66. Kristu huwa l-mudell tal-faqar saċerdotali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 21/07/1993.

1. Fost it-talbiet ta’ ċaħda, magħmula minn Ġesù lid-dixxipli tiegħu, hemm dik li tirrigwarda l-ġid terren, u b’mod partikolari l-għana (cf. Mt 19, 21; Mk 10, 21; Lq 12, 33; 18, 22).

Din hija talba ndirizzata lill-insara kollha għal dak li jirrigwarda l-ispirtu ta’ faqar, jiġifieri d-distakk intern mill-ġid terren, distakk li jirrendi ġenerużi fil-qsim mal-oħrajn. Il-faqar huwa mpenn ta’ ħajja ispirat mill-fidi fi Kristu u mill-imħabba lejh. Dan huwa spirtu li jesiġi ukoll prattika, sa ċertu qies ta’ ċaħda għall-ġid korrispondenti għall-kondizzjoni ta’ kull wieħed kemm fil-ħajja ċivili, kif ukoll fl-istat li fih jinzerta jsib ruħu fil-Knisja bis-saħħa tal-vokazzjoni nisranija, kif ukoll bħala ndividwu bħala membru ta’ klassi determinata ta’ persuni. Għal kulħadd jgħodd l-ispirtu ta’ faqar; għal kull wieħed ċerta prattika konformi mal-Vanġelu.

2. Il-faqar mitlub minn Ġesù lill-Appostli huwa tradizzjoni ta’ spiritwalità li ma setgħetx tintemm magħhom, linqas ma tirriduċi ruħha għal gruppi partikolari: l-ispirtu ta’ faqar huwa meħtieġ għal kulħadd, f’kull post u f’kull żmien; jekk jonqos ifisser tradiment tal-Vanġelu. Il-fedeltà għall-ispirtu iżda ma tinvolvix, la għall-insara in ġenerali linqas għas-saċerdoti, il-prattika ta’ faqar radikali biċ-ċaħda ta’ kull propjetà, jew saħansitra bl-abolizzjoni ta’ dan id-dritt tal-bniedem. Il-maġisteru tal-Knisja bosta drabi kkundanna lil dawk li kienu jsostnu dan il-bżonn   (cf. Denz. 760; 930-931; 1097), waqt li jfittex li jmexxi fuq triq ta’ moderazzjoni l-ħsieb u l-proċeduri normali. Huwa iżda konfortanti li tosserva li, fl-evoluzzjoni taż-żminijiet u taħt l-influss ta’ tant qaddisin antiki u moderni, immatura dejjem iktar fil-kleru l-għarfien ta’ sejħa għall-faqar evanġeliku, sew bħala spirtu sew bħala prattika, f’konnessjoni mal-esiġenzi tal-konsagrazzjoni saċerdotali. Is-sitwazzjonijiet soċjali u ekonomiċi li fihom sab ruħu l-kleru fi kważi l-Pajjiżi kollha tad-dinja ikkontribwew biex jirrendu effettiva l-kondizjoni ta’ faqar reali tal-persuni u tal-istituzzjonijiet, ukoll meta dawn minħabba n-natura nfisha tagħhom ikollhom bżonn ta’ bosta mezzi biex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom. F’bosta każi din hija kondizzjoni diffiċli u inkwetanti, li l-Knisja tfittex li tissupera b’modi differenti, u prinċipalment billi tappella għall-karità tal-fidili biex tikseb mingħandhom il-kontribut meħtieġ biex tipprovdi għall-kult, għall-opri ta’ karità, għall-manteniment tar-rgħajja tal-erwieħ, għall-inizjattivi missjunarji. Imma l-akkwist ta’ sens ġdid tal-faqar huwa barka għall-ħajja saċerdotali, bħal għal dak tal-insara kollha, għaliex jippermetti li dak li jkun jadatta ruħu aħjar għall-pariri u għall-proposti ta’ Ġesù.

3. Il-faqar evanġeliku – huwa opportun li niċċarawh – ma jinvolvix disprezz għall-ġid terren, mqiegħed minn Alla għad-dispożizzjoni tal-bniedem għal ħajtu u għall-kollaborazzjoni tiegħu fil-pjan tal-ħolqien. Skont il-Konċilju Vatikan II, il-Presbiteru – bħal kull nosrani ieħor -, waqt li għandu missjoni ta’ tifħir u ta’ azzjoni ta’ grazzja, għandu jagħraf u jfaħħar il-ġenerożità tal-Missier ċelesti li jirrivela ruħu fil-ġid maħluq (Presbyterorum Ordinis, 17).

