100. L-Involviment taż-Żgħażagħ fl-Apostolat Lajk


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 31/08/1994.

1. Waqt li jistqarr l-bżonn tal-edukazzjoni nisranija u waqt li jfakkar lir-Rgħajja d-dmir gravissmu biex jagħmlu hekk ma’ kulħadd, il-Konċilju Vatikan II josserva li ż-żgħażagħ “huma t-tama tal-Knisja” (Gravissimum educationis, 2). X’inhuma r-raġunijiet ta’ din it-tama?

L-ewwel waħda wieħed jistà jgħid hija ta’ ordni demografiku. Iż-żgħażagħ “f’bosta pajjiżi tad-dinja, jirrapreżentaw nofs l-popolazzjoni kollha u, spiss, in-nofs numeriku tal-istess poplu ta’ Alla li jgħix f’dawk il-pajjiżi” (Gwanni Pawlu II, Christifideles laici, 46).

Imma hemm raġuni oħra li hija iktar qawwija, ta’ ordni psikoloġiku, spiritwali, ekklesjoloġiku. Il-Knisja llum tivvalorizza l-ġenerożità ta’ bosta żgħażagħ, ix-xewqa tagħhom li jirrendu d-dinja aħjar u li jaraw tipprogredixxi l-komuinità nisranija (cf. Ivi). Ħija għalhekk tindirizza l-attenzjoni tagħha lejhom, għaliex tara fihom sehem privileġġjat tat-tama li tiġihom mill-Ispirtu Santu.

Il-grazzja li topera fiż-żgħażagħ tħejji progress tal-Knisja kemm fl-estensjoni kif ukoll fil-kwalità. Huwa għalhekk sewwa li nistgħu nitkellmu dwar Knisja taż-żgħażagħ, waqt li niftakru li l-Ispirtu Santu jġedded f’kulħadd – ukoll fl-anzjani, dment li jibqgħu miftuħin u disponibbli – iż-żgħożija tal-grazzja.

2. Din hija konvinzjoni li tintrabat mar-realtà tal-oriġni tal-Knisja. Ġesù beda l-ministeru tiegħu u l-opra tal-fondazzjoni tal-Knisja meta kellu madwar tletin sena. Biex jagħti ħajja lill-Knisja, għażel xi persuni li, talinqas parti minnhom, kienu żgħażagħ. Bil-koperazzjoni tagħhom ried jinawgura żmien ġdid, jagħti żvolta lill-istorja tal-fidwa. Għażilhom u ffurmahom bi spirtu li wieħed jistà jsejjaħlu żagħżugħ, waqt li esprima l-prinċipju li “ħadd ma jferrà l-imbid il-ġdid f’damiġġjani qodma” (Mk 2, 22), metafora tal-ħajja l-ġdida, li tiġi mill-etern u tiltaqà max-xewqa ta’ tibdil, ta’ innovazzjoni, karitteristika taż-żgħażagħ. Ukoll ir-radikalità tad-dedikazzjoni għal kawża, tipika tal-età żagħżugħa, kellha tkun preżenti f’dawk il-persuni magħżula bħala l-Appostli futuri ta’ Ġesù: dan nistgħu niddeduċuh mid-diskors li huwa jagħmel liz-żagħżugħ għani, li iżda m’għandux il-kuraġġ li jaċċetta u jsegwi l-proposta (cf. Mk 10, 17-22), u mill-valutazzjoni suċċessiva ta’ Pietru (cf. Mk 10, 28).

Il-Knisja twieldet minn dawk l-istimuli ta’ żgħożija li kienu jiġu mill-Ispirtu Santu viventi fi Kristu u minnu mgħoddija lid-dixxipli u lill-Appostli u mbagħad lill-komunitajiet minnhom imlaqqgħa mill-jiem tal-Pentekoste.

3. Minn dawk l-ewwel stimuli joħroġ is-sens ta’ fiduċja u ta’ ħbiberija li biha l-Knisja sa mill-bidu ħarset lejn iż-żgħażagħ, kif wieħed jistà jiddeduċi mill-espressjonijiet tal-Appostlu Ġwanni, li kien żagħżugħ u kien imsejjaħ minn Kristu, ukoll jekk meta kien qed jikteb kien anzjan: “Ktibtilkom, uliedi, għaliex għaraftu lill-Missier. Ktibt lilkom, żgħażagħ, għaliex intom qawwija u l-kelma ta’ Alla tgħammar fikom u intom irbaħtu l-ħażen” (1 Ġw 2, 14).

Huwa nteressanti dan l-aċċenn għas-saħħa żagħżugħa. Kulħadd jaf li ż-żgħażagħ japprezzaw il-qawwa fiżika, li turi ruħha – per eżempju – fl-isport. Imma San Ġwann ried jagħraf u jfaħħar il-qawwa spiritwali murija miż-żgħażagħ tal-komunità nisranija li lilha kien qed jibgħat l-Ittra tiegħu: qawwa li tiġi mill-Ispirtu Santu u li ġġib ir-rebħa fit-taqbid u fit-tentazzjonijiet. Ir-rebħa morali taż-żgħażagħ hija wirja tal-qawwa tal-Ispirtu Santu imwegħda u mogħtija minn Ġesù lill-Appostli tirgħu, u timbotta liż-żgħażagħ insara tallum, bħal dawk tal-ewwel seklu, lejn sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja.

4. Din hija dokumentazzjoni kostanti mhux biss tal-psikoloġija, imma wkoll tal-ispiritwalità żagħżugħa, dik li ma tikkuntenta ruħha qatt b’adeżjoni passiva fil-fidi; iż-żgħażagħ iħossu x-xewqa li jikkontribwixxu b’mod attiv fl-iżvilupp tal-Knisja, bħal dak tas-soċjetà ċivili. Dan wieħed jinnutah fil-bosta ġuvintur u tfajliet għaqlin tallum, li jixtiequ jkunu “protagonisti tal-evanġelizzazzjoni u awturi tat-tiġdid soċjali”. Ladarba “ż-żgħożija hija ż-żmien ta’ skoperta b’mod partikolari qawwija tal-propja “jien” u tal-propja proġett tal-ħajja” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 46), illum iktar minn qatt qabel hemm bżonn li ngħinu liż-żgħażagħ jagħrfu lilhom infushom għal dak li hemm ġo fihom sabih u promettenti. Il-kwalitajiet u l-ħiliet tagħhom għandhon jiġu orjentati lejn l-iskop l-iktar għoli li jistà jattirahom u jentużjażmahom: il-ġid tas-soċjetà, is-solidarjetà lejn l-aħwa kollha, it-tixrid tal-ideal evanġeliku ta’ ħajja u ta’ impenn konkret għall-proxxmu, is-sehem fl-isforzi tal-Knisja biex tiffavorixxi l-miġja ta’ dinja aħjar.

5. F’dan id-dawl, ngħidu li illum hemm bżonn li ninkuraġġixxu liż-żgħażagħ biex jiddedikaw ruħhom b’mod partikolari għall-promozzjoni tal-valuri li huma stess l-iktar japprezzaw u jridu jasserixxu. Bħal ma kienu jgħidu s-Santi Padri tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1987, “is-sensibiltà taż-żgħażagħ tħoss b’mod profond il-valuri tal-ġustizzja, tan-non-vjolenza u tal-paċi. Qalbhom hija miftuħa għall-fraternità, għall-ħbiberija u għas-solidarjetà. Huma nnobilitati bil-kbir għall-kawżi li jirrigwardaw il-kwalità tal-ħajja u l-konservazzjoni tan-natura”. (Ench. Vat., 2206).

Dawn huma valuri bla dubju konformi mat-tagħlim tal-Vanġelu. Nafu li Ġesù ħabbar ordni ġdid ta’ ġustizzja u ta’ mħabba; li, waqt li ddefinixxa lilu nnifsu “manswet u umli tal-qalb” (Mt 11, 29), warrab kull vjolenza u ried jagħti lill-bnedmin il-paċi tiegħu, iktar ġenwina, konsistenti u duratura minn dik tad-dinja (cf. Ġw 14, 27). Huma valuri ta’ interjorità u ta’ spiritwalità: imma nafu li Ġesù stess stimola lis-segwaċi tiegħu biex jittraduċihom fi twettiq ta’ mħabba mutwa, fraternità, ħbiberija, solidarjetà, rispett għall-persuni u għall-istess natura, opra ta’ Alla u qasam ta’ kollaborazzjoni miegħu min-naħa tal-bniedem. Iż-żgħażagħ għalhekk isibu fil-Vanġelu l-appoġġ l-iktar validu u sinċier għall-ideal li jħossu jwieġeb għall-aspirazzjonijiet u għall-proġetti tagħhom.

6. Minn naħa oħra huwa wkoll minnu li ż-żgħażagħ “huma wkoll mimlijin bl-inkwiet, bid-delużjonijiet, ansjetà u biżà tad-dinja, minbarra t-tentazzjonijiet propji tal-istat tagħhom” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 46). Dan huwa l-wiċċ l-ieħor tar-realtà żagħżugħa, li wieħed ma jistax jinjoraha. Imma, minkejja li rridu nkunu esiġenti b’mod għaref maż-żgħażagħ, imħabba sinċiera lejhom twassal biex insibu t-toroq l-iktar addattati biex ngħinuhom jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom. Jistà jkun li l-aħjar triq hija dik tal-impenn fl-apostolat tal-lajċi, bħala servizz lil ħuthom tal-qrib u tal-bogħod, f’komunjoni mal-Knisja evanġelizzatriċi.

Jiena nawgura li ż-żgħażagħ isibu spazji dejjem iktar wiesgħa ta’ apostolat. Il-Knisja għandha tgħarrafhom il-messaġġ tal-Vanġelu bil-wegħdiet tagħha u bit-talbiet tagħha. Min-naħa tagħhom iż-żgħażagħ għandhom jesprimu lill-Knisja l-aspirazzjonijiet tagħhom, il-proġetti tagħhom. “Dan id-djalogu reċiproku, li għandu jitwettaq b’kordjalità kbira, ċarezza u kuraġġ, jiffavorixxi l-laqgħa u l-bdil bejn il-ġenerazzjonijiet, u jkun sors ta’ għana u ta’ żgħożija għall-Knisja u għas-soċjetà ċivili” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 46).

7. Il-Papa mhu se jgħejja qatt jirrepeti l-istedina għad-djalogu u jħeġġeġ l-impenn taż-żgħażagħ. Dan għamlu f’ħafna testi indirizzati lilhom, b’mod partikolari fl-Ittra fl-okkażjoni tas-Sena Internazzjonali taż-Żgħożija tal-Ġnus Magħquda (1985). Dan għamlu u jagħmlu f’tant laqgħat ma’ gruppi żgħażagħ fil-parroċċi, assoċjazzjonijiet, movimenti, u l-iktar fil-liturġiji ta’ Ħadd il-Palm u fil-laqgħat mondjali, bħal Santiago de Campostela, Czestochowa, u f’Denver.

Din hija waħda mill-esperjenzi l-iktar konfortanti tal-ministeru pontifikali tiegħi, kif ukoll tal-attività pastorali ta’ ħuti l-Isqfijiet tad-dinja kollha, li, bħall-Papa jaraw il-Knisja tavanza maż-żgħażagħ fit-talb, fis-servizz tal-umanità, fl-evanġelizzazzjoni. Ilkoll imxennqa biex dejjem inkunu fidili iktar ma’ l-eżempju u t-tagħlim ta’ Ġesù, li sejjaħ biex insegwuh fuq it-triq taċ-“ċkejknin” u taż-“żgħażagħ”.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb