79. Il-Lajċi jwieġbu għas-sejħa t’Alla b’ħafna Modi


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 24/11/1993.

1. Il-Knisja hija qaddisa u l-membri kollha tagħha huma msejħa għall-qdusija.

Il-lajċi jieħdu sehem fil-qdusija tal-Knisja, billi huma membri sħaħ tal-komunità nisranija: u dan is-sehem, li nistgħu ngħidulu ontoloġiku, għall-qdusija tal-Knisja, jittraduċi ruħu wkoll għal-lajċi f’impenn etiku personali ta’ qdusija. F’din il-kapaċità u f’din il-vokazzjoni ta’ qdusija, il-membri kollha tal-Knisja huma ndaqs (cf. Gal 3, 28).

Il-grad ta’ qdusija personali ma jiddependix mill-pożizzjoni okkupata fis-soċjetà u linqas fil-Knisja, imma b’mod uniku mill-grad ta’ karità migħux (cf. 1 Kor 13). Lajk li jilqà b’mod ġeneruż il-karità divina f’qalbu u f’ħajtu huwa iktar qaddis minn Saċerdot jew Isqof li jilqgħuha b’mod medjokri.

2. Il-qdusija nisranija għandha għeruqha fl-għaqda ma’ Kristu tal-Magħmudija. Dan is-sagrament jinsab fl-oriġni tal-komunjoni ekkleżjali fil-qdusija. Huwa dan li jidher mit-test Pawlin: “Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda” (Ef4, 5), ikkwotat mill-Konċilju Vatikan II, li minnu jieħu d-dikjarazzjoni dwar il-komunanza li torbot lill-insara fi Kristu u fil-Knisja (Lumen Gentium, 32). F’dan is-sehem fil-ħajja ta’ Kristu permezz tal-Magħmudija tinfilsa ruħha b’mod dirett l-qdusija ontoloġika, ekkleżjoloġika u etika ta’ kull wieħed li jemmen, kjeriku u lajk ikun xi jkun.

Jiddikjara l-Konċilju: “Is-segwaċi ta’ Kristu, imsejħa minn Alla u ġġustifikati f’ Ġesù Kristu mhux skont l-opri tagħhom, imma skont il-pjan u l-grazzja tiegħu, fil-magħmudija tal-fidi ġew magħmula tassew ulied Alla u mogħtija rwol ugwalment influwenti tan-natura divina, u għalhekk tassew qaddisin” (LG 40). Il-qdusija hija appartenenza ta’ Alla; din l-appartenenza tattwa ruħha fil-Magħmudija, meta Kristu jippossiedi tal-esseri uman biex jirrendih “parteċipi tan-natura divina” (cf. 2 Pt 1, 4) li hija fih bis-saħħa tal-Inkarnazzjoni (cf. Summa theologiae, III, q. 7, a. 13; q. 8, a. 5). Kristu jsir b’dan il-mod, tassew, bħal ma ingħad, “ħajja tar-ruħ”. Il-karattru sagramentali ittimbrat fil-bniedem mill-Magħmudija huwa s-sinjal u r-rabta tal-konsagrazzjoni lil Alla. Hawn hu għaliex Pawlu, waqt li jitkellem dwar l-imgħammdin, isejħilhom “il-qaddisin” (cf. Rm 1, 7; 1 Kor 1, 2; 2 Kor 1, 1; ecc.).

3. Imma, kif għidna, minn din il-qdusija ontoloġika joħroġ l-impenn tal-qdusija etika. Ilkoll irridu, kif jgħid il-Konċilju, “bla għajnuna ta’ Alla, inżommu u nipperfezzjonaw, waqt li ngħixuha, il-qdusija li rċivejna (LG 40). Ilkoll irridu nżommu l-qdusija, għaliex diġa għandna ż-żerriegħa fina stess; irridu niżviluppaw din il-qdusija li kienet mogħtija lilna. Ilkoll irridu ngħixu “kif jixraq lill-qaddisin” (Ef 5, 3) u nilbsu mill-ġdid, “bħala maħbubin ta’ Alla, qaddisin u għeżież, sentimenti ta’ ħniena, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ sabar” (Kol 3, 12). Il-qdusija li jippossiedu ma tħarishomx mit-tentazzjonijiet lanqas minn kull ħtija, għaliex fl-imgħammdin tibqà l-fraġilità persistenti tan-natura umana fil-ħajja preżenti. Il-Konċilju ta’ Trentu jgħallem, f’dan ir-rigward, li ħadd ma jistà għal ħajtu kollha jevita kull dnub, ukoll venjal, mingħajr privileġġ ta’ Alla, bħal ma l-Knisja temmen li seħħ għall-Verġni Santissma (cf. Denz. 1573). Dan iħeġġiġna għat-talb biex niksbu mingħand il-Mulej grazzja dejjem ġdida, il-perseveranza fit-tajjeb, u l-maħfra tad-dnubiet: “Aħfrilna dnubietna” (Mt 6, 12).

4. Skont il-Konċilju, is-segwaċi kollha ta’ Kristu, ukoll il-lajċi, huma msejħin għall-perfezzjoni tal-karità (LG 40). It-tendenza għall-perfezzjoni mhix privileġġ ta’ xi wħud, imma impenn tal-membri kollha tal-Knisja. U impenn għall-perfezzjoni nisranija jfisser mixja perseveranti lejn il-qdusija. Kif jgħid il-Konċilju. “Il-Mulej Ġesù, Mgħallem u Mudell divin ta’ kull perfezzjoni, għad-dixxipli kollha u individwi tiegħu ta’ kwalunkwè kondizzjoni ppriedka l-qdusija tal-ħajja, li tagħha huwa nnifsu huwa l-awtur u perfezzjonatur: “Kunu mela perfetti bħal ma hu Missierkom tas-sema” (Mt 5, 48)” (LG 40). U għalhekk: “Il-fidili kollha ta’ kwalunkwè stat u grad huma msejħin għall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità” (Ivi). Propju grazzi għall-qdusija ta’ kull wieħed tiġi ntrodotta perfezzjoni ġdida umana fis-soċjetà terrena: Bħal ma kienet tgħid il-Qaddejja ta’ Alla Eliżabetta Leseur, “kull ruħ li togħla, tgħolli magħha d-dinja”. Il-Konċilju jgħallem li “minn din il-qdusija huwa promoss, ukoll fis-soċjetà terrena, livell ta’ ħajja iktar uman” (Ivi).

5. F’dan il-punt jinħtieġ ninnutaw li r-rikkezza bla tarf tal-grazzja ta’ Kristu, ipparteċipata lill-bnedmin, tittraduċi ruħha fi kwantità u varjetà ta’ doni, li bihom kull wieħed u waħda nistgħu naqdu u nibbenefikaw lill-oħrajn fl-uniku ġisem tal-Knisja. Din kienet r-rakkomandazzjoni ta’ San Pietru lill-insara mferrxa fl-Asja Minuri, meta, waqt li ħeġġiġhom għall-qdusija, kien kiteb: “Kull wieħed jgħix skont il-grazzja, waqt li jqiegħda għas-servizz tal-oħrajn, bħala amministratur tajjeb ta’ grazzja versatili ta’ Alla” (1 Pt 4, 10).

Ukoll il-Konċilju Vatikan II jgħid li “fil-ġeneri differenti u fl-uffiċċji differenti qdusija unika hija kkultivata minn dawk kollha mċaqalqa mill-Ispirtu ta’ Alla” (LG 41). Hekk huwa jfakkar it-triq tal-qdusija għall-Isqfijiet, is-Saċerdoti, id-Djakni, il-Kjeriċi li jaspiraw li jsiru ministri ta’ Kristu, u “dawk il-lajċi magħżula minn Alla, li huma msejħa mill-Isqof sabiex jagħtu lilhom infushom iktar b’mod sħiħ għall-opri apostoliċi”. Imma b’mod iktar espliċitu huwa jikkonsidra l-ħajja tal-qdusija għall-insara impenjati fiż-żwieġ: “Il-miżżewġin u l-ġenituri nsara, waqt li jsegwu ħajjithom, għandhom b’imħabba kostanti jsostnu lil xulxin fil-grazzja għal ħajjithom kollha, u jedukaw fid-dutrina nisranija u fil-virtù evanġelika lil uliedhom, li b’imħabba aċċettaw mingħand Alla. Hekk infatti joffru lil kulħadd l-eżempju ta’ mħabba li ma tgħejjiex u ġeneruża, jibnu l-konsorzju fratern tal-karità, u jsiru xhieda u koperaturi tal-fertilità tal-Knisja Omm, b’sinjal ta’ parteċipazzjoni ta’ dik l-imħabba li biha Kristu ha lil Għarustu u ta lilu nnifsu għaliha” (Ivi).

Il-diskors jistà u għandu jkun estiż għall-kondizzjoni tal-persuni li jgħixu weħedhom, jew b’għażla personali jew minħabba ġrajjiet u ċirkustanzi partikolari: bħala ġuvintur u xebbiet, ir-romol, il-mifrudin u distanti. Għal kollha tgħodd is-sejħa divina għall-qdusija, attwata f’forma ta’ karità. Id-diskors jistà u għandu jkun ukoll estiż, bħal fis-Sinodu tal-1987 (cf. Chistifideles Laici, 17), għal dawk li fil-ħajja ordinarja professjonali u fix-xogħol ta’ kuljum joperaw għall-ġid tal-aħwa u l-progress tas-soċjetà, b’imitazzjoni ta’ Kristu ħaddiem. Jistà u għandu jkun estiż, fl-aħħarnett, għal dawk kollha li, kif jgħid il-Konċilju, “huma mgħaffġin mill-faqar, mid-dgħufija u mit-tribulazzjonijiet differenti, mard, u inkapaċitajiet jew ibatu persekuzzjonijiet għall-ġustizzja” dawn huma magħqudin b’mod speċjali ma’ Kristu batut għas-saħħa tad-dinja” (LG 41).

6. Bosta huma mela l-aspetti u l-forom tal-qdusija nisranija li huma miftuħa għal-lajċi, fil-kondizzjonijiet tal-ħajja differenti tagħhom, li fihom huma msejħa biex jimitaw lil Kristu, u jistgħu jirċievu mingħandu l-grazzja meħtieġa biex iwettqu l-missjoni tagħhom fid-dinja. Ilkoll huma mistiedna minn Alla biex isegwu t-triq tal-qdusija u biex jattiraw lejn din it-triq lil sħabhom tal-ħajja u tax-xogħol fid-dinja tal-ħwejjeġ temporali.  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.