Bdanakollu, iżid il-Konċilju, il-Presbiteri, minkejja li jgħixu f’nofs id-dinja għandu jkollhom dejjem preżenti li, bħal ma qal il-Mulej, ma jappartinux lid-dinja (cf. Ġw 17,14-16), u għalhekk għandhom jeħilsu lilhom infushom minn kull attakkament diżordinat biex jakkwistaw “id-direzzjoni spiritwali li tippermettilhom li jqegħdu lilhom infushom fir-rapport ġust mad-dinja u mar-realtajiet tagħha” (Ivi; cf. Pastores dabo vobis, 30). Hemm bżonn jagħrfu li din hija problema delikata. Minn banda, “il-missjoni tal-Knisja tiżvolġi ruħha f’nofs id-dinja, u l-ġid maħluq huwa għal kollox meħtieġ għall-iżvilupp personali tal-bniedem”. Ġesù ma pprojbiex lill-Appostli tiegħu milli jasċċettaw il-ġid meħtieġ għall-eżistenza tagħhom terrena. Anzi huwa enfasizza d-dritt rispettiv tagħhom meta qal f’diskors ta’ missjoni: “Kulu u ixorbu minn dak li għandhom, għaliex il-ħaddiem ħaqqu ħlasu” (Lq 10, 7; cf. Mt 10, 10). San Pawl ifakkar lill-Korintin li “il-Mulej iddispona li dawk li jħabbru l-Vanġelu jgħixu mull-Vanġelu” (1 Kor 9, 14). Huwa stess ordna b’insistenza li “dak li jitgħallem id-duttrina għandu jaqsam ġidu ma’ min jgħallmu” (Gal 6, 6). Hija ħaġa ġusta mela li l-Presbiteri jkollhom ġid terren u li jużawh “għal dawk l-għanijiet li għalihom ikunu ddestinati, bi qbil mad-dutrina ta’ Kristu l-Mulej u l-orjentamenti tal-Knisja” (PO 17). Il-Konċilju ma naqasx li jipproponi, f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet konkreti.

Qabel kollox, l-amministrazzjoni tal-ġid ekkleżjastiku magħruf b’mod speċifiku għandu jkun assikurat “skont il-liġijiet ekkleżjastiċi, u possibilment bl-għajnuna ta’ esperti lajċi”. Tali ġid għandu jkun dejjem użat għall-ordni tal-kult divin, il-manteniment dinjituż tal-kleru, is-sosteniment tal-opri ta’ apostolat u ta’ karità, b’mod speċjali għall-foqra” (Ivi).

Il-ġid akkwistat mill-eżerċizzju ta’ xi uffiċċju ekkleżjastiku għandu jkun użat qabel kollox “għall-manteniment onest propju u għat-twettiq tad-dmirijiet tal-istat propju: li jibqà ikun sewwa li jiġi ddestinat għall-ġid tal-Knisja u għall-opri ta’ Karità”. Dan għandu jkun enfasizzat b’mod partikolari: L-uffiċċju ekkleżjastiku ma jistax ikun għall-Presbiteri – u linqas għall-Isqfijiet – okażżjoni ta’ rikkezza personali linqas ta’ profitti għall-familja propja. “Is-Saċerdoti, mela, mingħajr ma jintrabtu b’xi mod mar-rikkezzi, għandhom jevitaw kull regħba u jastjenu minn kwalunkwè tip ta’ kummerċ”” (Ivi). Hu x’inhu għandu jżomm preżenti li kollox, fl-użu tal-ġid, għandu jsir fid-dawl tal-Vanġelu.

4. L-istess għandu jingħad dwar l-impenn tal-Presbiteru fl-attivitajiet profani, jew aħjar relatati mat-trattament ta’ affari terreni barra mill-ambitu reliġjuż u sagru. Is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971 iddikkjara li, bħala norma ordinarja, wieħed għandu jattribwixxi l-ħin kollu għall-ministeru saċerdotali… Infatti, qatt m’għandu jitqies bħala skop ewlieni s-sehem fl-attivitajiet sekolari tal-bnedmin, linqas dan m’għandu jkun biżżejjed biex jesprimi r-responsabiltà speċifika tal-Presbiteri”  (Ench. Vat., IV, 1191). Din kienet pożizzjoni meħudha quddiem it-tendenza, li dehret ‘l hawn u ‘l hinn, għas-sekularizzazzjoni tal-attività tas-saċerdot, fis-sens li huwa jistà jimpenja ruħu, bħal-lajċi, fl-eżerċizzju ta’ sengħa jew ta’ professjoni sekolari.

Huwa minnu li hemm ċirkustanzi li fihom l-uniku mod effikaċi li terġà tgħaqqad mal-Knisja ambjent tax-xogħol li jinjora lil Kristu jistà jkun il-preżrnza ta’ Saċerdoti li jeżerċitaw xogħol f’tali ambjent, billi jagħmlu parti, per eżempju ta’ ħaddiema mal-ħaddiema. Il-ġenerożità ta’ dawn is-Saċerdoti jixirqilha tifħir. Jinħtieġ madankollu li nosservaw li, waqt li jassumi dmirijiet u postijiet profani u lajkali, is-Saċerdot jissogra li jbaxxi għal rwol sekondarju jew saħansitra li jinnewtralizza il-ministeru sagru tiegħu. Minħabba dan is-sogru, li diġa kellna esperjenza tiegħu, diġa l-Konċilju kien enfasizza l-bżonn tal-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti biex dak li jkun jeżerċita xogħol manwali, billi jaqsam l-kondizzjonijiet ta’ ħajja tal-ħaddiema (cf. PO 8). Is-Sinodu tal-1971 ta, bħala regola li għandha tiġi segwita, li l-vantaġġi ta’ ċertu mpenn ta’ xogħol profan mal-iskopijiet tas-saċerdozju jkunu “għall-ġudizzju tal-Isqof lokali mal-presbiteru tiegħu, u wara li jkun ikkonsulta – jekk ikun hemm bżonn – lill-Konferenza episkopali” (Ench. Vat., IV, 1192).

Mill-bqija huwa ċar li llum jistgħu jingħataw, bħal fl-imgħoddi, każijiet speċjali li fihom xi Presbiteru, iddotat u mħejji b’mod partikolari, jistà jiżvolġi attività fl-oqsma tax-xogħol jew tal-kultura mhux direttament ekkleżjali. Wieħed madankollu għandu jagħmel dak li hu possibbli sabiex dawn jibqgħu każijiet eċċezzjonali. U allura wkoll il-kriterju ffissat mis-Sinodu għandu jiġi dejjem applikat jekk tassew irridu li nkunu fidili għall-Vanġelu u għall-Knisja.

5. Se nikkonkludu din il-katekeżi billi għal darb’oħra nerġgħu nduru lejn il-figura ta’ Ġesù Kristu, Sommu Saċerdot, Ragħaj it-Tajjeb u eżempju suprem tas-Saċerdoti. Huwa hu l-mudell tat-tneżżih mill-ġid terren għall-presbiteru li jrid jikkonferma ruħu mal-esiġenza tal-faqar evanġeliku. Ġesù infatti twieled u għex fil-faqar. Kien iwissi San Pawl: “Minn għani li kien, sar fqir għalikom” (2 Kor 8, 9). Ġesù stess, lil wieħed li ried isegwih, qallu dwaru: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru għandhom il-bejtiet tagħhom, imma Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu” (Lq 9, 57). Dan il-kliem juri distakk sħiħ mill-kumditajiet terreni kollha. Wieħed, madankollu, m’għandux jikkonkludi li Ġesù kien jgħix fil-miżerja. Passi oħrajn tal-Vanġelu jirreferu li huwa kien jilqà u kien jaċċetta stediniet fi djar is-sinjuri (cf. Mt 9, 10-11; Mk 2, 15-16; Lq 5, 29; 7, 36; 19, 5-6), kellu kollaboratriċi li kienu jsostnuh fil-bżonnijiet ekonomiċi (Lq 8, 2-3; cf. Mt 27, 55; Mk 15, 40; Lq 23, 55-56) u kien fi stat li jagħmel il-karità mal-foqra (cf. Ġw 13,29). Mhemm bdanakollu ebda dubju dwar il-ħajja u dwar l-ispirtu ta’ faqar li kienu jiddistingwuh.

L-istess spirtu ta’ faqar għandu janima l-imġieba tas-Saċerdot, waqt li jkun konxju tal-imġieba, il-ħajja u l-istess figura ta’ ragħaj u bniedem ta’ Alla. Huwa għandu jirrendi lilu nnifsu f’diżinteress u distakk fir-rigward tal-flus, fiċ-ċaħda għal kull xenqa ta’ avidità ta’ pussess tal-ġid terren, fi stil ta’ ħajja sempliċi, fl-għażla ta’ abitazzjoni modesta u aċċessibbli għal kulħadd, fir-rifjut ta’ dak kollu li hu jew li jidher biss bħala lissuż, f’tendenza krexxenti għall-gratwità tad-dedikazzjoni għas-servizz ta’ Alla u tal-fidili.

6. Inżidu fl-aħħarnett li, billi kienu msejħa minn Ġesù u skont l-eżempju tiegħu, biex “jevanġelizzaw lill-foqra”, “il-Presbiteri – kif ukoll l-Isqfijiet – għandhom ifittxu li jevitaw dak kollu li jistà b’xi mod jinkuraġġixxi lill-foqra biex jitbiegħdu” (PO 17). Iżda waqt li jrejqu fihom infushom l-ispirtu evanġeliku tal-faqar, huma jsibu ruħhom f’kondizzjoni li juru l-għażla preferenzjali propja għall-foqra, waqt li jittraduċuha f’kondiviżjoni, f’opri personali u komunitarji ta’ għajnuna wkoll materjali għal dawk fil-bżonn. Din hija xhieda għal Kristu Fqir li illum jiġi għand tant saċerdoti, foqra u ħbieb tal-foqra. Din hija fjamma kbira ta’ mħabba mixgħula fil-ħajja tal-kleru u tal-Knisja. Jekk qatt il-kleru jistà jidher kultant f’xi postijiet fost il-kategoriji tal-għonja, illum dan iħoss ruħu onorat, flimkien mal-Knisja kollha, li jsib ruħu fil-filliera ta’ quddiem fost il-“foqra l-ġodda”. Dan huwa progress kbir fis-suċċessjoni ta’ Kristu fit-triq tal-Vanġelu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb