta’ akkuża u ta’ protesta kontra Alla – li spiss jinstemgħu fid-dinja – il-Presbiteru jopponi l-kor ta’ tifħir u ta’ barka.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb