80. L-Ispiritwalità Lajka għandha Għeruqha fi Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 01/12/1993.

1. L-irwol speċifiku tal-lajċi fil-Knisja jitlob, min-naħa tiegħu, ħajja spiritwali profonda.

Biex jgħinuhom jilħquha u jgħixuha, ġew ippubblikati opri tejoloġiċi u pastorali ta’ spiritwalità għal-Lajċi, ibbażati fuq is-suppożizzjoni li kull imgħammed huwa msejjaħ għall-qdusija. Il-mod li wieħed jattwa din is-sejħa jvarja skont id-diversitajiet tal-vokazzjonijiet partikulari, tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, tal-ħiliet u l-inklinazzjonijiet, tal-preferenzi personali għal dan jew dak l-imgħallem tat-talb u tal-apostolat, għal dan jew dak il-Fundatur tal-Ordni jew tal-Istituzzjoni reliġjuża: kif seħħ u kif iseħħ fis-sezzjonijiet kollha li jikkomponu l-Knisja oranti (li titlob), operanti u pellegrina lejn is-Sema. Huwa l-istess Konċilju Vatikan II li jfassal il-linji ta’ spiritwalità speċifika tal-lajċi, fil-qasam tad-dutrina tal-ħajja valida għal dawk kollha fil-Knisja.

2. A bażi ta’ kwalunkwè spiritwalità nisranija ma jistax ma jidwix il-kliem ta’ Kristu dwar il-bżonn ta’ għaqda vitali miegħu: “Ibqgħu fija. Min jibqà fija, u jiena fih, dawn jipproduċu ħafna frott” (Ġw 15, 5). Hija sinifikattiva d-distinzjoni, li għaliha jalludi t-test, bejn żewġ aspetti tal-għaqda: hemm preżenza ta’ Kristu fina, li għandna nilqgħu, nagħrfu, nixtiequ dejjem iktar, kuntenti jekk xi kultant itina li nisperimentawha b’mod partikolarment intens; u hemm preżenza tagħna fi Kristu, li aħna mistiedna nattwaw permezz tal-fidi u l-imħabba tagħna.

Din l-għaqda ma’ Kristu hija don tal-Ispirtu Santu, li jgħaddas fir-ruħ li taċċettah u tissekondah kemm fil-kontemplazzjoni tal-misteri divini, kif ukoll fl-apostolat li  jfittex li jikkomunika d-dawl, kif ukoll fl-azzjoni bi skop personali u soċjali. (cf. San Tumas d’Aquino, Summa theologiae, II-II, q. 45, a. 4). Il-lajċi huma msejħa għal tali esperjenza ta’ komunjoni daqs kull membru ieħor tal-Poplu ta’ Alla. Dan fakkru l-Konċilju waqt li wissa: “Waqt li jwettqu b’reqqa l-istess dmirijiet tal-dinja fil-kondizzjonijiet ordinarji tal-ħajja, ma jifirdux minn ħajjithom l-għaqda ma’ Kristu” (Apostolicam actuositatem, 4).

3. Billi dan huwa don tal-Ispirtu Santu, l-għaqda ma Kristu għandha tkun mitluba bit-talb. Bla ebda dubju, meta wieħed iwettaq l-attività tiegħu skont ir-rieda divina, iwettaq haġa li togħġob lill-Mulej, u dan diġa huwa forma ta’ talb. B’dan il-mod l-azzjonijiet l-iktar sempliċi jsiru tribut, li huwa ta’ tifħir lil Alla u lilu jogħġbu. Imma huwa daqstant ieħor veru li dan mhuwiex biżżejjed: huwa meħtieġ li wieħed jirriserva waqtiet speċifiċi x’jiddedika b’mod espress lit-talb, skont l-eżempju ta’ Ġesù li, f’nofs l-attività messjanika ukoll l-iktar qawwija, kien jirtira biex jitlob (cf. Lq 5, 16).

Dan jgħodd għal kulħadd, allura wkoll għal-lajċi. Il-forom u l-modi ta’ “waqfiet” simili ta’ talb jistgħu jkunu bosta: imma hu x’inhu huwa prinċipju li t-talb huwa indispensabbli għal kulħadd kemm f’ħajtu personali, kif ukoll fl-apostolat. Grazzi biss għal ħajja qawwija ta’ talb il-lajċi jistgħu jsibu l-ispirazzjoni, l-enerġija, il-kuraġġ fost id-diffikultajiet u l-ostakli, l-ekwilibriju, il-ħila tal-inizjattiva, tar-reżistenza u tal-irkupru.

4. Il-ħajja tat-talb ta’ kull fidil, hija għalhekk ukoll tal-lajk, ma jgħaddix mingħajr is-sehem fil-liturġija, mir-rikors għas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u fuq kollox miċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, fejn il-komunjoni sagramentali ma’ Kristu hija s-sors ta’ dik l-ispeċi ta’ immanenza mutwa bejn ir-ruħ u Kristu, li hu stess ixandar: “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jgħix fija, u jiena fih” (Ġw 6, 56). Il-festa ewkaristika tassikura dak in-nutriment spiritwali li jwassal għall-produzzjoni ta’ ħafna frott. Ukoll il-Christifideles laici huma mela msejħa u mistiedna għal ħajja ewkaristika qawwija. Is-sehem sagramentali fil-quddiesa tal-Ħadd għandu jkun għalihom is-sors kemm tal-ħajja spiritwali, kif ukoll tal-apostolat. Imberkin dawk li, barra l-Quddiesa u l-Komunjoni tal-Ħadd, iħossuhom miġbudin u mbuttati għall-Komunjoni ta’ spiss, irrakkomandata minn tant qaddisin, b’mod speċjali fiż-żminijiet riċenti li fih l-apostolat tal-lajċi ħa żvilupp dejjem ikbar.

5. Il-Konċilju irid ifakkar lil-lajċi li l-għaqda ma’ Kristu tistà u għandha tinvolvi l-aspetti kollha ta’ ħajjithom terrena: “La l-ħsieb tal-familja linqas l-impenji l-oħra sekolari m’għandhom ikunu barranin għall-ispiritwalità ta’ ħajjithom, skont il-kliem tal-Appostlu: “Dak kollu li tagħmlu bil-kliem u bl-opri, kollu għandu jsir f’isem il-Mulej Ġesù, waqt li permezz tiegħu niżżu ħajr lil Alla l-Missier” (Kol3, 17)” (AA 4). L-attività kollha umana tassumi fi Kristu sinifikat iktar għoli. Tinfetaħ hawn prospettiva wiesgħa u mdawla fuq il-valur tar-realtajiet tad-dinja. It-tejoloġija enfasizzat il-pożittività ta’ dak kollu li jeżisti u jaġixxi bis-saħħa tal-partiċipazzjoni tal-eżistenza, tal-verità, tas-sbuħija, tat-tajjeb ta’ Alla “Ħallieq u Mulej tas-sema u tal-art”, jew aħjar tal-univers kollu u ta’ kull realtà żgħira jew kbira li tagħmel parti mill-univers. Din kienet waħda mit-teżi fundamentali tal-viżjoni tal-kożmu ta’ San Tumas (cf. Summa theologiae, I, q. 6, a. 4; q. 16, a. 6; q. 18, a. 4; q. 103, aa. 5-6; q. 105, a. 5, ecc.), li bbażaha fuq il-ktieb tal-Ġenesi u fuq tant testi bibbliċi, u li x-xjenza wettqet b’mod wiesà bir-riżultati meraviljużi tal-investigazzjonijiet tagħha fuq il-mikrokożmu u fuq il-makrokożmu:  kollox iġorr ġo fih entità propja, kollox jiċċaqlaq skont il-ħila ta’ moviment tiegħu, imma kollox ukoll juri l-limitu tiegħu, id-dipendenza tiegħu, il-finaliżmu inerenti.

6. Spiritwalità, ibbażata fuq din il-viżjoni veritiera tal-ħwejjeġ, hija miftuħa għal Alla infinit u etern, imfittex, maħbub u moqdi fil-ħajja kollha, u misjub u magħruf bħala dawl li jispjega l-ġrajjiet tad-dinja u tal-istorja. Il-fidi tgħaddas u tipperfezzjoni dan l-ispirtu ta’ verità u ta’ għerf, u tippermetti l-projezzjoni ta’ Kristu fil-ħwejjeġ kollha, ukoll f’dawk hekk imsejħa “temporali”, li l-fidi u l-għerf juru fir-relazzjoni tagħhom mal-Alla li fih “aħna ngħixu, nimxu u neżistu” (At 17, 28); (cf. AA 4). Bil-fidi dak li jkun jidentifika, ukoll fl-ordni temporali, l-attwazzjoni tal-pjan divin ta’ mħabba feddejja, u fl-iżvolġiment tal-ħajja tiegħu il-prontezza kontinwa tal-Missier, rivelata minn Ġesù, jiġifieri l-interventi tal-Providenza bi tweġiba għat-talb u għall-bżonnijiet umani (cf. Mt 6, 25-34). Fil-kondizzjoni tal-lajċi din il-viżjoni ta’ fidi tqiegħed fid-dawl ġust il-ħwejjeġ ta’ kuljum, fit-tajjeb u fil-ħażin, fil-ferħ u fin-niket, fix-xogħol u fil-mistrieħ, fir-riflessjoni u fl-azzjoni.

7. Jekk il-fidi tagħti viżjoni ġdida tal-ħwejjeġ, it-tama tagħti enerġija ġdida wkoll għall-impenn fl-ordni temporali (cf. AA 4). Hekk il-lajċi jistgħu jixhdu li l-ispiritwalità u l-apostolat ma jipparalizzawx l-impenn għall-perfezzjonament tal-ordni temporali; fl-istess ħin huma juru l-kobor superjuri tal-iskopijiet li għalihom jimmiraw u tat-tama li tanimahom, u li huma jridu jikkomunikaw lill-oħrajn. Din hija tama li ma teskludix il-provi u n-niket, imma li ma tistax tiddiżappunta, għaliex hija stabbilita fuq il-misteru paskwali, misteru tas-salib u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu. Il-lajċi jafu u jixhdu li s-sehem fis-sagrifiċċju tas-Salib jwassal għall-qsim tal-ferħ komunikat mill-Kristu glorjuż. Hekk fl-istess ħarsa lejn il-ġid estern u temporali tiddi ċ-ċertezza intima ta’ min jarah u jitrattah, u bdanakollu jirrispetta l-iskop propju tiegħu, bħala mezz u triq lejn il-perfezzjoni tal-ħajja eterna. Dan kollu jseħħ bis-saħħa tal-karità, li l-Ispirtu Santu jgħaddas fir-ruħ (cf. Rm 5, 5) biex jagħmilha parteċipi, diġa fuq l-art, tal-ħajja ta’ Alla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.