68. L-Isqfijiet u s-Saċerdoti għandhom ikunu Magħqudin


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 04/08/1993.

1. Fil-katekeżi preċedenti rriflettejna dwar l-importanza li l-proposti, jew il-pariri evanġeliċi, tal-verġinità u tal-faqar għandhom fil-ħajja saċerdotali, u dwar il-qies u l-modi li dak li jkun jipprattikahom skont it-tradizzjoni spiritwali u axxetika nisranija u skont il-liġi tal-Knisja.

Illum ikun aħjar li niftakru li, għal dawk li riedu jsegwuh waqt li kien jiżvolġi il-ministeru messjaniku tiegħu, Ġesù xejn ma laqlaq biex jgħid li, biex tassew inkunu dixxipli tiegħu, hemm bżonn li “niċħdu lilna nfusna u nerfgħu salibna” (Mt 16, 24; Lc 9, 23). Din hija regola kbira ta’ perfezzjoni, valida b’mod universali għall-ħajja nisranija bħala kriterju definittiv dwar l-eroiżmu li jikkaraterizza l-virtujiet tal-qaddisin. Din tgħodd b’mod speċjali għall-ħajja saċerdotali, li fiha jiffurmaw ruħhom forom l-iktar severi, ġustifikati tal-vokazzjoni partikolari u tal-kariżma speċjali tal-ministri ta’ Kristu.

Aspett ewlieni ta’ tali “ċaħda ta’ dak li jkun” turi ruħha fir-rinunzji marbuta mal-impenn tal-komunjoni li s-Saċerdoti huma msejħa biex jattwaw bejniethom u mal-Isqof (cf. Lumen Gentium, 28; Pastores dabo vobis, 74). L-istituzzjoni tas-saċerdozju ministerjali seħħet fil-kwadru ta’ komunità u komunjoni saċerdotali. Kristu ġabar l-ewwel grupp, dak tat-Tnax, waqt li sejħilhom biex jiffurmaw unità fl-imħabba ta’ xulxin. Lil din il-komunità “saċerdotali” ewlenija ried li jiġbru madwarhom xi koperaturi. Waqt li bagħat fuq missjoni lit-tnejn u sebgħin dixxiplu, kif ukoll lit-tnax –il Appostlu, bagħathom tnejn tnejn (cf. Lq 10, 1; Mk 6, 7), kemm għal għajnuna reċiproka fil-ħajja u fix-xogħol, kif ukoll sabiex joħolqu d-drawwa tal-azzjoni komuni u ħadd ma jaġixxi bħallikieku kien waħdu, indipendenti mill-komunità-Knisja u mill-komunità-Appostli.

2. Dan jiġi kkonfermat mir-riflessjoni dwar is-sejħa ta’ Kristu li tagħti bidu għall-ħajja u għall-ministeru saċerdotali ta’ kull wieħed. Kull Sacerdozju fil-Knisja għandu bidu minn vokazzjoni. Din tkun indirizzata lil persuna partikolari, imma hija marbuta mas-sejħiet li jkunu ndirizzati lil oħrajn, fil-kuntest tal-istess pjan ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ santifikazzjoni tad-dinja. Bħall-Appostli, ukoll l-Isqfijiet u s-Saċerdoti jiġu msejħa flimkien, ukoll fil-multipliċità tal-vokazzjonijiet personali, minn Dak li jrid jimpenjahom ilkoll b’mod profond fil-misteru tar-Redenzjoni. Din il-komunità ta’ vokazzjoni tinvolvi ba ebda dubju ftuħ tal-individwi għall-oħrajn u ta’ kull wieħed lejn kulħadd, biex jgħixu u joperaw fil-komunjoni.

Dan ma jseħħx mingħajr iċ-ċaħda għall-individwaliżmu dejjem ħaj u rejazzjonarju, mingħajr l-attwazzjoni taċ-“ċaħda ta’ dak li jkun” (Mt 16, 24) fir-rebħa tal-karità fuq l-egoiżmu. Il-ħsieb tal-komunità tal-vokazzjoni, tradotta f’komunjoni, għandha madankollu tinkuraġġixxi lil kulħadd u lil kull wieħed għal xogħol maqbul, għall-għarfien tal-grazzja mogħtija b’mod singolari u b’mod kollettiv lill-Isqfijiet u lill-Presbiteri: grazzja mogħtija lil kull wieħed mhux għaliex dovuta għall-merti u l-kwalitajiet personali, u mhux biss għall-qdusija personali, imma minħabba l-“bini tal-Ġisem” (Ef 4, 12. 16).

Il-komunjoni saċerdotali ssib għeruqha b’mod profond mill-ġdid fis-sagrament tal-Ordni Sagri, li fih iċ-ċaħda tagħhom infushom ssir sehem spiritwali ferm iktar intimu fis-sagrifiċċju tas-Salib. Is-sagrament tal-Ordni Sagri jinvolvi t-tweġiba libera ta’ kull wieħed għas-sejħa li lilu ġiet indirizzata b’mod personali. It-tweġiba hija daqstant personali. Imma fil-konsagrazzjoni, l-azzjoni sovrana ta’ Kristu, operanti fl-ordinazzjoni permezz tal-Ispirtu Santu, toħloq kważi personalità ġdida, waqt li tittrasferixxi fil-komunità saċerdotali, barra minn l-isfera tal-iskop ndividwali, mentalità, kuxjenza, interessi ta’ min jirċievi s-sagrament. Dan huwa fatt psikoloġiku li jiġi mill-għarfien tar-rabta ontoloġika ta’ kull Presbiteru mal-oħrajn kollha. Is-saċerdozju mogħti lil kull wieħed għandu jeżerċita ruħu fl-isfera ontoloġika, psikoloġika u spiritwali ta’ din il-komunità. Allura jkollna tassew il-komunjoni saċerdotali. Don tal-Ispirtu Santu: imma wkoll frott tat-tweġiba ġeneruża tal-Presbiteru.

B’mod partikolari, il-grazzja tal-Ordni Sagri tistabilixxi rabta speċjali bejn l-Isqfijiet u s-Saċerdoti, għaliex huwa l-Isqof li jirċievi l-Ordinazzjoni saċerdotali, huwa minnu li  jinfirex is-saċerdozju, huwa hu li jdaħħal l-ordnati l-ġodda fil-komunità saċerdotali, li tagħha huwa stess huwa membru.

3. Il-komunjoni saċerdotali tissopponi u tinvolvi l-attakkament ta’ kulħadd, Isqfijiet u Presbiteri, mal persuna ta’ Kristu.  Meta Ġesù ried ried jaqsam mat-Tnax l-missjoni messjanika tiegħu, jgħid il-Vanġelu ta’ Marku li sejħilhom u ħatarhom “sabiex ikunu miegħu” (cf. Mk 3, 14). Fl-Aħħar Ċena huwa dar lejhom bħala dawk li kienu pperseveraw miegħu fil-provi (cf. Lk 22, 28), u rrakkomandalhom u talab lill-Missier għall-unità tagħhom. Waqt li jibqgħu ilkoll magħqudin ma’ Kristu, kienu jibqgħu magħqudin bejniethom (cf. Ġw 15, 4-11). L-għarfien ta’ din l-għaqda u komunjoni fi Kristu baqgħet ħajja fl-Appostli, tul il-predikazzjoni li minn Ġerusalem wasslithom fid-diversi reġġjuni tad-dinja magħrufa dak iż-żmien, taħt l-azzjoni urġenti u fl-istess ħin unifikanti tal-Ispirtu ta’ Pentekoste. Tali għarfien jidher ċar mill-ittri tagħhom, mill-Vanġeli u mill-Atti.

Ukoll fis-sejħa tal-Presbiteri ġodda għas-saċerdozju, Ġesù Kristu jitlobhom l-offerta tal-ħajja lil persuntu, waqt li hekk ifisser li jgħaqqadhom bejniethom grazzi għal rapport ta’ komunjoni speċjali miegħu. Dan huwa l-veru sors tal-ftehim profond tal-moħħ u tal-qalb li jgħaqqad lill-Presbiteri u lill-Isqfijiet fil-komunjoni saċerdotali.

Din il-komunjoni titma lilha nfisha bil-koperazzjoni għall-istess opra: il-bini spiritwali tal-komunità tal-fidwa. Bla dubju, kull Presbiteru għandu qasam personali ta’ attività, li fih jistà jimpenja l-fakultajiet u l-kwalitajiet tiegħu kollha, imma tali qasam jidħol fil-kwadru tal-opra ferm iktar wiesgħa li biha kull Knisja lokali tfittex li tiżviluppa s-Saltna ta’ Kristu. L-opra hija essenzjalment komunitarja, għalhekk kull wieħed irid jaġixxi f’koperazzjoni mal-ħaddiema l-oħra tal-istess Saltna.

Haġa magħrufa kemm ir-rieda li dak li jkun jaħdem għall-istess opra tistà ssostni u tistimola l-isforz komuni ta’ kull wieħed. Din toħloq sentiment ta’ solidarjetà u ġġiegħel li jkunu aċċettati s-sagrifiċċji li titlob il-koperazzjoni, fir-rispett tal-ieħor u bl-ilqugħ tad-differenza tiegħu. Huwa mportanti li dak li jkun josserva sa minn issa li din il-koperazzjoni ddur madwar ir-rapport bejn l-Isqof u l-Presbiteri, li s-subordinazzjoni tagħhom għal tal-ewwel hija essenzjali għall-ħajja tal-komunità nisranija. L-opra ghas-Saltna ta’ Kristu tistà tiżvolġi u tiżviluppa biss skont l-istruttura minnu stabbilita.

4. Issa hija ħaġa għażiża għalija li nenfasizza r-rwol li għandha f’din il-komunjoni l-Ewkaristija. Fl-aħħar Ċena, Ġesù ried iwaqqaf – fil-mod l-iktar sħiħ – l-unità tal-grupp tal-Appostli, li lilhom fada bħala ewlenin il-ministeru saċerdotali. Quddiem it-tilwim tagħhom għall-ewwel post, Huwa, bil-ħasil tar-riġlejn (cf. Ġw 13, 2-15), jagħti l-eżempju tas-servizz umli li jsolvi l-ġlied imqanqal mill-ambizzjoni, u jgħallem lill-ewwel Saċerdoti tiegħu biex ifittxu l-aħħar post pjuttost milli l-ewwel. Dejjem waqt iċ-Ċena, Ġesù jesprimi l-preċett tal-imħabba għal xulxin (cf. Ġw 13, 34; 15, 12), u jiftaħ s-sors tal-qawwa li jkun osservat: infatti, weħedhom, l-Appostli ma kinux ikunu kapaċi li jħobbu lil xulxin bħal ma l-Imgħallem kien ħabbhom; imma bil-komunjoni ewkaristika huma jirċievu l-qawwa li jgħixu l-komunjoni ekkleżjali u, f’din, il-komunjoni saċerdotali speċifika tagħhom. Waqt li joffri lilhom, bis-sagrament, din il-ħila ta’ mħabba superjuri, Ġesù setà jdur fuq il-Missier b’supplika kuraġġuża, dik li jwettaq fid-dixxipli tiegħu għaqda tixbaħ lil dik li ssaltan bejn il-Missier u l-Iben (Ġw 17, 21-23). Fic-Ċena, fl-aħharnett,, Ġesù jaħtar b’mod solidu lill-Appostli bil-missjoni u bil-poter li jwettqu l-Ewkaristija b’tifkira tiegħu waqt li b’hekk japprofondixxi ferm iktar r-rabta li kienet tgħaqqadhom. Il-komunjoni tal-poter li jiċċelebraw l-unika Ewkaristija ma setax ma jkunx għall-Appostli – u għas-suċċessuri u kollaboraturi tagħhom – sinjal u sors ta’ unità.

5. Huwa sinifikattiv li, fit-talba saċerdotali tal-aħħar Ċena, Ġesù jitlob mhux biss għall-konsagrazzjoni (tal-Appostli tiegħu) fil-verità (cf. Ġw 17, 17), imma għall-unità tagħhom, li tirrifletti l-istess komunjoni tal-Persuni divini (cf. Ġw 17, 11). Dik it-talba, minkejja li tirrigwarda qabel kollox lill-Appostli li Ġesù ried jgħaqqad b’mod partikolari madwaru, testendi ruħha wkoll għall-Isqfijiet u għall-Presbiteri, kif ukoll dawk li jemmnu, taż-żminijiet kollha. Ġesù jitlob li l-komunità saċerdotali tkun rifless u sehem tal-komunjoni trinitarja: bħala ideal sublimi! Madankollu ċ-ċirkostanzi li fihom Ġesù għolla talbtu jħalluna nifhmu li dan l-ideal, biex ikun imwettaq, jesiġi xi sagrifiċċji. Ġesù jitlob l-għaqda tal-Appostli tiegħu u tas-segwaċi tiegħu fil-waqt li fih joffri ħajtu lill-Missier. Huwa bil-prezz tas-sagrifiċċju tiegħu li huwa jirristawra l-komunjoni saċerdotali fil-Knisja tiegħu. Għalhekk il-Presbiteri ma jistgħux jistagħġbu bis-sagrifiċċji li l-komunjoni saċerdotali titlob minnhom. Imdawla minn kelmet Kristu, huma jiskopru fit-tali ċaħdiet sehem spiritwali u ekkleżjali konkret fis-Sagrifiċċju feddej tal-Imgħallem Divin.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.