61. Is-Saċerdoti għandhom ikunu devoti tat-Talb


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 02/06/1993.

1. Illum nerġgħu lura dwar xi kunċetti li diġa semmejna fil-katekeżi preċedenti, biex nenfasizzaw ferm iktar l-esiġenzi u r-riflessjonijiet tar-realtà tal-bniedem ikkonsagrat lil Alla, li diġa spjegajna.

F’kelma waħda nistgħu ngħidu li, ikkonsagrat bħala xbiha ta’ Kristu, il-Presbiteru għandu bħal Kristu nnifsu, jkun bniedem tat-talb. F’din id-definizzjoni sintetika hemm miġbura l-ħajja kollha spiritwali, li tagħti lill-Presbiteru identità tassew nisranija, tikkwalifikah bħala saċerdot u hija l-prinċipju animatur tal-apostolat.

Il-Vanġelu jippreżentalna lil Ġesù fit-talb f’kull waqt importanti tal-missjoni tiegħu. Il-ħajja pubblika tiegħu, li tinawgura ruħha bil-Magħmudija, tibda bit-talb (cf. Lq 3, 21). Ukoll fil-perijodi ta’ predikazzjoni lill-folol l-iktar intensa, huwa jirriserva waqfiet twal ta’ talb (Mk 1, 35; Lq 5, 16). Qabel ma għażel lit-Tnax, jgħaddi l-lejl fit-talb (Lq 6, 12). Huwa jitlob qabel ma jitlob lill-appostli tiegħu stqarrija ta’ fidi (Lq 9, 18); jitlob wara l-miraklu tal-ħobż, waħdu fuq il-muntanja (Mt 14, 23; Mk 6, 46); jitlob qabel ma jgħallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu (Lq 11, 1); jitlob qabel r-rivelazzjoni eċċezzjonali tat-Trasfigurazzjoni, billi kien telà fuq il-muntanja apposta biex jitlob (Lq 9, 28); jitlob qabel ma jwettaq xi mirakli (Ġw 11, 41-42); jitlob fl-Aħħar Ċena biex jafda lill-Missier il-futur tiegħu u tal-Knisja tiegħu (Ġw 17). Fil-Ġetsemani jgħolli lill-Missier it-talba ta’ wġigħ ta’ ruħu mnikkta u kważi mbeżżgħa (Mk 14, 35-39 e par.), u fuq is-Salib jindirizzalu l-aħħar invokazzjonijiet, mimlijin dwejjaq (Mt27, 46), imma wkoll ta’ abbandun mimli fiduċja (Lq 23, 46). Nistgħu ngħidu li l-missjoni ta’ Kristu hija animata bit-talb, tibda mill-esordju tal-ministeru messjaniku tiegħu sat-att saċerdotali suprem: is-sagrifiċċju tas-Salib, li twettaq fit-talb.

2. L-imsejħin għas-sehem fil-missjoni u għas-sagrifiċċju ta’ Kristu jsibu fil-konfront mal-eżempju tiegħu l-imbuttatura biex jagħtu lit-talb il-post li jixraqlu f’ħajjithom, bħala sies, għerq, garanzija ta’ qdusija fl-azzjoni. Anzi aħna nisimgħu mingħand Ġesù li eżerċizzju fruttuż tas-saċerdozju mingħajr it-talb mhuwiex possibbli, li jipproteġi lill-Presbiteru mill-periklu li jittraskura l-ħajja interna waqt li jipprivileġġja l-azzjoni, u mit-tentazzjoni li jintefà fl-attivitajiet sa ma jintilef.

Ukoll is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971, wara li ddikjara li r-“regola tal-ħajja saċerdotali” tinsab fil-konsagrazzjoni lil Kristu, sors tal-konsagrazzjoni tal-Appostli tiegħu, applika r-regola għat-talb b’dan il-kliem: “Fiq l-eżempju ta’ Kristu. Li kien kontinwament fit-talb, u għall-impetu tal-Ispirtu Santu, fl-għajta tiegħu “Abba, Missier”, il-Presbiteri għandhom jagħtu lilhom infushom għall-kontemplazzjoni tal-Kelma ta’ Alla u kuljum jieħdu l-okkażjoni biex jiġġudikaw il-ġrajjiet tal-ħajja fid-dawl tal-Vanġelu,  sabiex, waqt li jirrendu ruħhom semmiegħa fidili u attenti tal-Verb, isiru ministri kredibbli tal-kelma; ikunu regolari fit-talb personali, u fil-liturġija tas-Sigħat, fl-użu frekwenti biżżejjed tas-sagrament tal-Penitenza, u b’mod speċjali fid-devozzjoni lejn il-misteru tal-Ewkaristija” (cf. Ench. Vat., 4, 1201).

3. Il-Konċilju Vatikan II, min-naħa tiegħu, ma naqasx li jfakkar lill-Presbiteru l-bżonn li jkun abitwalment magħqud ma’ Kristu, u kien irrakkomanda għal dan il-għan ir-regolarità tat-talb: “B’modi differenti sewwa – b’mod speċjali bit-talb mentali, hekk b’effettività ppruvata, u bil forom differenti ta’ talb li kull wieħed jippreferi – jistgħu il-Presbiteri jfittxu u jitolbu lil Alla dak l-ispirtu awtentiku ta’ adorazzjoni li jgħaqqad ma’ Kristu, Medjatur tal-Patt il-Ġdid” (Presbyterorum Ordinis, 18). Bħal ma wieħed jistà jara, fost il-forom possibbli ta’ talb il-Konċilju jiġbed l-attenzjoni fuq it-talb mentali, li huwa mod ta’ talb liberu mill-forom riġidi, ma jitlobx it-tlissin ta’ kliem u jwieġeb għall-gwida tal-Ispirtu Santu fil-kontemplazzjoni tal-misteru divin.

4. Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 jinsisti b’mod partikolari dwar il-“kontemplazzjoni tal-Kelma ta’ Alla” (cf. Ench. Vat. 4, 1201). M’għandhiex timpressjona l-kelma “kontemplazzjoni” bl-inkarigu tal-impenn spiritwali li ġġorr magħha. Wieħed jistà jgħid li, indipendentement mill-forom u mill-istili ta’ ħajja, fosthom il-“ħajja kontemplattiva”, tibqà dejjem l-iktar ġojjell splendidu tal-Għarusa ta’ Kristu, il-Knisja, tgħodd għal kulħadd is-sejħa biex nisimgħu u nimmeditaw il-Kelma ta’ Alla bi spirtu kontemplattiv, b’mod li biha nsostnu kemm l-intelliġenza, kif ukoll il-qalb. Dan jiffavorixxi fis-saċerdot l-formazzjoni ta’ mentalità, ta’ mod kif iħares lejn id-dinja b’għerf, fil-prospettiva tal-finalità suprema tagħha: Alla u l-pjan tiegħu ta’ fidwa. Is-Sinodu jgħid: “Jiġġudikaw il-ġrajjiet fid-dawl tal-Vanġelu” (cf. Ench. Vat., 4, 1201). F’dan jinsab l-għerf soprannaturali, speċjalment bħala don tal-Ispirtu Santu, li jagħti lil dak li jkun li jiġgudika sewwa fid-dawl tar-“raġunijiet aħħarin”, tal-“ħwejjeġ eterni”. L-għerf hekk isir il-bżonn meħtieġ ta’ projezzjoni lejn Kristu fil-ħsieb, fil-ħaqq, fil-valutazzjoni ta’ kull ħaġa kbira jew zgħira li tkun, sabiex is-saċerdot – bħal u iktar minn kull nisrani – jirrifletti fih innifsu d-dawl, l-qbil mal-Missier, il-qabża operattiva, ir-ritmu tat-talb u tal-azzjoni u kważi, ikollna ngħidu, in-nifs spiritwali ta’ Kristu. Għal tali mira wieħed jistà jasal billi jħalli lilu nnifsu jiġi ggwidat mill-Ispirtu Santu fil-meditazzjoni tal-Vanġelu, li tiffavorixxi l-approfondiment tal-unjoni ma’ Kristu, tgħin biex nidħlu dejjem iktar fil-ħsieb tal-Imgħallem u tqawwi l-attakkament minn persuna għal persuna miegħu. Jekk is-saċerdot hawn ikun regolari, jibqà b’mod iktar faċli fi stat ta’ ferħ konxju, li jitwieled mill-perċezzjoni tar-realizzazzjoni personali ntima tal-Kelma ta’ Alla, li hu għandu jgħallem lill-oħrajn. Infatti, bħal ma jgħid il-Konċilju. Il-Presbiteri, «waqt li jaħsbu kif jistgħu jittrażmettu aħjar lill-oħrajn dak li kkontemplaw, iduqu b’mod iktar intimu “l-għana kollu li ma jitkejjilx ta’ Kristu” (Ef 3, 8)e “l-għerf multiformi ta’ Alla” (Ef 3, 10» (PO 13). Nitolbu lill-Mulej li jagħtina numru kbir ta’ saċerdoti li fil-ħajja tat-talb jiskopru, jassimilaw, iduqu l-għerf ta’ Alla, u, bħall-Appostlu Pawlu, iħossu inklinazzjoni soprannaturali biex ixandruh u jferrxuh bħala raġuni vera tal-apostolat tagħhom (cf. Pastores dabo vobis, 47).

5. Waqt li jitkellem dwar it-talb tal-Presbiteri, il-Konċilju jfakkar u jirrakkomanda wkoll il-“Liturġija tas-Sigħat”, li tgħaqqad it-talb personali tas-saċerdot ma dak tal-Knisja. “Fir-reċitazzjoni tal-Uffiċċju divin – dan jgħid – il-Presbiteri jagħtu leħen lill-Knisja, li tippersevera fit-talb f’isem il-ġeneru uman kollu, flimkien ma’ Kristu, li huwa “dejjem lest biex jinterċedi favur tagħna” (Lh 7, 25)” (PO 13).

Bis-saħħa tal-missjoni ta’ rappreżentanza u ta’ interċessjoni li hija afdata lilu, il-Presbiteru għal din il-forma ta’ talb “uffiċjali”, magħmula bi prokura tal-Knisja f’isem mhux biss ta’ dawk li jemmnu, imma tal-bnedmin kollha u nistgħu ngħidu tar-realtajiet kollha tal-univers, huwa formalment obbligat (cf. CIC, can. 1174 § 1). Parteċipi tas-saċerdozju ta’ Kristu, huwa jinterċedi għall-bżonnijiet tal-Knisja, tad-dinja, ta’ kull esseri uman, waqt li jaf li huwa interpretu u mezz tal-leħen universali li jkanta glorja lil Alla u jitlob is-salvazzjoni tal-bniedem.

6. Tajjeb li jiftakru li, biex jassikuraw aħjar il-ħajja tat-talb u jittemprawha u jġedduha billi jiksbu nformazzjoni mis-sorsi tagħha, is-saċerdoti huma mistiedna mill-istess Konċilju biex jikkonsagraw – barra mill-ħin għall-prattika ta’ kuljum tat-talb – perijodi iktar twal għall-intimità ma’ Kristu: “Ikunu disposti jiddedikaw voluntarjament xi ħin għall-irtir spiritwali” (PO 18). Barra minn dan jirrakkomandalhom: “Għandna stima bil-kbir għad-direzzjoni spiritwali” (PO 18). Din tkun għalihom bħal id ta’ ħabib u ta’ missier li tgħinhom fil-mixja. U waqt li jagħmlu esperjenza tal-benefiċċji ta’ din il-gwida, huma jkunu ferm iktar disposti biex joffru, min-naħa tagħhom, din l-għajnuna lil dawk li huma afdati għall-ministeru pastorali tagħhom. Din tkun riżorsa kbira għal bosta bnedmin tallum, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ, u tikkostitwixxi fattur determinanti fis-soluzzjoni tal-problema tal-vokazzjonijiet, kif tgħid l-esperjenza ta’ tant ġenerazzjonijiet ta’ saċerdoti u reliġjużi.

Diġa aċċennajna fil-katekeżi preċedenti għall-importanza tas-sagrament tal-Penitenza. Il-Konċilju jirrakkomanda lill-Presbiteru “l-użu spiss biżżejjed”. Huwa ovvju li min jeżerċita il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni tal-insara mal-Mulej permezz tas-sagrament tal-maħfra, għandu huwa stess jirrikorri għal dan is-sagrament. Huwa għandu jkun l-ewwel li jagħraf lilu nnifsu midneb u li jemmen fil-maħfra divina li tesprimi ruħha bl-assoluzzjoni sagramentali. Fl-amministrazzjoni tas-sagrament tal-maħfra, dan l-għarfien li huwa midneb jgħinu jifhem aħjar lill-midimbin. Ma tgħidx jewwilla l-Ittra lil-Lhud dwar is-Saċerdot, meħud fost il-bnedmin: “huwa kapaċi jħoss ħniena ġusta għal dawk li jinsabu fl-injoranza tal-iżball, billi hu wkoll imlibbes bid-dgħufija” (Lh 5, 2)? Barra minn dan, ir-rikorrenza personali għas-sagrament tal-Penitenza timbotta lill-Presbiteru għal disponibiltà ikbar fl-amministrazzjoni ta’ dan is-sagrament lill-fidili li jitolbuh.

Din hija wkoll urġenza kbira fil-pastorali ta’ żmienna.

7. Imma t-talb tal-Presbiteri jilħaq il-quċċata tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, “il-funzjoni ewlenija tagħhom” (PO 13). Dan huwa punt talment importanti għall-ħajja tat-talb tas-Saċerdot, li għalih irrid niddedika l-katekeżi li jmiss.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb